Fil-qasam tal-ġustizzja ċivili, il-proċeduri u l-proċedimenti pendenti mibdija fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni se jkomplu skont il-liġi tal-UE. Il-Portal tal-e-Ġustizzja, abbażi tal-ftehim reċiproku mar-Renju Unit, se jżomm l-informazzjoni rilevanti marbuta mar-Renju Unit sa tmiem l-2024.
Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna l-Ingliż ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Swipe to change

Medjazzjoni fil-pajjiżi tal-UE

L-Ingilterra u Wales

Minflok ma titla’ l-qorti, għaliex ma tipprovax issolvi t-tilwima tiegħek permezz tal-medjazzjoni? Din hija miżura ta’ soluzzjoni alternattiva tat-tilwim (ADR), li permezz tagħha medjatur newtrali jassisti lil dawk involuti f’tilwima biex jilħqu ftehim. Il-gvern u l-professjonisti fil-qasam tal-ġustizzja tal-Ingilterra u Wales jagħrfu l-vantaġġi tal-medjazzjoni u huma impenjati għall-promozzjoni u l-użu tal-medjazzjoni biex jissolva t-tilwim bħala alternattiva għall-qorti, f'każijiet adatti.  Il-każ tiegħek jista' jkun eliġibbli li jkun iffinanzjat mill-għajnuna legali (dment li jissodisfa l-kriterji ta' kwalifika normali).

Il-kontenut ipprovdut minn
L-Ingilterra u Wales

Lil min nikkuntattja?

Il-Ministeru tal-Ġustizzja huwa responsabbli għall-politika tal-medjazzjoni ċivili u familjari, inkluża l-promozzjoni tagħha peress li din tgħodd biss fl-Ingilterra u Wales.

Il-Medjazzjoni Ċivili

Sabiex tiġi żgurata l-kwalità tal-medjazzjoni riferita mill-qorti fit-tilwim ċivili (minbarra t-tilwim familjari fil-ġuriżdizzjoni tal-Ingilterra u Wales), il-Ministeru tal-Ġustizzja u s-Servizz tal-Qrati u t-Tribunali tal-Maestà Tagħha (HMCTS) stabbilixxew żewġ proċessi ta' medjazzjoni ċivili li bis-saħħa tagħhom il-partijiet jistgħu jsolvu t-tilwim skont il-valur tat-talba. Is-Servizz ta' Medjazzjoni tat-Talbiet iż-Żgħar huwa servizz intern ipprovdut u mmexxi mill-HMCTS, fir-rigward tal-kawżi li jitqiesu bħala talbiet żgħar. Ġeneralment dan ifisser kawżi ta' inqas minn GBP 10 000. Għal kawżi ta' valur ogħla, iktar minn GBP 10 000, il-Ministeru tal-Ġustizzja ħadem mal-Kunsill tal-Medjazzjoni Ċivili (CMC) biex tiġi introdotta skema ta' akkreditament li permezz tagħha l-organizzazzjonijiet li jipprovdu medjazzjoni jistgħu japplikaw biex ikunu inklużi fid-direttorju tal-medjazzjoni ċivili u biex il-qrati jirreferulhom il-partijiet f'każijiet adatti. Is-CMC hija organizzazzjoni li tirrappreżenta lil dawk li jipprovdu medjazzjoni ċivili u kummerċjali.

Il-Medjazzjoni Familjari

Dwar it-tilwim tal-familja, il-medjazzjoni hija rregolata minnha nfisha, u tikkonsisti f’għadd ta’ organizzazzjonijiet ta’ membri jew korpi ta’ akkreditament li l-medjaturi jkunu affiljati magħhom. Dawn il-korpi amalgamaw biex jifformaw il-Kunsill tal-Medjazzjoni tal-Familja (FMC) biex jarmonizzaw l-istandards fil-medjazzjoni tal-familja. Funzjoni oħra tal-FMC hija li jirrappreżenta lill-organizzazzjonijiet tal-membri fondaturi u lill-prattikanti fil-medjazzjoni tal-familja b’mod ġenerali fir-relazzjonijiet tal-professjoni mal-gvern.

L-FMC huwa korp mhux governattiv, iżda għandu rwol ċentrali fost l-organizzazzjonijiet membri tiegħu, li huma kollha organizzazzjonijiet/għaqdiet mhux governattivi u membri fundaturi tal-FMC. L-aktar prominenti fost dawn huma:

  • ADR Group
  • Family Mediators Association
  • National Family Mediation
  • College of Family Mediators
  • Resolution
  • The Law Society

Il-gvern ma għandu l-ebda pjanijiet bħalissa li jwaqqaf korp regolatorju fir-rigward tal-medjazzjoni ċivili u familjari.

Tista' ssib medjatur ċivili akkreditat fid-direttorju tal-medjazzjoni ċivili, li jinsab fis-sit elettroniku tal-ġustizzja. Tista' tfittex id-direttorju għal medjatur fil-lokalità tiegħek; u l-ispiża tal-medjazzjoni tkun ibbażata fuq tariffa fissa, skont il-valur tat-tilwima.  Għall-partijiet li ma jaffordjawx l-ispiża tal-medjazzjoni hemm servizz ta' medjazzjoni bla ħlas għal dawk eliġibbli, ipprovut minn LawWorks.  LawWorks jistgħu jkunu kkuntattjati fuq in-numru 01483 216 815 jew permezz tas-sit elettroniku ta' LawWorks.

Fis-sit elettroniku GovUK (li qabel kien DirectGov) hemm għodda ta' tfittxija għal servizz tal-medjazzjoni familjari u li ssibha hawn: Għodda ta' Tfittxija għal Servizz tal-Medjazzjoni Familjari.  Kun af li ma għadx hemm Helpline tal-Medjazzjoni Familjari.

Tista' ssib iktar tagħrif dwar l-għajnuna legali, inkluż intix eliġibbli għall-għajnuna legali fis-Servizz ta' Informazzjoni l-ġdid dwar l-Għajnuna Legali fis-sit Gov.UK f'check-legal-aid

F’liema qasam huwa ammissibbli u/jew l-aktar komuni l-użu tal-medjazzjoni?

Il-medjazzjoni tista' tintuża biex issolvi firxa wiesgħa ta' tilwim ċivili u kummerċjali ta' kuljum – fosthom kwistjonijiet ta' djar, tilwim kummerċjali, tilwim fil-post tax-xogħol, talbiet żgħar, talbiet dwar djun, tilwim dwar il-fruntieri, tilwim dwar l-impjiegi, tilwim kuntrattwali, kawżi dwar tidrib personali u negliġenza kif ukoll tilwim komunitarju bħal kwistjonijiet ta' fastidju.

Il-medjazzjoni tista' tintuża wkoll fir-rigward ta' tilwim familjari, inkluż għal divorzju, annullament, annullament ta' sħubija ċivili, applikazzjonijiet skont l-Att dwar it-Tfal, inklużi kuntatt u residenza. Mhix ristretta għal dawk li kienu sħab jew miżżewġin.  Pereżempju, nanniet jistgħu jużaw il-medjazzjoni familjari biex jgħinhom jaslu għal ftehim dwar l-arranġamenti biex ikomplu r-relazzjoni tagħhom mat-tfal tat-tfal tagħhom.

Hemm regoli speċifiċi li għandhom jiġu segwiti?

Il-proċedura tal-medjazzjoni ċivili

Il-medjazzjoni ċivili mhijiex irregolata mil-liġi, u lanqas ma hija prerekwiżit għall-proċedimenti fil-qorti. Madankollu l-partijiet f’kawżi ċivili huma meħtieġa jikkunsidraw il-medjazzjoni b’mod serju qabel ma jmorru l-qorti.

Ir-regoli dwar il-proċedura ċivili (CPR) jirregolaw il-prattika u l-proċedura li għandhom jiġu segwiti fit-taqsimiet ċivili tal-Qorti tal-Appell, il-Qorti Superjuri, u l-Qrati tal-Kontej. Is-CPR għandhom kodiċi proċedurali, li l-għan ewlieni tiegħu huwa li jgħin lill-qrati jittrattaw il-kawżi b’mod ġust. Parti minn dan l-għan ewlieni jeħtieġ li l-qorti ġġestixxi l-kawżi b'mod attiv. Dan jinkludi li tħeġġeġ lill-partijiet involuti jużaw proċedura ta’ soluzzjoni alternattiva tat-tilwim jekk il-qorti tqis li dan ikun xieraq u li tiffaċilita l-użu ta’ din il-proċedura.

Filwaqt li l-medjazzjoni hija għal kollox volontarja, ir-regoli dwar il-proċedura ċivili jistabbilixxu l-fatturi li għandhom jitqiesu meta tittieħed id-deċiżjoni dwar l-ammont ta’ spejjeż li għandhom jiġu attribwiti. Il-qorti trid tqis l-isforzi li jkunu saru, jekk ikunu saru, qabel u matul il-proċedimenti, biex il-partijiet jipprovaw isolvu t-tilwima. Għaldaqstantt, jekk parti li tirbaħ tkun preċedentement irrifjutat offerta raġonevoli għall-medjazzjoni, l-imħallef jista’ jiddeċiedi li l-parti t-telliefa ma tkunx meħtieġa tħallas l-ispejjeż tal-parti r-rebbieħa.

Il-proċedura tal-medjazzjoni familjari

Bħalissa l-medjazzjoni tal-familja hija proċess għal kollox volontarju. Minn April 2011 l-applikanti kollha (mhux biss dawk li qed jirċievu fondi pubbliċi) iridu jqisu l-użu tal-medjazzjoni billi jattendu Laqgħa dwar l-Informazzjoni u l-Valutazzjoni tal-Medjazzjoni (MIAM) qabel ma jkunu jistgħu jippreżentaw rikors il-qorti skont il-Protokoll ta' Qabel ir-Rikors tal-President. L-intimat prospettiv għandu jattendi wkoll jekk ikun mistieden jagħmel dan. Jekk ir-rikorrent ikompli jmexxi bil-qorti għandu jippreżenta l-Formola FM1 mar-rikors tiegħu biex juri jew li huma eżenti milli jattendu MIAM, li attendew MIAM u l-medjazzjoni ma tqisitx adatta, jew attendew medjazzjoni u ma rnexxietx jew ma rnexxilhomx isolvu l-kwistjonijiet kollha.

B'reazzjoni għar-rakkomandazzjoni tar-Reviżjoni tal-Ġustizza tal-Familja, il-Gvern introduċa dispożizzjoni fl-Abbozz ta' liġi dwar it-Tfal u l-Familji fi Frar 2013 biex l-għażla attwali jekk wieħed jattendix Laqgħa dwar l-Informazzjoni u l-Valutazzjoni tal-Medjazzjoni (MIAM) issir rekwiżit leġiżlattiv (b'eċċezzjonijiet limitati, eż. fejn hemm evidenza ta' vjolenza domestika).

Il-Formola mimlija FM1 mar-rikors tagħhom, kif imsemmi fuq, se tkun rekwiżit leġiżlattiv. L-abbozz mistenni jiġi adottat u d-dispożizzjonijiet mistennija jkunu adottati fir-rebbiegħa 2014.

Bħar-Regoli tal-Proċedura Ċivili, ir-Regoli tal-Proċedura tal-Familja (sett komprensiv ta’ regoli li jirrigwardaw proċedura tal-qorti) iħeġġu l-użu tal-metodi ta' soluzzjoni alternattiva għat-tilwim (ADR).

Iż-żamma ta' standards professjonali

Ma hemm ebda kodiċi ta’ mġiba nazzjonali għall-medjaturi li huwa speċifiku għall-Ingilterra u Wales. Madankollu, sabiex ikunu akkreditati mis-CMC, il-medjatur ċivili għandu jaderixxi għal kodiċi ta’ mġiba – il-Kodiċi ta’ Mġiba tal-UE jintuża bħala l-mudell. Il-professjoni tirregola lilha nfisha u l-gvern ma għandu ebda rwol biex iħeġġeġ l-aderenza għal xi kodiċi volontarju

Il-membri fundaturi kollha tal-FMC huma meħtieġa jiżguraw li l-membri tagħhom (prattikanti tal-medjazzjoni familjari) jaderixxu għall-Kodiċi ta’ Mġiba tal-FMC.

Informazzjoni u taħriġ

Informazzjoni dwar il-medjazzjoni ċivili, servizzi u prezzijiet tinsab fis-sit elettroniku tal-Gvern fis-sit tal-Ministeru tal-Ġustizzja: medjazzjoni ċivili

Id-Direttorju tal-Medjazzjoni Ċivili joffri faċilità ta' tfittxija biex jinstab medjatur li lest jipprovdi medjazzjoni f'post adatt għall-partijiet. Is-sit elettroniku tas-CMC u s-siti elettroniċi tal-għaqdiet li jipprovdu iktar informazzjoni dwar il-medjazzjoni u s-servizzi tal-medjazzjoni.

L-Għodda ta' Tfittxija għal Servizz tal-Medjazzjoni Familjari toffri faċilità ta' tfittxija biex jinstab medjatur f'żona lokali tal-utent. Is-siti elettroniċi tal-għaqdiet membri tal-FMC jipprovdu iktar informazzjoni dwar is-servizzi ta' medjazzjoni.

Ma hemm ebda korp nazzjonali għat-taħriġ tal-medjaturi ċivili fl-Ingilterra u Wales. Il-medjaturi ċivili huma mħarrġa mis-settur privat, li huwa awtoregolat. Il-professjoni tirregola lilha nnifisha u tieħu ħsieb it-taħriġ tal-membri tagħha.

Il-medjaturi tal-familja jiġu minn sfondi diversi, inkluż legali, terapewtiku u servizzi soċjali, u ma hemm ebda rekwiżit legali li jagħmlu xi taħriġ speċjalizzat. Il-bosta għaqdiet ta’ sħubija/akkreditament madankollu għandhom settijiet ta’ standards professjonali u tat-taħriġ tagħhom stess, li jinkludu rekwiżiti għat-taħriġ. Il-medjaturi li jkollhom kuntratt biex jipprovdu medjazzjoni ffinanzjata pubblikament huma mistennija jiksbu standard partikolarment għoli ta' akkreditament u taħriġ biex issir il-Laqgħa dwar l-Informazzjoni u l-Valutazzjoni tal-Medjazzjoni (MIAM) inizjali u l-medjazzjoni.

X’inhuma l-ispejjeż tal-medjazzjoni?

L-ispejjeż tal-medjazzjoni jvarjaw skont min ikun il-medjatur u mhumiex irregolati mill-istat. Fi kwistjonijiet ċivili, l-ispiża tal-medjazzjoni tkun relatata mal-valur tal-kwistjonijiet fit-tilwima u ż-żmien meħtieġ biex isir il-proċess tal-medjazzjoni. Ir-rati għall-għoti ta' medjazzjoni permezz tad-direttorju tal-medjazzjoni ċivili onlajn jinsabu fis-sit elettroniku tal-ġustizzja. L-għaqda karitattiva LawWorks tipprovdi medjazzjoni b'xejn lil dawk li ma jaffordjawx iħallsu. LawWorks jistgħu jkunu kkuntattjati fuq in-numru 01483216815 jew permezz tas-sit elettroniku tal-Medjazzjoni ta' LawWorks.

Huwa possibbli li jiġi infurzat ftehim li jirriżulta mill-medjazzjoni?

Id-Direttiva 2008/52/KE implimentata fir-Renju Unit mir-Regolamenti dwar il-Medjazzjoni Transfruntiera (Direttiva tal-UE) 2011 (SI 2011 Nru 1133) tippermetti li meta parti tkun domiċiljata fi Stat Membru fil-mument tat-tilwima, dawk involuti f'tilwima transfruntiera jitolbu biex ftehim bil-miktub li ġej mill-medjazzjoni, ikun eżegwibbli. L-Istati Membri jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar il-qrati jew awtoritajiet oħra kompetenti oħra li jirċievu dawn it-talbiet.

Għall-Ingilterra u Wales, id-dettalji dwar il-qrati kompetenti jinsabu fis-sit tas-Servizz tal-Qrati u t-Tribunali tal-Maestà Tagħha.

Il-partijiet għal tilwima ċivili, maħruġa mill-qorti, li jkunu laħqu ftehim permezz tal-medjazzjoni, jistgħu jirrikorru għall-qorti biex il-ftehim tagħhom jingħata l-approvazzjoni legali minn imħallef. La darba jkun approvat minn imħallef, il-ftehim isir "ordni ta' kunsens" vinkolanti legalment u eżegwibbli, jekk il-qorti tkun sodisfatta li l-ftehim milħuq ikun ġust.

Il-partijiet fit-tilwim familjari li jkunu laħqu ftehim bejniethom, permezz tal-avukati tagħhom jew permezz tal-medjazzjoni, jistgħu jirrikorru għall-qorti biex jikkonvertu l-ftehim tagħhom f’"ordni ta’ kunsens" vinkolanti legalment, jekk il-qorti tkun sodisfatta li l-ftehim ikkonċernat huwa ġust.  Dan x'aktarx li japplika l-iktar għal arranġamenti finanzjarji milli għal dawk relatati mat-tfal.

Ħoloq Relatati

Il-Kunsill tal-Medjazzjoni Ċivili, Il-Kunsill tal-Medjazzjoni Familjari, Id-Direttorju Onlajn tal-Medjazzjoni Ċivili, L-Għodda ta' Tfittxija għal Servizz tal-Medjazzjoni Familjari, Il-Kodiċi ta' Mġiba tal-UE għall-Medjaturi Il-Kodiċi ta' Mġiba tal-FMC, Il-Medjazzjoni ta' LawWorks

L-aħħar aġġornament: 07/10/2014

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.