Sib informazzjoni għal kull reġjun
Lil min għandi nikkuntattja?
M’hemm l-ebda entità ċentrali responsabbli mir-regolamentazzjoni tal-medjaturi.
Minbarra l-medjazzjoni f’setturi speċifiċi (banek, assigurazzjoni, eċċ.) u minbarra l-Ombudsman li huwa responsabbli għall-medjazzjoni fil-materji amministrattivi u l-Ombudskommittee fir t’Rechter vun de Kanner (Kumitat tal-Ombudsman għad-Drittijiet tat-Tfal), l-assoċjazzjonijiet ġudizzjarji li ġejjin huma involuti fil-medjazzjoni:
- l-Assoċjazzjoni Lussemburgiża tal-Medjazzjoni u tal-Medjaturi Approvati (Association luxembourgeoise de la médiation et des médiateurs agrées – ALMA asbl);
- iċ-Ċentru tal-Medjazzjoni Ċivili u Kummerċjali (Centre de médiation civile et commerciale – CMCC);
- iċ-Ċentru tal-Medjazzjoni (Centre de médiation) (asbl);
- iċ-Ċentru tal-Medjazzjoni tal-Protezzjoni Soċjali tal-Familja (Centre de médiation Socio‑Familiale, immexxi mill-Fondazzjoni Pro Familia).
F'liema oqsma hija ammissibbli u/jew l-aktar komuni l-medjazzjoni?
Il-medjazzjoni hija ammissibbli l-aktar:
- f’kawżi amministrattivi;
- f’kawżi kriminali;
- f’kawżi tal-familja;
- f’kawżi kummerċjali; u
- fit-tilwim bejn il-ġirien.
Il-medjazzjoni ċivili u kummerċjali hija proċess kunsenswali u kunfidenzjali mmexxi minn medjatur indipendenti, imparzjali u kompetenti. Tista’ tkun relatata mat-tilwima kollha jew ma’ parti minnha. Hija tinkludi kemm il-medjazzjoni bi ftehim kif ukoll il-medjazzjoni ordnata mill-qorti, u l-medjazzjoni tal-familja għandha rwol importanti.
Fil-medjazzjoni bi ftehim (médiation conventionnelle), parti jew oħra tista’ tissuġġerixxi lill-parti(jiet) l-oħrajn biex iressqu l-kwistjoni għall-medjazzjoni fi kwalunkwe stadju tal-proċedimenti ġudizzjarji, irrispettivament minn kwalunkwe proċedura ġudizzjarja jew ta’ arbitraġġ, sakemm ma jkunx intemm l-istadju tat-trattazzjoni.
Fil-medjazzjoni ordnata mill-qorti (médiation en justice jew médiation judiciaire), tilwima ċivili, kummerċjali jew tal-familja tkun diġà tressqet quddiem qorti; il-qorti tista’ fi kwalunkwe ħin tirreferi l-kawża għall-medjazzjoni, sakemm ma jkunx intemm l-istadju tat-trattazzjoni. Dan ma japplikax għal kawżi quddiem il-Qorti tal-Kassazzjoni jew għal proċedimenti għal miżuri provviżorji. Il-qorti tista’ titlob lill-partijiet imorru għall-medjazzjoni fuq inizjattiva tagħha stess, jew fuq it-talba konġunta tal-partijiet infushom. Fi kwalunkwe każ, huwa meħtieġ il-kunsens tal-partijiet. Il-qorti tista’ tipproponi miżura ta’ medjazzjoni lill-partijiet f’għadd limitat ta’ kawżi definiti b’mod ċar li jqajmu punt tad-dritt tal-familja. Imbagħad hija torganizza laqgħa ta’ informazzjoni mingħajr ħlas sabiex tispjega l-prinċipji, il-proċedura u l-effetti tal-medjazzjoni lill-partijiet.
F’kawżi kriminali il-Prosekutur tal-Istat jista’, taħt ċerti kundizzjonijiet, u qabel ma jieħu deċiżjoni dwar l-azzjoni pubblika, jiddeċiedi li juża l-medjazzjoni jekk din aktarx:
- tipprovdi kumpens lill-vittma; jew
- issolvi d-diffikultajiet li jkun ħoloq ir-reat; jew
- tikkontribwixxi għar-riabilitazzjoni tal-awtur tar-reat.
L-użu tal-medjazzjoni ma jeskludix deċiżjoni sussegwenti li jitmexxew proċeduri bil-qorti, pereżempju jekk ikun hemm ksur tat-termini tal-medjazzjoni.
Hemm xi regoli speċifiċi li jridu jiġu segwiti?
Il-medjazzjoni hija kompletament volontarja.
Il-medjazzjoni f’materji amministrattivi, il-medjazzjoni fil-kawżi kriminali u l-medjazzjoni f’setturi partikolari huma kollha rregolati minn leġiżlazzjoni speċifika.
Informazzjoni u taħriġ
Il-medjatur f’materji kriminali
L-Att tas-6 ta’ Mejju 1999 u r-Regolament tal-Gran Dukat tal-31 ta’ Mejju 1999 introduċew is-sistema tal-medjazzjoni f’materji kriminali. Qabel ma jiddeċiedi jekk jiħux azzjoni kriminali, il-Prosekutur Pubbliku jista’ jiddeċiedi li juża l-medjazzjoni jekk iqis li din aktarx tiżgura kumpens lill-vittma, issolvi d-diffikultajiet li jkun ħoloq ir-reat jew tikkontribwixxi għar-riabilitazzjoni tal-awtur tar-reat. Jekk il-Prosekutur Pubbliku jiddeċiedi li juża l-medjazzjoni, huwa jista’ jaħtar bħala medjatur kwalunkwe persuna approvata għal dak l-iskop.
Approvazzjoni:
Kull min jixtieq li jiġi approvat bħala medjatur f’materji kriminali jista’ jagħmel talba lill-Ministru għall-Ġustizzja, li jiddeċiedi dwar l-approvazzjoni wara li jikkonsulta lill-Prosekutur Ġenerali tal-Istat.
Il-medjatur f’materji ċivili u kummerċjali
L-Att tal-24 ta’ Frar 2012 ħoloq qafas leġiżlattiv nazzjonali għall-medjazzjoni f’materji ċivili u kriminali billi żied titolu ġdid fil-Kodiċi l-Ġdid tal-Proċedura Ċivili. L-Att jittrasponi d-Direttiva 2008/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2008 dwar ċerti aspetti ta’ medjazzjoni f’materji ċivili u kummerċjali. L-Att jadotta l-prinċipji stabbiliti fid-Direttiva għat-tilwim transfruntier u japplikahom għat-tilwim nazzjonali wkoll. Dan l-Att huwa ssupplimentat bir-Regolament tal-Gran Dukat tal-25 ta’ Ġunju 2012 li jistabbilixxi l-proċedura ta’ approvazzjoni tal-medjaturi għall-finijiet ta’ medjazzjoni ordnata mill-qorti u ta’ medjazzjoni tal-familja, il-programm ta’ taħriġ speċifiku fil-medjazzjoni u l-organizzazzjoni ta’ laqgħa ta’ informazzjoni mingħajr ħlas.
Il-medjatur huwa terza persuna li l-kompitu tagħha huwa li tisma’ lill-partijiet flimkien, jew jekk ikun hemm bżonn separatament, bl-għan li ssolvi t-tilwima tagħhom. Il-medjatur ma jimponix soluzzjoni fuq il-partijiet, iżda jħeġġiġhom jaslu għal ftehim bonarju dwar it-tilwima.
Medjatur li jipprovdi servizzi ta’ medjazzjoni ordnata mill-qorti jew tal-familja jista’ jkun approvat jew mhux approvat. Medjatur approvat huwa persuna fiżika akkreditata għal dan ir-rwol mill-Ministru għall-Ġustizzja.
Fil-medjazzjoni bi ftehim u f’tilwim transfruntier il-partijiet jistgħu jużaw medjatur li ma ġiex approvat.
Approvazzjoni:
Il-Ministru għall-Ġustizzja huwa responsabbli mill-approvazzjoni tal-medjaturi. F’materji ċivili u kummerċjali l-medjaturi ma jeħtiġux l-approvazzjoni sabiex jipprovdu medjazzjoni bi ftehim.
Kwalunkwe persuna fiżika tista’ tapplika għall-approvazzjoni jekk hija tissodisfa l-kundizzjonijiet (1) stabbiliti mill-Att tal-24 ta’ Frar 2012 li jinkorpora l-medjazzjoni f’materji ċivili u kummerċjali fil-Kodiċi l-Ġdid tal-Proċedura Ċivili u (2) stabbiliti fir-Regolament tal-Gran Dukat tal-25 ta’ Ġunju 2012 li jistabbilixxi l-proċedura ta’ approvazzjoni tal-medjaturi għall-finijiet ta’ medjazzjoni ordnata mill-qorti u medjazzjoni tal-familja, il-programm ta’ taħriġ speċifiku fil-medjazzjoni u l-organizzazzjoni ta’ laqgħa ta’ informazzjoni mingħajr ħlas.
Skont id-Direttiva 2008/52/KE msemmija iktar ’il fuq u t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 1251-3(1) tal-Att tal-24 ta' Frar 2012 dwar il-medjazzjoni, il-fornituri tas-servizzi tal-medjazzjoni li jissodisfaw rekwiżiti ekwivalenti jew essenzjalment komparabbli fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea m’għandhomx għalfejn iġibu l-approvazzjoni mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu.
L-approvazzjoni tingħata għal perjodu indeterminat.
L-Artikolu 1251-3(2) tal-Kodiċi l-Ġdid tal-Proċedura Ċivili u r-Regolament tal-Gran Dukat tal-25 ta’ Ġunju 2012 imsemmija iktar ’il fuq jistabbilixxu l-kundizzjonijiet li l-persuni fiżiċi kollha jridu jissodisfaw sabiex jiksbu l-approvazzjoni:
- iridu jippreżentaw garanzija ta’ reputazzjoni tajba, ta’ kompetenza, taħriġ, indipendenza u imparzjalità;
- iridu jippreżentaw estratt mir-reġistri tal-pulizija tal-Lussemburgu jew dokument simili maħruġ mill-awtoritajiet kompetenti fil-pajjiż fejn kienu jgħixu fl-aħħar ħames snin;
- iridu jgawdu d-drittijiet ċivili u jkunu intitolati jeżerċitaw drittijiet politiċi; u
- iridu jkunu ħadu taħriġ speċifiku fil-medjazzjoni fil-forma ta’:
- lawrja ta’ Master fil-medjazzjoni mogħtija mill-Università tal-Lussemburgu jew minn università, istituzzjoni ta’ edukazzjoni għolja jew stabbiliment ieħor li joffri l-istess livell ta’ taħriġ, indikat skont il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea; jew
- tliet snin esperjenza professjonali ssupplimentati b’taħriġ speċifiku fil-medjazzjoni, kif stipulat fl-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Gran Dukat tal-25 ta’ Ġunju 2012; jew
- taħriġ fil-medjazzjoni rikonoxxut minn Stat Membru tal-Unjoni Ewropea.
L-Università tal-Lussemburgu toffri programm ta’ taħriġ speċifiku (lawrja ta’ Master) fil-medjazzjoni.
X'inhuma l-ispejjeż tal-medjazzjoni?
Spiss il-medjazzjoni tkun mingħajr ħlas. Jekk jintalab ħlas, dan jiġi indikat b’mod ċar.
Fil-każ ta’ medjazzjoni bi ftehim, it-tariffi tal-medjaturi jiġu ffissati liberament. It-tariffi u l-ispejjeż jinqasmu indaqs bejn il-partijiet, sakemm ma jiftehmux mod ieħor.
Fil-każ ta’ medjazzjoni ordnata mill-qorti u medjazzjoni tal-familja, it-tariffi jiġu ffissati b'regolament tal-Gran Dukat.
Huwa possibbli li jiġi eżegwit ftehim li jirriżulta mill-medjazzjoni?
Il-ftehimiet li jirriżultaw mill-medjazzjoni ċivili u kummerċjali għandhom l-istess valur probatorju ta’ deċiżjoni tal-qorti. Irrispettivament minn jekk tali ftehimiet ta’ medjazzjoni jkunux saru fil-Lussemburgu jew fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea, huma eżegwibbli fl-Unjoni Ewropea skont id-Direttiva 2008/52/KE. L-approvazzjoni tal-ftehim kollu jew ta’ parti minnu mill-qorti kompetenti tagħtih l-eżegwibilità.
Id-Direttiva hija trasposta mill-Att tal-24 ta’ Frar 2012, li jpoġġi l-medjazzjoni fuq l-istess livell tal-proċeduri ġudizzjarji eżistenti.
Ħoloq relatati
L-Assoċjazzjoni Lussemburgiża tal-Medjazzjoni u tal-Medjaturi Approvati (ALMA asbl)
Iċ-Ċentru tal-Medjazzjoni Ċivili u Kummerċjali (CMCC)
Iċ-Ċentru tal-Medjazzjoni Ċivili u Kummerċjali (CMCC asbl)
Iċ-Ċentru tal-Medjazzjoni (asbl)
Iċ-Ċentru tal-Medjazzjoni tal-Protezzjoni Soċjali tal-Familja
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.