Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna il-Latvjan ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Swipe to change

Medjazzjoni fil-pajjiżi tal-UE

Latvja

Minflok ma toqgħod tmur il-qorti, għaliex ma tipprovax tirriżolvi t-tilwim permezz tal-medjazzjoni? Din hija miżura ta’ riżoluzzjoni alternattiva għat-tilwim (ADR - alternative dispute resolution), fejn medjatur jgħin lil dawk involuti f’tilwima biex jilħqu ftehim. Il-gvern u l-prattikanti tal-ġustizzja fil-Latvja huma konxji mill-vantaġġi tal-medjazzjoni.

Il-kontenut ipprovdut minn
Latvja

Lil min għandek tikkuntattja?

L-użu tal-medjazzjoni fir-riżoluzzjoni ta’ tilwim ċivili attwalment huwa fil-fażijiet inizjali tiegħu fil-Latvja. Ma hemm l-ebda korp responsabbli tal-gvern ċentrali li jirregola l-professjoni ta’ medjatur.

Il-Kunsill ta’ Medjazzjoni

The Mediation Council (Il-Kunsill tal-Medjazzjoni) (Mediācijas padome) hija assoċjazzjoni li twaqqfet fil-25 ta’ Lulju 2011 u tiġbor flimkien għadd ta’ assoċjazzjonijiet irreġistrati fil-Latvja li huma attivi fil-qasam tal-medjazzjoni. Din għandha l-għan li tiżviluppa standards komuni ta’ taħriġ għall-medjaturi u tintroduċi ċertifikazzjoni għal programmi ta’ taħriġ, li tabbozza u tadotta kodiċi ta’ kondotta għall-medjaturi ċċertifikati, kif ukoll biex tirrappreżenta medjaturi ċċertifikati, li tagħti l-fehmiet tagħha lill-awtoritajiet nazzjonali u lokali, awtoritajiet oħra u uffiċjali, u li tagħti l-fehmiet dwar kwistjonijiet leġiżlattivi u l-prattika legali marbuta mal-medjazzjoni.

Il-Kunsill tal-Medjazzjoni twaqqaf mill-assoċjazzjonijiet li ġejjin:

  • Medjazzjoni u ADR (Mediācija un ADR);
  • Medjazzjoni integrata fil-Latvja (Integrētā mediācija Latvijā);
  • Integrazzjoni għas-soċjetà (Ċentru ta’ Appoġġ għall-Vittmi) (Integrācija sabiedrībai (Cietušo atbalsta centrs));
  • L-assoċjazzjoni ta' Medjaturi Kummerċjali (Komercmediatoru asociācija).

Medjazzjoni u l-ADR

Medjazzjoni u ADR (Mediācija un ADR) ġiet stabbilita fis-7 ta' April 2005. L-għan tagħha hu li:

  • tippromwovi l-introduzzjoni progressiva u l-użu ta’ metodi ta’ riżoluzzjoni alternattiva tat-tilwim (medjazzjoni, konċiljazzjoni, tiftix imparzjali tal-fatti, rapporti ta’ esperti, arbitraġġ, eċċ.) fil-Latvja;
  • Parteċipazzjoni fil-proċessi tat-tfassil tal-politika, pereżempju l-gruppi ta’ ħidma mwaqqfa minn korpi pubbliċi;
  • tippromwovi titjib fl-istandards ta’ kwalifiki professjonali tal-membri tagħha u l-għoti ta’ medjazzjoni tal-ogħla livell possibbli u ta’ servizzi tal-ADR;
  • iġġib il-professjonisti tal-ADR flimkien sabiex jintlaħqu l-objettivi komuni;
  • tikkoopera ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali u ma’ persuni fiżiċi u ġuridiċi oħrajn.

L-organizzazzjoni tagħti parir lill-partijiet involuti f’tilwima u r-rappreżentanti tagħhom dwar l-għażla ta’ speċjalista, kif ukoll tagħti lekċers u seminars dwar il-medjazzjoni u l-ADR. Xi membri tal-organizzazzjoni huma medjaturi prattikanti speċjalizzati f’kawżi ċivili u kriminali. Il-membri kisbu ħiliet ta’ negozjar u medjazzjoni fil-Latvja u lil hinn minnha f’taħriġ ma' medjaturi u dawk li jsolvu l-kunflitti b’esperjenza mill-Istati Uniti, ir-Renju Unit, il-Ġermanja u pajjiżi oħra.

Medjazzjoni Integrata fil-Latvja

Integrated Mediation in Latvia (Integrētā mediācija Latvijā — IMLV) twaqqfet fl-10 ta' Awwissu 2007. Għandha viżjoni ta' soċjetà li ssolvi t-tilwim b’suċċess, fejn l-interessi tal-partijiet kollha jkunu rrappreżentati b’mod ugwali u l-proċess tar-riżoluzzjoni għat-tilwim huwa uman, ugwali u bbażat fuq il-kooperazzjoni. L-IMLV twaqqfet f'kooperazzjoni mill-qrib mal-assoċjazzjoniIntegrierte Mediation fil-Ġermanja. Hija ppjanata kooperazzjoni fl-oqsma tal-edukazzjoni, taħriġ addizzjonali, is-superviżjoni, l-introduzzjoni ta’ servizzi ta’ medjazzjoni u l-adozzjoni ta’ prassi tajba.

L-IMLV għandha l-għan li tippromwovi l-iżvilupp ta’ medjazzjoni f’livell reġjonali, nazzjonali u internazzjonali billi tintegrah fil-proċess tar-riżoluzzjoni tat-tilwim ta’ istituzzjonijiet u organizzazzjonijiet u fil-ħidma ta’ professjonisti u s-soċjetà b’mod ġenerali.

Biex jintlaħaq dan l-għan, l-IMLV stabbilixxiet għaliha stess il-kompiti li ġejjin:

  • li tippromwovi u tiżviluppa l-idea ta’ medjazzjoni integrata fil-Latvja bħala forma moderna u ta' kwalità‑għolja ta' riżoluzzjoni ta’ tilwim;
  • li tippromwovi l-kooperazzjoni bejn professjonisti, organizzazzjonijiet u istituzzjonijiet;
  • li tiddefinixxi u tippromwovi kunċetti u benefiċċji ta’ medjazzjoni integrata;
  • li tinforma u teduka lill-pubbliku dwar il-kunċetti u l-possibbiltajiet ta’ medjazzjoni integrata;
  • li tippromwovi aktar is-suċċessi tal-medjazzjoni integrata;
  • li torganizza taħriġ dwar il-medjazzjoni u l-potenzjal għall-integrazzjoni tagħha f’diversi oqsma;
  • li twettaq studji u stħarriġ.

L-IMLV tgħaqqad diversi professjonisti — inklużi medjaturi prattikanti — bil-għan tintegra l-ħiliet ta’ medjazzjoni fl-attivitajiet tagħha u tippromwovi kuxjenza pubblika ta’ medjazzjoni bħala għażla vijabbli f’riżoluzzjoni tat-tilwim.

Integrazzjoni għas-Soċjetà (Ċentru ta’ Appoġġ għall-Vittmi)

Iċ-Ċentru ta’ Appoġġ għall-Vittmi tal-assoċjazzjoni Integrazzjoni għas-Soċjetà beda jaħdem fl-2003. L-għan ewlieni tiegħu huwa li jappoġġa lill-vittmi tal-kriminalità. Mill-2004 il-persunal jinkludi 20 medjatur imħarrġa tajjeb fi proċeduri ta’ medjazzjoni u li jistgħu jużawhom biex isolvu tilwimiet ta’ liġi ċivili u amministrattiva.


F’liema oqsma l-użu tal-medjazzjoni huwa ammissibbli u / jew l-aktar komuni?

Il-medjazzjoni hija ammissibbli f’bosta oqsma. Il-qasam li tista' tintuża fih bl-aktar mod wiesgħa huwa dak ta’ tilwim ċivili li jinqala' fil-liġi tal-familja u l-liġi kummerċjali.

Hemm regoli speċifiċi li jridu jiġu segwiti?

L-użu tal-medjazzjoni huwa totalment volontarju.

Il-medjazzjoni mhijiex prerekwiżit biex jibdew ċerti tipi ta’ proċedimenti ġudizzjarji jew ikomplu proċedimenti ġudizzjarji.

Il-medjazzjoni fil-Latvja mhijiex regolata minn xi liġijiet u regolamenti esterni.

Informazzjoni u taħriġ

Sit iddedikat għall-medjazzjoni: http://www.mediacija.lv.

Iż-żewġ assoċjazzjonijiet ta' Medjazzjoni u ADR u Integrazzjoni għas-Soċjetà jkunu ħarrieġa li joffru kors bażiku fil-medjazzjoni maħsuba għal medjaturi futuri u kors dwar ħiliet ta’ riżoluzzjoni tal-kunflitti bażiku għall-użu f’ambjenti professjonali u personali.

X’inhi l-ispiża tal-medjazzjoni?

Ir-riżoluzzjoni ta’ tilwim ċivili permezz tal-medjazzjoni mhijiex ipprovduta mingħajr ħlas. L-ispiża tal-medjazzjoni tiddependi fuq bosta fatturi: il-kwalifiki u l-esperjenza tal-medjatur, il-kumplessità tal-kawża, in-numru ta’ sessjonijiet ta’ medjazzjoni meħtieġa u fatturi oħra.

Madankollu, f’każijiet li jikkonċernaw l-interessi u d-drittijiet tat-tfal, il-Bord tal-Affarijiet Barranin u ta’ Konċiljazzjoni tal-Qorti tal-Familja ta’ Riga (Rīgas Bāriņtiesas Ārlietu un samierināšanas pārvalde) jipprovdi servizzi lir-residenti ta’ Riga mingħajr ħlas. It-tilwimiet li jikkonċernaw l-aktar, arranġamenti għall-post ta’ residenza tat-tfal, il-kustodja u t-trobbija tat‑tfal.

Ftehim li jirriżulta mill-medjazzjoni jista’ jiġi infurzat?

Id-Direttiva 2008/52/KE tistipula li dawk involuti f’tilwima jistgħu jitolbu li ftehim bil-miktub li jirriżulta minn medjazzjoni jsir inforzabbli. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar il-qrati jew l-awtoritajiet l-oħra kompetenti biex jittrattaw talbiet bħal dawn.

Il-Latvja għadha ma kkomunikatx din l-informazzjoni.

Links

Mediācija.lv

L-aħħar aġġornament: 27/02/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.