Medjazzjoni fil-pajjiżi tal-UE

Slovakkja

Minflok tmur il-qorti, għaliex ma tippruvax issolvi t-tilwima tiegħek permezz tal-medjazzjoni? Din hija forma ta’ soluzzjoni alternattiva għat-tilwim, fejn medjatur jgħin lill-partijiet fit-tilwima jilħqu ftehim. Il-Gvern u l-ġuristi fis-Slovakkja huma konxji mill-vantaġġi tal-medjazzjoni.

Il-kontenut ipprovdut minn
Slovakkja

Lil min għandi nikkuntattja?

Is-sit web tal-Ministeru tal-Ġustizzja Slovakk għandu taqsima dwar il-medjazzjoni disponibbli bis-Slovakk biss.

F’liema qasam huwa ammissibbli u/jew l-aktar komuni l-użu tal-medjazzjoni?

Il-mekkaniżmi ta’ medjazzjoni huma deskritti fl-Att Nru 420/2004 dwar il-medjazzjoni, li jemenda diversi atti, kif emendat, li jistabbilixxi:

  • kif titwettaq il-medjazzjoni;
  • il-prinċipji bażiċi tal-medjazzjoni, u
  • l-organizzazzjoni u l-effetti tal-medjazzjoni.

Dan l-Att japplika għal tilwim f’relazzjonijiet skont il-liġi ċivili, il-liġi tal-familja, il-liġi kuntrattwali kummerċjali u l-liġi tax-xogħol.

Il-medjazzjoni hija proċedura li ssir barra l-qorti li fiha l-partijiet konċernati jkollhom l-assistenza ta’ medjatur biex isolvu tilwim li joriġina mir-relazzjoni kuntrattwali jew legali oħra ta’ bejniethom. Din hija proċedura li biha żewġ partijiet jew aktar għal tilwima jsolvuha bl-għajnuna ta’ medjatur.

§170(2) tal-Att Nru 160/2015, il-Kodiċi tal-Proċedura ta’ Tilwim Ċivili, kif emendat, jistipula li: “Kull fejn ikun possibbli u xieraq, il-qorti għandha tipprova ssolvi t-tilwima b’mod amikevoli, jew tirrakkomanda lill-partijiet biex jippruvaw jilħqu ftehim bonarju permezz ta’ medjazzjoni.”

Informazzjoni u taħriġ

It-Taqsima dwar il-medjazzjoni fuq is-sit web tal-Ministeru tal-Ġustizzja Slovakk tipprovdi informazzjoni dwar il-medjazzjoni bis-Slovakk. Għal aktar informazzjoni jekk jogħġbok żur is-sit web tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew.

Kemm tiswa l-medjazzjoni?

Il-medjazzjoni hija servizz bi ħlas. Ir-remunerazzjoni tal-medjatur hija individwali u normalment tkun ibbażata fuq rata fis-siegħa jew tariffa fissa. Il-medjazzjoni hija attività kummerċjali u ma hemm l-ebda spiża fissa.

Huwa possibbli li jiġi infurzat ftehim medjat?

Id-Direttiva 2008/52/KE tippermetti lill-partijiet għal ftehim bil-miktub li jirriżulta minn medjazzjoni li jitolbu li l-kontenut tal-ftehim isir eżegwibbli. L-Istati Membri se jikkomunikaw dan lill-qrati u lil awtoritajiet oħra kompetenti biex jirċievu talbiet bħal dawn.

Il-medjazzjoni hija proċess informali, volontarju u kunfidenzjali għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti bl-għajnuna ta’ medjatur. L-għan tal-medjazzjoni huwa li jintlaħaq ftehim li jkun aċċettabbli għaż-żewġ partijiet.

Il-ftehim li jirriżulta mill-proċedura ta’ medjazzjoni għandu jkun bil-miktub. Dan japplika primarjament għall-partijiet fil-ftehim u huwa vinkolanti fuqhom. Abbażi ta’ dak il-ftehim, il-parti intitolata tista’ titlob għall-eżekuzzjoni ġudizzjarja tad-deċiżjoni jew għall-qbid, dment li l-ftehim ikun:

  • imfassal fil-forma ta’ att notarili;
  • approvat bħala soluzzjoni minn qorti jew korp ta’ arbitraġġ.

Jekk il-medjazzjoni ma twassal għall-ebda ftehim, il-kwistjoni tista’ titkompla fil-qorti.

Links relatati

Ministeru għall-Ġustizzja tar-Repubblika Slovakka

L-aħħar aġġornament: 19/05/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.