Fil-qasam tal-ġustizzja ċivili, il-proċeduri u l-proċedimenti pendenti mibdija fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni se jkomplu skont il-liġi tal-UE. Il-Portal tal-e-Ġustizzja, abbażi tal-ftehim reċiproku mar-Renju Unit, se jżomm l-informazzjoni rilevanti marbuta mar-Renju Unit sa tmiem l-2024.
Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna l-Ingliż ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Swipe to change

Medjazzjoni fil-pajjiżi tal-UE

Skozja

Minflok tmur il-qorti, għaliex ma tippruvax issolvi t-tilwima tiegħek permezz tal-medjazzjoni? Din hija miżura ta' soluzzjoni alternattiva għat-tilwim ((ADR) - alternative dispute resolution), fejn medjatur jgħin lil dawk involuti f'tilwima sabiex jaslu għal ftehim. Il-gvern u l-ġuristi fl-Iskozja huma konxji mill-vantaġġi potenzjali tal-medjazzjoni. Fir-Renju Unit, il-ġurisdizzjoni tal-Iskozja għandha organizzazzjoni speċifika u dispożizzjonijiet speċifiċi rigward il-medjazzjoni.

Il-kontenut ipprovdut minn
Skozja
Ma hemm l-ebda traduzzjoni uffiċjali tal-verżjoni tal-lingwa li qed tara.
Hawnhekk tista' tara verżjoni tradotta awtomatikament ta' dan il-kontenut. Jekk jogħġbok innota li din hi pprovduta biss għal finijiet kuntestwali. Is-sid ta’ din il-paġna ma jaċċetta ebda responsabbiltà jew obbligazzjoni fir-rigward tal-kwalità ta’ dan it-test tradott b'mod awtomatiku.

Lil min għandek tikkuntattja?

Id-Diviżjoni tas-Sistema Ġudizzjarja, il-Kostituzzjoni, id-Direttorat tal-Liġi u tal-Qrati tal-Gvern Skoċċiż hija responsabbli għall-politika dwar il-medjazzjoni fl-Iskozja.

Indirizzi rilevanti fir-rigward tal-medjazzjoni:

  • Scottish Mediation Network, 18 York Place, Edinburgh, EH1 3EP
  • SACRO (Safeguarding Communities Reducing Offending), 29 Albany Street, Edinburgh EH1 3QN
  • Scottish Community Mediation Network 21 Abercromby Place, Edinburgh EH3 6QE. Relationships Scotland, 18 York Place, Edinburgh, EH1 3EP
  • Relationships Scotland, 18 York Place, Edinburgh, EH1 3EP

F'liema qasam tista' ssir medjazzjoni u/jew liema qasam huwa l-aktar komuni?

Ir-rikors għall-medjazzjoni jista' jsir fl-oqsma kollha tal-liġi. Il-medjazzjoni tintuża l-aktar fil-kunflitti familjari u t-tilwim fil-viċinat. It-tilwim kummerċjali u tan-negozju dejjem aktar qed jiġi referut għall-medjazzjoni. Il-medjazzjoni trid tiġi offruta fit-tilwim dwar ħtiġijiet ta' appoġġ addizzjonali, u l-konċiljazzjoni trid tkun disponibbli fit-talbiet dwar id-diskriminazzjoni fir-rigward tad-diżabbiltà.

Hemm regoli speċifiċi li wieħed irid isegwi?

Il-professjoni ta' medjazzjoni emerġenti fl-Iskozja ma għandhiex qafas regolatorju mandatorju. Lanqas ma huwa prerekwiżit li jitnedew ċerti tipi ta' proċedimenti tal-qorti. Il-medjazzjoni hija totalment volontarja.

Madankollu, jeżisti kodiċi ta' kondotta għall-medjazzjoni fl-Iskozja. Il-kodiċi jieħu inkonsiderazzjoni d-diversi oqsma tal-ispeċjalizzazzjoni: bħal pereżempju l-liġi dwar il-familja, il-mediċina, u x-xogħol ta' kostruzzjoni. Il-gvern tal-Iskozja ta l-appoġġ tiegħu lill-ħidma tal-(SMN) u lill-iżvilupp tal- iScottish Mediation Register (SMR). Il-membri kollha tal-SMN huwa mitluba josservaw il-kodiċi ta' kondotta għall-medjazzjoni fl-Iskozja. Dawn il-medjaturi u s-servizzi ta' medjazzjoni li jidhru fuq l-SMR jistgħu wkoll juru standards ogħla. L-aċċess għal dawn is-siti elettroniċi ta' dawn iż-żewġ inizjattivi huwa liberu, u jiġu kkonsultati spiss, u l-medjaturi għandhom josservaw il-kodiċi jekk iridu jidhru fuq is-siti.

Kif tista' taċċesa l-informazzjoni dwar il-medjazzjoni

L-informazzjoni dwar il-medjazzjoni hija disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-iScottish Mediation Network (SMN), u l-iScottish Mediation Register (SMR) jipprovdi informazzjoni dwar kif wieħed isib medjatur fl-Iskozja. Dawn iż-żewġ siti elettroniċi huma disponibbli għall-pubbliku ġenerali u joffru aċċess għall-informazzjoni kollha.

L-iScottish Mediation Register huwa reġistru indipendenti ta' medjaturi u ta' servizzi ta' medjazzjoni. Dan is-sit elettroniku jtik aċċess liberu għall-informazzjoni dwar persuni li jipprattikaw kull tip ta' medjazzjoni. Ir-reġistru huwa amministrat mill-iScottish Mediation Network (SMN).

Id-dejta fuq dan is-sit tiġi aġġornata mill-medjaturi mill-inqas darba fis-sena.

Wieħed mill-għanijiet tar-Reġistru tal-Medjazzjoni Skoċċiż huwa sabiex iserraħ ras in-nies mill-kwalità professjonali tal-medjaturi li huma jagħżlu, billi jiċċertifika li dawn jilħqu l-istandards minimi. Dawn l-istandards huma stabbiliti permezz ta' Bord tal-Istandards independenti. Kull wieħed mill-medjaturi li jidher fir-Reġistru tal-Medjazzjoni Skoċċiż jista' jsejjaħ lilu nnifsu "Medjatur Reġistrat tal-Medjazzjoni Skoċċiza" u juża l-logo tal-SMR ħdejn ismu.

Ladarba organizzazzjoni ta' regolamentazzjoni tiċċertifika li medjatur ikun laħaq l-istandards settorjali addizzjonali tal-organizzazzjoni, tista' tiġi applikata "badge" minn dik l-organizzazzjoni ħdejn isem il-medjatur fuq il-reġistru.

Informazzjoni u taħriġ

Sa mill-2004, in-Netwerk tal-Medjazzjoni Skoċċiża (SMN – Scottish Mediation Network) jipprovdi "mappa ta' medjazzjoni" fuq is-sit elettroniku tiegħu. Il-preżentazzjoni tal-informazzjoni ġiet aġġornata bosta drabi - ħidma li ġiet iffinanzjata mill-gvern Skoċċiż. Il-ħolqa tidher f’bosta fuljetti u links fis-siti elettroniċi. Din issa ntrabtet mar-Reġistru tal-Medjazzjoni Skoċċiż biex tipprovdi punt uniku ta' riċerka biex jinstab medjatur ikkwalifikat.

L-uffiċċju tal-SMN jirċievi wkoll mistoqsijiet bit-telefon, li jiġu diretti lejn is-servizzi adatti tal-medjazzjoni.

L-SMR jistipula kwalifiki ta' medjatur sabiex il-partijiet ikollhom informazzjoni aħjar meta jagħżlu medjatur.

Fl-Iskozja, hemm programmi ta' taħrig għall-isferi differenti tal-medjazzjoni. Kull programm jieħu madwar 30 siegħa u għandu jinkludi taħriġ:

  • Fil-prinċipji u l-prattika tal-medjazzjoni
  • Fl-Istadji fil-proċess ta' medjazzjoni
  • Fl-etika u l-valuri tal-medjazzjoni
  • Fil-kuntest legali tat-tilwim (jekk ikun hemm)
  • Fil-ħiliet ta' komunikazzjoni utli fil-medjazzjoni
  • Fil-ħiliet ta' negozjar u l-applikazzjoni tagħhom
  • Fl-effetti tal-kunflitti u modi kif dawn għandhom jiġu ttrattati
  • Fid-diversità.

X’inhi l-ispiża tal-medjazzjoni?

L-ispiża tal-medjazzjoni tvarja skont min ikun il-fornitur u mhijiex irregolata mill-istat.

Il-medjazzjoni hija ġeneralment mingħajr ħlas għall- individwi meta t-tilwim jinvolvi kunflitti marbuta ma' tfal, ma' ġirien u mal-komunità, jew meta jinvolvi ħtiġijiet ta' appoġġ addizzjonali u konċiljazzjoni tad-diskriminazzjoni minħabba f'diżabbiltà.

It-tariffi għall-medjaturi privati jibdew minn £200 għal £2000 jew aktar kuljum.

Ftehim li jirriżulta mill-medjazzjoni jista' jiġi eżegwit?

Id-Direttiva 2008/52/KE tippermetti lil dawk kollha involuti f'tilwim li jitolbu li ftehim bil-miktub li jiġi mill-medjazzjoni jsir eżegwibbli. L-Istati Membri jridu jikkomunikaw dan lill-qrati u lill-awtoritajiet kompetenti l-oħra li jistgħu jirċievu dawn it-talbiet.

Ħoloq Relatati

Netwerk tal-Medjazzjoni Skoċċiża, Reġistru tal-Medjazzjoni Skoċċiż, Standards, Medjazzjoni Skoċċiża: Medjaturi Reġistrati, organizzazzjoni ta' regolamentazzjoni

L-aħħar aġġornament: 11/10/2018

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.