Vittmi (proċeduri kriminali)

Huwa importanti li l-vittmi jkollhom rwol attiv fil-proċedimenti kriminali kontra t-trasgressur. Filwaqt li l-iskop prinċipali tal-proċedimenti kriminali huwa li tiġi vvalutata r-responsabbiltà tat-trasgressur(i), normalment il-vittmi jistgħu jipparteċipaw b'mod attiv u bi dritt tagħhom. Id-Direttiva tal-2012 dwar id-Drittijiet tal-Vittmi ssaħħaħ id-drittijiet tal-vittmi inkluż id-drittijiet proċedurali.

Ir-rwol tal-vittmi fil-proċedimenti kriminali u l-liġi rilevanti tal-Istati Membri jvarja konsiderevolment minn Stat Membru għal ieħor. Biex jiġi żgurat livell minimu ta’ drittijiet tal-vittmi fl-Istati Membri kollha, l-UE adottat diversi strumenti legali tal-UE li tistabbilixxi regoli komuni mmirati lejn il-protezzjoni u l-assistenza għall-vittmi tal-kriminalità: Strumenti orizzontali dwar id-drittijiet tal-vittmi b’mod ġenerali, strumenti aktar speċifiċi dwar il-miżuri ta’ protezzjoni u kumpens finanzjarju lill-vittmi tal-kriminalità u dwar l-istrumenti tal-liġi sostantiva dwar it-traffikar tal-bnedmin u l-isfruttament sesswali tat-tfal.

It-tisħiħ tad-drittijiet tal-vittmi fl-UE

  • Id-Direttiva 2012/29/UE li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità tiżgura li persuni li sfaw vittmi ta’ delitti huma rikonoxxuti, trattati b’rispett u jirċievu protezzjoni xierqa, appoġġ u aċċess għall-ġustizzja. Id-Direttiva tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-2001 dwar il-pożizzjoni tal-vittmi fi proċedimenti kriminali u ssaħħaħ konsiderevolment id-drittijiet tal-vittmi u tal-membri tal-familja tagħhom għall-informazzjoni, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi u d-drittijiet proċedurali fil-proċedimenti kriminali. Id-Direttiva tirrikjedi wkoll li l-Istati Membri jiżguraw it-taħriġ xieraq dwar il-bżonnijiet tal-vittmi għall-uffiċjali li x’aktarx jiġu f’kuntatt ma’ vittmi u tħeġġeġ il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-koordinazzjoni tas-servizzi nazzjonali ta’ azzjonijiet tagħhom dwar id-drittijiet tal-vittmi.

L-Istati Membri għandhom jimplimentaw id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva fil-liġijiet nazzjonali sas-16 ta' Novembru 2015. Id-DĠ Ġustizzja ħarġet dokument ta’ gwida PDF (273 Kb) en biex jassisti lill-Istati Membri f’dan il-proċess. Dan id-dokument jiċċara kull dispożizzjoni tad-Direttiva u jissuġġerixxi modi possibbli tal-implimentazzjoni tagħhom. Dan jgħin l-awtoritajiet nazzjonali, il-prattikanti u għall-fornituri tas-servizzi rilevanti biex wieħed jifhem x’inhu meħtieġ biex jagħmlu d-drittijiet tal-vittmi stipulati fid-Direttiva jsiru realtà kullimkien fl-UE.

L-aħħar aġġornament: 07/10/2021

Din il-paġna hi amministrata mill-Kummissjoni Ewropea. L-informazzjoni f’din il-paġna ma tirriflettix neċessarjament il-pożizzjoni uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea. Il-Kummissjoni ma taċċetta l-ebda responsabbiltà fir-rigward ta’ kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali fir-rigward tar-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-paġni Ewropej.