Medjazzjoni fil-pajjiżi tal-UE

Bulgarija

Minflok ma tmur il-qorti, għaliex ma tippruvax issolvi t-tilwima tiegħek permezz tal-medjazzjoni? Din hija miżura ta’ soluzzjoni alternattiva għat-tilwim (ADR), fejn medjatur jgħin lill-partijiet involuti f’tilwima biex isibu ftehim. Il-gvern u l-ġuristi fil-Bulgarija huma konxji mill-vantaġġi tal-medjazzjoni.

Il-kontenut ipprovdut minn
Bulgarija

Lil min għandek tikkuntattja

Il-Ministeru għall-Ġustizzja tal-Bulgarija stabbilixxa reġistru ta’ medjaturi bħala parti mir-reġistru ċentrali ta’ entitajiet korporattivi mingħajr skop ta’ qligħ li joffru servizzi pubbliċi utli.

Is-sit tal-Ministeru għall-Ġustizzja jipprovdi aċċess għal:

F’liema qasam huwa ammissibbli u/jew l-aktar komuni l-użu tal-medjazzjoni?

Il-medjazzjoni hija ammissibbli f’bosta oqsma tal-liġi. Madankollu, dawn l-oqsma mhumiex irregolati jew limitati mil-leġiżlazzjoni. S’issa, il-biċċa l-kbira tal-medjaturi rreġistrati speċjalizzaw fil-medjazzjoni kummerċjali u tan-negozju.

Għandhom jiġu segwiti xi regoli speċifiċi?

Il-medjazzjoni hija kompletament volontarja. Minkejja li l-medjazzjoni tipprovdi mezzi alternattivi għas-soluzzjoni tat-tilwim mingħajr ma titla’ l-qorti, mhijiex prerekwiżit meta jinbdew proċedimenti fil-qrati.

M’hemm l-ebda kodiċi ta’ kondotta speċifiku għall-medjaturi. Madankollu, id-dispożizzjonijiet dwar l-istandards etiċi jinsabu fl-Att dwar il-Medjazzjoni u fir-Regolament Nru 2 tal-15 ta’ Marzu 2007, li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet u l-proċedura ta’ approvazzjoni tal-organizzazzjonijiet li jipprovdu l-medjazzjoni.

Informazzjoni u taħriġ

L-organizzazzjonijiet li joffru taħriġ lill-medjaturi jiġu mis-settur privat.

Is-suġġetti tas-seminar tat-taħriġ jinkludu l-proċedimenti legali u r-regoli etiċi għall-imġiba tal-medjaturi, kif ukoll il-proċedura stabbilita fl-Att dwar il-Medjazzjoni u r-Regolament Nru 2 tal-15 ta’ Marzu 2007.

Kemm tiswa l-medjazzjoni?

Il-medjazzjoni mhijiex bla ħlas; il-ħlas jiġi ddeterminat bi qbil bejn il-medjatur u l-partijiet involuti.

Huwa possibbli li jiġi infurzat qbil li jirriżulta minn medjazzjoni?

Skont id-Direttiva 2008/52/KE (li tħeġġeġ u tiffaċilita l-medjazzjoni bħala forma alternattiva ta’ soluzzjoni għat-tilwim transfruntier fl-UE), irid ikun possibbli li jintalab li l-kontenut ta’ qbil bil-miktub li jirriżulta mill-medjazzjoni jkun eżekutorju.

Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/52/KE dwar l-eżegwibilità ta’ ftehimiet li jirriżultaw minn medjazzjoni ġew trasposti fl-Att dwar il-Medjazzjoni.

L-Istati Membri dan jikkomunikawh lill-qrati u lill-awtoritajiet l-oħra li huma kompetenti jirċievu talbiet bħal dawn.

L-aħħar aġġornament: 22/05/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.