Medjazzjoni fil-pajjiżi tal-UE

Njemačka

Minflok tmur il-qorti, għaliex ma tippruvax issolvi t-tilwima tiegħek permezz tal-medjazzjoni? Din hija miżura ta’ soluzzjoni alternattiva tat-tilwim (ADR), fejn medjatur jgħin lil dawk involuti f’tilwima biex jilħqu ftehim.

Sadržaj omogućio
Njemačka

Lil min għandek tikkuntattja?

Bosta organizzazzjonijiet jipprovdu servizzi ta’ medjazzjoni. Hawn taħt issib lista mhux eżawrjenti ta’ xi wħud mill-assoċjazzjonijiet il-kbar:

Dawn l-assoċjazzjonijiet jappoġġaw lill-partijiet li jixtiequ jużaw medjatur biex isibu medjatur xieraq.

F'liema oqsma huwa ammissibbli u/jew l-aktar komuni l-użu tal-medjazzjoni?

Ġeneralment, meta ma jkun hemm l-ebda rekwiżit legali formali li tip partikolari ta’ tilwima jew kwistjoni trid tiġi ttrattata fil-qorti, il-medjazzjoni hija dejjem permessa. L-iktar oqsma komuni għall-medjazzjoni huma l-liġi tal-familja, il-liġi tas-suċċessjoni u l-liġi tal-kummerċ.

Hemm xi regoli speċifiċi li jridu jiġu segwiti?

L-Att dwar il-Medjazzjoni (Mediationsgesetz) (l-Artikolu 1 tal-Att li jippromwovi l-medjazzjoni u proċeduri oħra għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti tal-21 ta’ Lulju 2012, il-Gazzetta Federali tal-Liġi I (Bundesgesetzblatt I)¸ p. 1577), daħal fis-seħħ fil-Ġermanja fis-26 ta’ Lulju 2012. Din kienet l-ewwel biċċa leġiżlazzjoni li tirregola formalment is-servizzi ta’ medjazzjoni fil-Ġermanja. L-Att jittrasponi wkoll id-Direttiva Ewropea dwar il-Medjazzjoni fil-liġi Ġermaniża (id-Direttiva 2008/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2008 dwar ċerti aspetti ta’ medjazzjoni f’materji ċivili u kummerċjali, ĠU L 136, 24.5.2008, p. 3). L-ambitu tal-Att Ġermaniż dwar il-Medjazzjoni jiżboq ir-rekwiżiti tad-Direttiva Ewropea; filwaqt li d-Direttiva tipprovdi biss għal tilwim ċivili u kummerċjali transfruntiera, l-Att Ġermaniż dwar il-Medjazzjoni jkopri l-forom kollha ta’ medjazzjoni fil-Ġermanja, irrispettivament mill-forma tat-tilwima jew il-post ta’ residenza tal-partijiet ikkonċernati.

L-Att Ġermaniż dwar il-Medjazzjoni jistabbilixxi biss linji gwida ġenerali, minħabba li l-medjaturi u l-partijiet ikkonċernati għandhom bżonn spazju sinifikanti fejn jimmanuvraw matul il-proċess ta’ medjazzjoni. L-Att inizjalment jiddefinixxi t-termini “medjazzjoni” u “medjatur”, biex jiddistingwi l-medjazzjoni minn forom oħra ta’ soluzzjoni tat-tilwim. Skont l-Att, il-medjazzjoni hija proċess strutturat li bih il-partijiet implikati volontarjament u b’mod awtonomu jfittxu forma ta’ soluzzjoni reċiproka tat-tilwim bl-għajnuna ta’ medjatur wieħed jew aktar. Il-medjaturi huma persuni indipendenti u imparzjali, mingħajr is-setgħa li jieħdu deċiżjonijiet, li jiggwidaw lill-partijiet ikkonċernati fil-proċedura ta’ medjazzjoni. L-Att jevita deliberatament li jistabbilixxi kodiċi preċiż ta’ kondotta għall-proċedura tal-medjazzjoni. Madankollu, huwa jistabbilixxi għadd ta’ obbligi ta’ żvelar u restrizzjonijiet fuq l-attività, biex jipproteġi l-indipendenza u l-imparzjalità tal-professjoni tal-medjatur. Barra minn hekk, il-leġiżlazzjoni tobbliga formalment lill-medjaturi biex iżommu kunfidenzjalità stretta dwar il-klijent.

L-Att jippromwovi soluzzjoni reċiproka tat-tilwim billi jinkludi għadd ta’ inċentivi differenti fil-kodiċijiet proċedurali uffiċjali (eż. il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, Zivilprozessordnung). Minn issa ’l quddiem, pereżempju, meta l-partijiet iressqu każ f’qorti ċivili, ikollhom jgħidu jekk fittxewx diġà li jsolvu l-kwistjoni permezz ta’ miżuri barra mill-qorti, bħall-medjazzjoni, u jekk hemmx raġunijiet speċifiċi biex ma jikkunsidrawx azzjoni f’din id-direzzjoni. Barra minn hekk, il-qorti tista’ tissuġġerixxi li l-partijiet jippruvaw isolvu l-kunflitt permezz tal-medjazzjoni, jew permezz ta' forma oħra ta’ soluzzjoni barra mill-qorti; jekk il-partijiet jirrifjutaw li japplikaw din l-għażla, il-Qorti tista’ tagħżel li tissospendi l-proċeduri. L-għajnuna legali għall-medjazzjoni għalissa ma hijiex prevista. Skont l-Artikolu 278(5) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, il-qorti tista’, għall-iskop tal-proċedura ta’ konċiljazzjoni u għal aktar tentattivi ta’ soluzzjoni bonarja, tirreferi l-partijiet lil imħallef ta’ konċiljazzjoni (Güterichter) li jkun maħtur speċifikament għal dak l-iskop u ma għandux setgħat ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet. L-imħallef ta’ konċiljazzjoni jista’ juża l-metodi kollha ta’ soluzzjoni tat-tilwim, inkluża l-medjazzjoni.

Il-Gvern Federali żamm mal-obbligu legali tiegħu li jirrapporta lura lill-Bundestag (it-tieni kamra tal-parlament) dwar l-impatt tal-Att ħames snin wara l-implimentazzjoni tiegħu permezz tar-rapport tiegħu tal-20 ta’ Lulju 2017. Ir-rapport jinsab hawnhekk. Juri li l-medjazzjoni bħala għodda alternattiva għas-soluzzjoni tat-tilwim fil-Ġermanja għadha ma tintużax daqs kemm mixtieq. Skont ir-rapport, ma hemm l-ebda ħtieġa immedjata li jiġu adottati miżuri leġiżlattivi. Abbażi tas-sejbiet fir-rapport, il-Gvern Federali madankollu se jeżamina kif jista’ jinkiseb aħjar l-għan tal-promozzjoni tal-medjazzjoni mixtieqa mill-Att dwar il-Medjazzjoni.

Informazzjoni u taħriġ

Informazzjoni ġenerali hija disponibbli fuq is-sit web tal-Ministeru Federali tal-Ġustizzja (Bundesministerium der Justiz).

Ma hemm l-ebda leġiżlazzjoni li tiddefinixxi l-profil professjonali ta’ medjatur. Bl-istess mod, l-aċċess għall-professjoni ma huwiex ristrett. Il-medjaturi huma responsabbli biex jiżguraw li jkollhom l-għarfien u l-esperjenza meħtieġa (permezz ta’ taħriġ xieraq u korsijiet ta’ żvilupp ulterjuri) biex jiggwidaw b’mod affidabbli lill-partijiet matul il-proċess ta’ medjazzjoni. Il-liġi Ġermaniża tistabbilixxi l-għarfien ġenerali, il-kompetenzi u l-proċeduri li għandhom ikunu koperti minn taħriġ xieraq minn qabel. Kull persuna li tissodisfa dawn il-kriterji tista’ taħdem bħala medjatur. Ma hemm l-ebda età minima stabbilita, u l-ebda rekwiżit, pereżempju li medjatur irid ikun segwa kors ta’ studju fil-livell universitarju.

Jekk il-partijiet ikunu jixtiequ jkollhom garanzija li l-medjatur tagħhom ikollu taħriġ kwalifikat u biżżejjed esperjenza fil-qasam, huma liberi li jagħżlu medjatur iċċertifikat (“zertifizierten” Mediator). Għal dan il-għan, il-Ministeru Federali għall-Ġustizzja għamel użu mis-setgħa tiegħu li joħroġ strument statutorju u adotta r-“Regolament dwar it-taħriġ u l-iżvilupp ulterjuri ta’ medjaturi ċertifikati” (Verordnung über die Aus- und Fortbildung von zertifizierten Mediatoren), u b’hekk stabbilixxa kundizzjonijiet aktar speċifiċi għat-taħriġ biex wieħed isir medjatur ċertifikat u għal korsijiet ta’ żvilupp ulterjuri għal medjaturi ċertifikati, kif ukoll rekwiżiti għal stabbilimenti ta’ taħriġ u żvilupp ulterjuri.

L-ebda inizjattiva formali ma hija prevista għalissa.

It-taħriġ tal-medjaturi bħalissa huwa offrut minn assoċjazzjonijiet, organizzazzjonijiet, universitajiet, kumpaniji u individwi.

Kemm tiswa l-medjazzjoni?

Il-medjazzjoni ma hijiex bla ħlas; il-ħlas huwa suġġett għal ftehim bejn il-medjatur privat u l-partijiet ikkonċernati.

Ma hemm l-ebda leġiżlazzjoni li tirregola t-tariffi għall-medjazzjoni, u lanqas ma hemm statistika dwar l-ispejjeż. Huwa realistiku li wieħed jassumi li t-tariffi fis-siegħa jistgħu jvarjaw bejn wieħed u ieħor minn EUR 80 sa EUR 250.

Huwa possibbli li jiġi eżegwit ftehim ta’ medjazzjoni?

Fil-prinċipju, ftehim ta’ medjazzjoni jista’ jiġi ddikjarat eżegwibbli bl-għajnuna ta’ avukat (bħala soluzzjoni bl-avukati) jew nutar (bħala att notarili pubbliku skont l-Artikoli 796a sa 796c u 794(1)(5) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

Links relatati

Assoċjazzjoni Federali għall-Medjazzjoni tal-Familja

Assoċjazzjoni Federali għall-Medjazzjoni

Assoċjazzjoni Federali għall-Medjazzjoni Ekonomika u Professjonali

Ċentru għall-Medjazzjoni

Assoċjazzjoni Ġermaniża tal-Avukati

L-aħħar aġġornament: 17/05/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.