Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna il-Pollakk ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Swipe to change

Medjazzjoni fil-pajjiżi tal-UE

Polonja

Ta' min jipprova jsib soluzzjoni alternattiva għat-tilwim permezz tal-medjazzjoni minflok rikors il-qorti. Il-medjazzjoni hija metodu ta' soluzzjoni alternattiva għat-tilwim (ADR) fejn il-medjatur jgħin lill-partijiet biex jaslu għal ftehim. Kemm il-gvern u kemm il-professjonijiet ġuridiċi fil-Polonja huma konxji tal-vantaġġi tal-medjazzjoni.

Il-kontenut ipprovdut minn
Polonja

Lil min nista' nikkuntattja?

Fl-2010 nħolqot sezzjoni fi ħdan il-Ministeru tal-Ġustizzja biex tieħu ħsieb il-medjazzjoni, li attwalment topera fit-Taqsima għall-Vittmi tad-Delitti u l-Promozzjoni tal-Medjazzjoni (Wydział ds. Pokrzywdzonych Przestępstwem i ds. Promocji Mediacji) fi ħdan id-Dipartiment tal-Kooperazzjoni Internazzjonali u d-Drittijiet tal-Bniedem. Informazzjoni dwar l-isfond tal-attivitajiet tal-medjazzjoni tista' tinkiseb fuq is-sit elettroniku tal-Ministeru tal-Ġustizzja (Ministerstwo Sprawiedliwości).

Riċentament, il-Ministeru tal-Ġustizzja ta attenzjoni partikolari lill-kwistjonijiet relatati mal-iżvilupp u l-promozzjoni tal-medjazzjoni u metodi oħra ta' soluzzjoni alternattiva fil-Polonja u ż-żieda fl-effikaċja tas-sistema ġudizzjarja u l-aċċessibbiltà tagħha għaċ-ċittadini.

Fl-2010 nħatar netwerk ta' koordinaturi tal-medjazzjoni fuq inizjattiva tal-Ministeru.
Bħalissa hemm 120 koordinatur (imħallfin, uffiċjali tal-probation u medjaturi), fi tmien qrati tal-appell, fil-qrati reġjonali kollha u f'sitt qrati tad-distrett.

Fir-rigward ta' pariri u opinjonijiet, il-Ministru tal-Ġustizzja jaħdem mal-Kunsill Soċjali dwar is-Soluzzjoni Alternattiva għat-Tilwim u l-Kunflitti (Społeczną Radą ds. Alternatywnych Metod Rozwiązywania Konfliktów i Sporów) ('il-Kunsill ADR' - email: adr_rada@ms.gov.pl), li għandu rwol importanti fil-promozzjoni tal-idea tal-medjazzjoni u l-komunikazzjoni bejn il-gvern ċentrali, is-sistema ġudizzjarja u l-medjaturi għal kwistjonijiet ambjentali.

Il-Kunsill ġie maħtur l-ewwel darba permezz ta' Ordni tal-Ministru tal-1 ta' Awwissu 2005 bħala korp li jagħti pariri lill-Ministru fuq kwistjonijiet ta' soluzzjoni alternattiva għat-tilwim u l-kunflitt b'mod ġenerali. Il-kisbiet tal-ewwel perjodu tal-Kunsill kienu jinkludu d-dokumenti li ġejjin:

Il-Kunsill ADR ġie maħtur għat-tieni perjodu tiegħu b'Ordni tal-Ministru tal-Ġustizzja tat-3 ta' April 2009 (emendat mill-Ordni tal-Ministru tal-Ġustizzja tal-1 ta' Lulju 2011). L-aktar dokument importanti ippreparat mill-Kunsill dak iż-żmien huwa L-introduzzjoni ta' tibdil fis-sistema (Założenia do zmian systemowych) (Marzu 2012).

Il-Kunsill huwa ffurmat minn 23 rappreżentant mill-qasam tax-xjenza u professjonisti tal-medjazzjoni, kif ukoll rappreżentanti mill-organizzazzjonijiet nongovernattivi, istituzzjonijiet akkademiċi u d-dipartimenti tal-gvern li ġejjin.

Is-setgħat tal-Kunsill jikkonsistu l-aktar fit-tfassil ta' rakkmandazzjonijiet għar-regoli dwar it-tħaddim tas-sistema nazzjonali tal-ADR, kif ukoll:

  • l-adattament tas-sistema ADR għall-ħtiġijiet tad-dritt tal-UE,
  • l-iżvilupp ta' mudell uniformi tal-medjazzjoni fis-sistema ġudizzjarja Pollakka,
  • il-promozzjoni ta' standards għall-proċedimenti ta' medjazzjoni,
  • il-promozzjoni tal-mekkaniżmi tal-ADR bħala metodu ta' soluzzjoni alternattiva għat-tilwim fost il-membri tal-ġudikatura u l-istaff ġudizzjarju, is-servizzi ta' infurzar tal-liġi u l-pubbliku,
  • il-ħolqien ta' ambjent istituzzjonali fejn jistgħu jiżviluppaw ċertu metodi ta' ADR,
  • l-ingaġġ ta' aktar proġetti ad hoc biex tiġi żvluppata l-medjazzjoni fil-Polonja.

Hemm ukoll numru kbir ta' organizzazzjonijiet nongovernattivi u kumpaniji li għandhom rwol importanti fil-promozzjoni tal-medjazzjoni u d-determinazzjoni tal-istandards interni tagħha. Dawn l-organizzazzjonijiet jistabbilixxu l-istandards tagħhom stess fir-rigward tat-taħriġ, ir-rekwiżiti għall-kandidati li jixtiequ jsiru medjaturi, il-metodi ta' medjazzjoni, l-istandards etiċi u l-prassi professjonali tajba. Dawn ir-regoli huma ta' natura interna u huma indirrizati biss lill-medjaturi li huma membri ta' dawk l-organizzazzjonijiet.

L- ikbar assoċjazzjonijiet jinkludu:

Barra minn hekk, il-korpi professjonali imexxu attivitajiet istituzzjonali għall-promozzjoni tal-medjazzjoni. Dawn jinkludu:

L-organizzazzjonijiet nongovernattivi, fi ħdan l-iskop tad-dmirijiet statutorji tagħhom, u l-universitajiet jista' jkollhom lista ta' medjaturi permanenti (stały mediator). Il-Presidenti tal-qrati tad-distrett jipprovdu informazzjoni dwar il-listi u ċ-ċentri. Il-Presidenti tal-qrati tad-distrett jipprovdu wkoll listi ta' medjaturi għall-kawżi kriminali u l-każijiet li jinvolvu l-minorenni.

Fl-liema oqsma hija possibbli u/jew tintuża l-aktar il-medjazzjoni?

It-tilwim jista' jiġi solvut bil-medjazzjoni f'numru ta' oqsma. Skont id-dritt Pollakk, il-medjazzjoni tista' tintuża fil-materji li ġejjin:

  • id-dritt ċivili
  • il-kummerċ
  • id-dritt dwar ix-xogħol
  • id-dritt tal-familja
  • il-minorenni
  • id-dritt kriminali
  • il-qasam ġudizzjarju-amministrattiv

Informazzjoni aktar dettaljata tista' tinkiseb mill-gwidi u fuljetti ppreparati u mqassma mill-Ministeru tal-Ġustizzja.

Il-medjazzjoni llum tintuża l-aktar fl-oqsma ċivili u kriminali. Fl-2011-2012, l-oqsma tal-familja u l-kummerċ raw l-akbar żieda fl-użu tal-medjazzjoni.

Iridu jiġu segwiti xi regoli speċifiċi?

Il-medjazzjoni hija mezz volontarju ta' kif jiġi solvuti t-tilwim u l-kunflitti u titmexxa fuq il-bażi ta':

  • Ftehim ta' medjazzjoni ( medjazzjoni ekstraġudizzjarja)
  • Deċiżjoni tal-qorti biex kawża tmur għall-medjazzjoni (medjazzjoni ordnata mill-qorti).

Jekk il-partijiet ma jagħżlux medjatur, il-qorti għandha s-setgħa li taħtar medjatur biex jieħu sehem fil-proċedimenti minn lista ta' persuni bi kwalifiki xierqa. Fil-kwistjonijiet kriminali u l-każi li jinvolvu l-minorenni il-qorti taħtar il-medjatur.

Il-medjazzjoni hija rregolata, fost affarijiet oħra, mill-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili u Kriminali, il-Liġi tal-Proċedura f'Każijiet li Jinvolvu l-Minorenni u l-Liġi dwar l-Ispejjeż fil-Kawżi Ċivili. Ġew promulgati wkoll strumenti ta' leġiżlazzjoni sussidjarja li jirregolaw fid-dettal il-proċedura ta' medjazzjoni fir-rigward ta' każijiet speċifiċi.

Fir-rigward tal-minorenni ir-regolament jirregola:

  • il-kundizzjonijiet għall-istituzzjonijiet u l-persuni awtorizzati biex imexxu proċedimenti ta' medjazzjoni,
  • ir-reġistrazzjoni tal-istituzzjonijiet u l-persuni awtorizzati biex imexxu proċedimenti ta' medjazzjoni,
  • it-taħriġ tal-medjaturi,
  • l-iskop u l-kundizzjonijiet tal-aċċess tal-medjaturi għall-fajl tal-każ,
  • l-għamla u l-iskop tar-rapport dwar il-progress u l-eżitu tal-proċedimenti ta' medjazzjoni.

Ir-regolament dwar kwistjonijiet kriminali jistabbilixxi:

Il-kundizzjonijiet għall-istituzzjonijiet u l-persuni awtorizzati biex imexxu proċedimenti ta' medjazzjoni.

  • Il-ħatra u t-tneħħija tal-istituzzjonijiet u l-persuni awtorizzati biex imexxu proċedimenti ta' medjazzjoni.
  • L-iskop u l-kundizzjonijiet tal-aċċess għall-fajl tal-każ tal-istituzzjonijiet u l-persuni awtorizzati biex imexxu l-proċedimenti ta' medjazzjoni .
  • Il-metodu u l-proċedura li jridu jiġu segwiti fil-proċedimenti ta' medjazzjoni.

Fil- kawżi tal-familja jridu jiġu sodisfatti aktar rekwiżiti mill-medjaturi fir-rigward tal-edukazzjoni u l-esperjenza tagħhom (psikoloġija, taħriġ għall-għalliema, soċjoloġija jew liġi, u ħiliet prattiċi fit-tmexxija tal-medjazzjoni fil-kawżi tal-familja).

Regolament ta' implimentazzjoni jistabbilixxi l-ammont ta' ħlas u spejjeż soġġetti għal rifużjoni għall-medjaturi fi proċedimenti ċivili (ara aktar 'l isfel - X'inhuma l-ispejjeż tal-medjazzjoni?)

Informazzjoni u taħriġ

Informazzjoni bażika dwar il-medjazzjoni fil-Polonja tista' tinstab fuq is-sit elettroniku tal-Ministeru tal-Ġustizzja, inkluż, fost affarijiet oħra: siltiet mill-istrumenti dwar il-medjazzjoni, strumenti ġuridiċi dwar il-medjazzjoni internazzjonali u dokumenti u rakkomandazzjonijiet ippreparati mill-Kunsill ADR , kif ukoll verżjonijiet elettroniċi tal-kartelluni li jiġu ppubblikati biex jippromwovu l-idea tal-medjazzjoni. Tiġi ppubblikata wkoll informazzjoni aġġornata dwar l-attivitajiet li jippromwovu l-medjazzjoni u l-attivitajiet fuq livell reġjonali u nazzjonali b'rabta mal-Jum Internazzjonali dwar is-Soluzzjoni tat-Tilwim. Is-sit elettroniku jiġbor ukoll l-informazzjoni, it-traduzzjonijiet tal-istrumenti ġuridiċi u l-eżempji ta' prassi tajba minn pajjiżi oħra..

Il-medjazzjoni hija koperta fit-taħriġ ġuridiku ġenerali u fit-taħriġ tal-prosekuturi u l-imħallfin, u inkluża wkoll fil-programmi ta' taħriġ tal-imħallfin u l-prosekuturi tal- Iskola Nazzjonali tal-Ġudikatura u l-Prosekuturi Pubbliċi (Krajowa Szkola Sądownictwa i Prokuratury).

It-taħriġ għall-koordinaturi tal-medjazzjoni mitlub mill-Ministeru tal-Ġustizzja bi preparazzjoni għall-irwol ta' koordinatur tal-medjazzjoni ngħata fl-oqsma li ġejjin: il-komunikazzjoni, l-immaniġġjar ta' tim u l-ħidma mal-medjaturi.

Il-medjaturi nfushom jagħżlu minn fost il-korsijiet offruti miċ-ċentri tal-medjazzjoni, l-universitajiet u entitajiet oħra.

Il-Ministeru tal-Ġustizzja għandu statistika dwar il-medjazzjoni, li tinkludi:

  • in-numru ta' riferti għall-medjazzjoni mill-qorti,
  • in-numru ta' ftehimiet miksuba,
  • il-kundizzjonijiet għall-ftehim (għall-medjazzjoni f'kawżi kriminali u l-kawżi li jinvolvu l-minorenni),
  • in-numru ta' proċedimenti ta' medjazzjoni barra l-qorti (għall-medjazzjoni ċivili).

B'rabta mal-attivitajiet ibbażati fuq proġetti, fl-2010-2011 ġew imqassma gwidi u fuljetti b'informazzjoni dwar it-tipi ta' medjazzjoni differenti u l-użu tagħhom fil-prattika fil-qrati, fil-kwartieri ġenerali tal-pulizija fil-provinċji u fiċ-ċentri tal-medjazzjoni. Saret ukoll kampanja fuq it-televiżjoni, ir-radju u t-tabelli kbar fit-toroq biex tinforma lill-pubbliku ġenerali dwar il-medjazzjoni. Il-Ministeru tal-Ġustizzja jaġġorna ta' sikwit u jqassam fuljetti u noti annessi mad-dokumenti tal-proċedura u l-kartelluni, li huma disponibbli wkoll mingħajr ħlas fuq is-sit elettroniku tal-Ministeru.

Il-Polonja ċċelebrat għall-ħames sena konsekuttiva l-Jum Internazzjonali Għas-Soluzzjoni tat-Tilwim, u l-Ministru tal-Ġustizzja qiegħed jorganizza konferenza nazzjonali fuq dan is-suġġett. Barra minn hekk, ser jinżammu għadd kbir ta' konferenzi, avvenimenti, seminars u taħditiet fuq skala iżgħar f'ħafna bliet fuq livell lokali u reġjonali għall-okkażjoni.

X'inhi l-ispiża tal-medjazzjoni?

L-informazzjoni dwar il-medjazzjoni hija mqassma mingħajr ħlas mill-Ministeru tal-Ġustizzja. Ir-Riċerka turi illi l-medjazzjoni hija aktar kosteffiċjenti minn proċedimenti l-qorti.

Fi kwistjonijiet kriminali u l-każijiet li jinvolvu l-minorenni l-partijiet ma jħallsux l-ispejjeż tal-medjazzjoni – dawn jiġu koperti mir-riżorsi tat-Teżor. F'każijiet oħra, bħala regola ġenerali il-ħlas huwa soġġett għal ftehim bejn il-medjatur u l-partijiet. Il-medjatur madanakollu jista' jaqbel li jmexxi l-medjazzjoni mingħajr ħlas.

F'kawżi ċivili, l-ispejjeż jitħallsu mill-partijiet. Il-partijiet normalment iħallsu nofs l-ispejjeż kull wieħed, sakemm ma jiftehmux mod ieħor. Dwar il-proċedimenti ta' medjazzjoni ordnata permezz ta' deċiżjoni tal-qorti, l-ammont tal-ħlas tal-medjatur f'tilwim li m'għandux x'jaqsam mal-propjetà huwa ta' PLN 60 (madwar EUR 15) għall-ewwel seduta tal-medjazzjoni u PLN 25 (madwar EUR 6) għall kull seduta ta' wara. Jekk il-proċedimenti jkunu dwar il-propjetà, il-ħlas tal-medjatur huwa 1% tal-valur tal-oġġett tat-tilwima (mhux inqas minn PLN 30) (madwar EUR 7.5) u mhux aktar minn PLN 1 000 (madwar EUR 250). Il-medjatur huwa intitolat ukoll għal rifużjoni tal-ispejjeż (li tkopri, pereżempju, il-posta u l-ispejjeż tat-telefon u l-kiri tal-kamra). Il-VAT hija inkluża wkoll fl-ispejjeż.

Jekk jintlaħaq ftehim riżultat tal-medjazzjoni, 75% tat-tariffi tal-qorti jiġu rifużi lil dik il-parti li ressqet it-tilwima quddiem il-qorti. Fil-kawżi ta' separazzjoni u divorzju, jiġu rifużi t-tariffi kollha.

Fil-każ ta' medjazzjoni barra l-qorti, il-ħlas tal-medjatur u r-rifużjoni tal-ispejjeż tal-partijiet jiġu stabbiliti miċ-ċentru tal-medjazzjoni jew isir ftehim fuqhom mill-partijiet mal-medjatur qabel tibda l-medjazzjoni. Il-partijiet ma jistgħux jiġu eżentati mill-ħlas tal-ispejjeż tal-medjatur anke jekk ikunu eżenti mill-ħlas tat-tariffi tal-qorti. Il-medjatur fiż-żewġ tipi ta' medjazzjoni (bil-qorti u barra l-qorti) jista' jiddeċiedi li ma jitħallasx.

Il-ftehim milħuq bil-medjazzjoni jista' jiġi infurzat?

F'kawżi ċivili, il-ftehim milħuq mill-partijiet huwa anness mal-minuti. Il-medjatur jinforma lill-partijiet illi bl-iffirmar tal-ftehim huma jaqblu li l-ftehim jiġi ppreżentat lill-qorti għall-approvazzjoni. Il-medjatur jippreżenta l-minuti tal-ftehim lill-qorti u jibgħat kopja tal-minuti lill-partijiet. Fil-pront il-qorti tibda proċedimenti biex tilqa' jew toħroġ dikjarazzjoni ta' infurzar tal-ftehim tal-medjazzjoni. Il-qorti tista' tiċħad li tapprova l-ftehim jew tiddikjarah eżegwibbli, kollu kemm hu jew parti minnu, jekk il-ftehim jikser il-liġi, huwa kontra l-morali, huwa intiż biex jikser il-liġi, mhuwiex ċar jew fih kontradizzjonijiet kontra l-interessi leġittimi tal-impjegat. Ftehim tal-medjazzjoni li ġie approvat mill-qorti u ddikjarat eżegwibbli huwa validu bil-liġi daqs ftehim bil-qorti u jista' jiġi infurzat.

Kawżi tal-familja koperti minn ftehim bil-medjazzjoni jinkludu r-rikonċiljazzjoni tal-miżżewġin, li jistabbilixxi kundizzjonijiet għas-separazzjoni, is-setgħa tal-ġenituri, il-kuntatt mat-tfal, il-bżonnijiet tal-familja, il-manteniment u l-manteniment tat-tfal, u l-kwistjonijiet tal-propjetà u l-akkomodazzjoni. Wara s-separazzjoni tal-ġenituri jew tal-miżżewġin, jista' jintlaħaq ukoll ftehim dwar kwistjonijiet bħall-ħruġ ta' passaport, l-għażla tal-edukazzjoni tat-tfal, il-kuntatt mal-membru l-oħra tal-familja u l-ġestjoni tal-propjetà tat-tfal.

Fil-kawżi ċivili, il-bidu tal-proċedimenti tal-medjazzjoni jinterrompi l-perjodu ta' preskrizzjoni.

F' kawżi kriminali u l-kawżi li jinvolvu l-minorenni, il-ftehim milħuq fil-medjazzjoni ma jeħux post is-sentenza tal-qorti u ma jorbotx lill-qorti, madanakollu l-qorti għandha tonora l-kontenut tad-deċiżjoni fi tmiem il-proċedimenti. Il-termini tal-ftehim jistgħu jkopru li ġej: apoloġija formali, kumpens għad-danni materjali u mhux materjali, servizz obbligatorju fil-komunità, obbligi lejn il-parti li sofriet it-telf, obbligi lejn is-soċjetà eċċ.

L-aħħar aġġornament: 25/09/2014

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.