Medjazzjoni fil-pajjiżi tal-UE

Estonja

Minflok tmur il-qorti, għalfejn ma tippruvax issolvi t-tilwima tiegħek permezz tal-medjazzjoni? Din hija miżura ta' soluzzjoni alternattiva għat-tilwim, li biha medjatur jipprova jgħin dawk involuti f'tilwima biex jintlaħaq qbil. Il-gvern u l-ġuristi tal-Estonja jinsabu konxji tal-vantaġġi tal-medjazzjoni.

Il-kontenut ipprovdut minn
Estonja

Lil min għandek tikkuntattja?

Il-konċiljazzjoni tirreferi għall-attivitajiet ta' konċiljatur jew korp tal-konċiljazzjoni f'każijiet ċivili. Il-konċiljazzjoni hija rregolata mill-Att dwar il-Konċiljazzjoni. L-Att dwar il-Konċiljazzjoni kien abbozzat biex jittrasponi d-Direttiva 2008/52/KE dwar ċerti aspetti ta’ medjazzjoni f'materji ċivili u kummerċjali fil-liġi Estonjana.

Taħt l-Att dwar il-Konċiljazzjoni, konċiljatur jista' jkun kull persuna naturali li l-partijiet ikunu talbuha biex taġixxi bħala konċiljatur. Avukati u nutara jistgħu wkoll jaġixxu bħala konċiljatur. Taħt l-Att speċifiku r-rwol ta' konċiljatur jista' jiġi assenjat ukoll lil stat jew korp tal-gvern lokali.

Tista’ ssib lista ta' nutara fis-sit tal-Kamra tan-Nutara.

Fis-sit tal-Kamra tal-Avukati Estonjana hemm lista ta' avukati li jaġixxu bħala konċiljaturi.

Tista' tikkuntattja lill-organizzazzjonijiet mhux governattivi li ġejjin:

  • L-Assoċjazzjoni Estonjana tal-Medjaturi tipprovdi informazzjoni kemm bl-Estonjan kif ukoll bl-Ingliż.
  • L-Unjoni Estonjana għall-Benessri tat-Tfal hija assoċjazzjoni mingħajr skop ta' qligħ li tappoġġa d-drittijiet tat-tfal. L-attivitajiet tagħha jinkludu pariri lill-ġenituri li jixtiequ jisseparaw jew jiddivorzjaw, fejn jinkoraġġuhom biex jużaw is-servizzi tal-konċiljaturi sabiex jipproteġu l-interessi tat-tfal tagħhom. L-Unjoni organizzat sessjonijiet ta' taħriġ dwar is-suġġett tal-medjazzjoni tal-familja.
  • L-Assoċjazzjoni Estonjana tal-Assigurazzjoni waqqfet medjatur tal-assigurazzjoni biex jittratta tilwim bejn detenturi tal-assigurazzjoni u assiguraturi jew sensara tal-assigurazzjoni.

Il-Kumitat tad-Drittijiet tal-Awtur, stabbilit fi ħdan il-Ministeru tal-Ġustizzja, huwa korp ta’ konċiljazzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 19 tal-Att dwar il-Konċiljazzjoni. Il-Kumitat jittratta applikazzjonijiet dwar miżuri li jridu jiġu applikati biex xogħol protett bid-drittijiet tal-awtur jew suġġett protett minn drittijiet relatati jkun jista’ jintuża liberament f’ċerti każijiet.

Skont l-Att Kollettiv għar-Riżoluzzjoni tat-Tilwim dwar ix-Xogħol, il-partijiet għandhom id-dritt ta’ rikors quddiem il-konċiljatur pubbliku fil-każ ta’ tilwim industrijali kollettiv (tilwima rigward it-termini ta’ ftehim kollettiv). Il-Konċiljatur Pubbliku huwa espert imparzjali li jgħin lil dawk involuti f'tilwim industrijali biex jintlaħaq kompromess. Il-Konċiljatur Pubbliku għal tilwim industrijali kollettiv huwa Meelis Virkebau – e-mail: meelis.virkebau@riikliklepitaja.ee. Tista' ssib aktar informazzjoni fis-sit tal-Konċiljatur Pubbliku.

F’xi każijiet il-medjatur jista’ jkun il-Kanċillier tal-Ġustizzja. Għalkemm il-kunċett ta’ "ombudsman" mhux użat fl-Att dwar il-Kanċillier tal-Ġustizzja, il-Kanċillier tal-Ġustizzja jwettaq ukoll il-funzjonijiet ta’ ombudsman, billi jissorvelja jekk korpi tal-gvern jikkonformawx mad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-poplu u mal-prinċipji ta' governanza tajba u jissorvelja wkoll il-gvernijiet lokali, il-persuni ġuridiċi fil-liġi pubblika u entitajiet privati li jwettqu funzjonijiet pubbliċi. Mill-2011, il-Kanċillier tal-Ġustizzja wettaq ukoll il-funzjonijiet tal-Ombudsman għat-Tfal skont l-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal u ttratta l-konċiljazzjoni f’tilwim dwar id-diskriminazzjoni. Tista' ssib aktar informazzjoni fuq is-sit tal-Uffiċċju tal-Kanċillier tal-Ġustizzja.

F'liema qasam huwa ammissibbli u/jew l-aktar komuni li jsir r-rikors għall-medjazzjoni?

Il-proċess ta' konċiljazzjoni previst fl-Att dwar il-Konċiljazzjoni jista' ġeneralment jintuża biex jissolva kwalunkwe tilwim ċivili li jinvolvi kontenut konċiljatorju.Hemm proċedura ta' konċiljazzjoni f'kawżi ċivili meta t-tilwima tkun tikkonċerna relazzjoni fil-liġi privata u tkun qiegħda tiġi eżaminata minn qorti tal-kontea. Filwaqt li m'hemmx statistiċi komparattivi, huwa probabbli li l-medjazzjoni hija aktar komuni fil-qasam tal-liġi tal-familja.

Il-Kanċillier tal-Ġustizzja jsolvi tilwim li jikkonċerna d-diskriminazzjoni meta individwu japplika għal dikjarazzjoni li ġie diskriminat fuq raġunijiet ta' sess, razza, nazzjonalità (oriġini etnika), il-kulur, il-lingwa, l-oriġini, ir-reliġjon, l-opinjoni politika jew twemmin ieħor, l-istatus finanzjarju jew soċjali, l-età, id-diżabilità, l-orjentazzjoni sesswali jew karatteristiċi oħra stabbiliti bil-liġi. Il-medjaturi jistgħu wkoll jaġixxu fl-eventwalità ta' ksur tad-drittijiet fundamentali.

Il-Konċiljatur Pubbliku jaġixxi bħala konċiljatur f'tilwim industrijali kollettiv.

Hemm regoli speċifiċi li jridu jiġu segwiti?

Skont il-liġi Estonjana r-rikors għall-konċiljazzjoni huwa ġeneralment volontarju. Ir-regoli li jirregolaw il-konċiljazzjoni u l-kundizzjonijiet għall-eżekuzzjoni tal-ftehimiet ta’ konċiljazzjoni huma stabbiliti fl-Att dwar il-Konċiljazzjoni .

Il-Kodiċi Estonjan tal-Proċedura Ċivili għandu regola speċjali li tipprovdi għal konċiljazzjoni minn imħallef f’sitwazzjonijiet fejn ġenitur jikser ordni rigward il-kuntatt mat-tfal. Skont l-Artikolu 563 tal-Kodiċi, dwar petizzjoni minn ġenitur wieħed, il-qorti tista' tħarrek liż-żewġ ġenituri biex jidhru l-qorti biex isolvu t-tilwima permezz ta' ftehim. Il-qorti tordna lill-ġenituri biex jidhru personalment u tgħarrafhom bil-potenzjal ta' konsegwenzi ġuridiċi (multa jew detenzjoni) jekk jonqsu milli jidhru.

Il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jipprovdi wkoll li jekk il-qorti tħoss li jkun neċessarju, fl-interess li jiġi solvut il-każ skont il-fatti tal-każ u l-proċedimenti li jkunu saru sa dak iż-żmien, tista' tobbliga lill-partijiet biex jieħdu sehem fi proċess ta' konċiljazzjoni taħt l-Att ta' Konċiljazzjoni.

Ir-regoli ta' proċedura tal-konċiljatur tal-assigurazzjoni tal-Assoċjazzjoni tal-Assigurazzjoni Estonjana huma disponibbli online.

Il-Konċiljazzjoni permezz tal-Kanċillier tal-Ġustizzja hija rregolata mill-Att dwar il-Kanċillier tal-Ġustizzja. Ir-riżoluzzjoni ta' tilwim industrijali kollettiv, l-attivitajiet tal-Konċiljatur Pubbliku u d-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet involuti fil-proċess huma rregolati mill-Att Kollettiv għar-Riżoluzzjoni tat-Tilwim Industrijali.

Il-karatteristiċi speċifiċi tal-proċedura ta’ konċiljazzjoni mwettqa mill-Kumitat tad-Drittijiet tal-Awtur huma stabbiliti fl-Att dwar id-Drittijiet tal-Awtur.

Informazzjoni u taħriġ

L-informazzjoni dwar il-konċiljaturi li jaġixxu skont l-Att dwar il-Konċiljazzjoni, inklużi nutara u avukati, tinsab fis-siti ta' dawk li jaġixxu bħala konċiljatur. Tista’ ssib lista ta' nutara fis-sit tal-Kamra tan-Nutara. Fis-sit tal-Kamra tal-Avukati Estonjana hemm lista ta' avukati li jaġixxu bħala konċiljaturi.

Informazzjoni dwar l-attivitajiet tal-Kanċillier tal-Ġustizzja fil-kapaċità tiegħu bħala Ombudsman għat-Tfal tinstab fis-sit tal-Kanċillier tal-Ġustizzja. Informazzjoni dwar il-konċiljazzjoni f’tilwim dwar diskriminazzjoni tinsab ukoll fis-sit tal-Kanċillier tal-Ġustizzja.

Fis-sit tal-Konċiljatur Pubbliku hemm informazzjoni dwar l-attivitajiet tal-Konċiljatur Pubbliku bħala konċiljatur.

It-taħriġ għall-medjaturi huwa pprovdut mis-settur privat (pereżempju l-Assoċjazzjoni tal-Medjaturi). M'hemm l-ebda regolament speċifiku dwar it-taħriġ tal-medjaturi.

X'inhuma l-ispejjeż marbuta mal-medjazzjoni?

Skont l-Att tal-Konċiljazzjoni, il-konċiljazzjoni mhix bla ħlas; l-ispiża tal-konċiljazzjoni hija soġġetta għal ftehim bejn il-medjatur u l-partijiet involuti.

F’każijiet meta qorti tkun ipproponiet li l-partijiet fil-proċedimenti jmorru għand konċiljatur jew tkun ordnat lill-partijiet isegwu l-proċedura ta’ konċiljazzjoni prevista fl-Att dwar il-Konċiljazzjoni, kull parti li ma tkunx tista’ tħallas l-ispejjeż tal-proċedura ta’ konċiljazzjoni jew li tkun tista’ taffordja tħallas parti minnhom biss jew billi tħallas bin-nifs, bħala forma ta’ għajnuna legali, tista’ titlob li jinħafrulha l-ispejjeż kollha tal-proċedimenti ta’ konċiljazzjoni jew parti minnhom, a spejjeż tar-Repubblika tal-Estonja.

Jekk il-Kanċillier tal-Ġustizzja jaġixxi bħala konċiljatur ma jkun hemm l-ebda tariffa x'titħallas. Madankollu, jista' jkun hemm spejjeż addizzjonali marbuta mal-proċess ta' konċiljazzjoni. Il-Kanċillier tal-Ġustizzja jiddeċiedi min għandu jħallas dawn l-ispejjeż.

Ir-riżoluzzjoni ta' tilwim industrijali kollettiv mill-Konċiljatur Pubbliku hija wkoll mingħajr ħlas. L-ispejjeż li jirriżultaw mir-riżoluzzjoni ta' tilwim industrijali kollettiv iġġarrabhom il-parti li jkollha t-tort jew jiġu maqsuma bi ftehim komuni bejn il-partijiet.

L-awtorità kontraenti tal-Assoċjazzjoni tal-Assigurazzjoni Estonjana titlob il-ħlas ta’ tariffa amministrattiva ta' EUR 50 u l-konċiljatur tal-assigurazzjoni jitlob il-ħlas ta’ tariffa massima ta' EUR 160. Bil-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u l-kontribuzzjonijiet tal-assigurazzjoni tal-qgħad, dan jammonta għal total ta’ EUR 214.08. Jekk il-konċiljazzjoni ma tkunx suċċess nofs id-dritt ta' ħlas tal-konċiljatur tal-assigurazzjoni ma tkunx pagabbli.

Huwa possibbli li ftehim li jirriżulta minn medjazzjoni jiġi infurzat?

Skont l-Att dwar il-Konċiljazzjoni, il-ftehim konkluż b’riżultat ta' proċess ta' konċiljazzjoni jkun eżegwibbli wara li titwettaq il-proċedura adatta li tiddikjarah eżegwibbli fuq il-bażi ta’ talba (l-Artikoli 6271 u 6272 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili). Ftehim ta' Konċiljazzjoni konkluż bħala riżultat ta' proċess ta' konċiljazzjoni minn nutar jew avukat f'konformità mar-regoli stabbiliti fl-Att Notarili, jista' wkoll jiġi ddikjarat eżegwibbli minn nutar. Ir-regoli speċjali li jirregolaw l-eżekutorjetà ta’ ftehimiet dwar il-proċedura għal kuntatt ma’ minuri huma stabbiliti fl-Artikolu 563 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili.

Kull ftehim konkluż b’riżultat ta’ proċess ta’ konċiljazzjoni approvat mill-Kanċillier tal-Ġustizzja huwa eżekutorju.

Ftehim milħuq permezz tal-Konċiljatur Pubbliku biex tiġi solvuta tilwima tax-xogħol kollettiv jorbot liż-żewġ partijiet u huwa validu mid-data li fiha jkun ġie ffirmat, sakemm ma jkunx intlaħaq qbil dwar skadenza għad-dħul fis-seħħ. Madankollu, dan it-tip ta' ftehim ma jikkostitwixxix titolu li jista' jkun infurzat.

L-aħħar aġġornament: 14/01/2022

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.