Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna l-Ingliż ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Swipe to change

Id-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur (2011/83)

X'INHU L-GĦAN TA' DIN ID-DIRETTIVA?

  • Din għandha l-għan li żżid il-protezzjoni tal-konsumatur billi tarmonizza diversi aspetti ewlenin tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-kuntratti bejn il-konsumaturi u l-bejjiegħa.
  • Hija tinkoraġġixxi l-kummerċ bejn il-pajjiżi tal-UE, b’mod partikolari għal konsumaturi li jixtru online.

PUNTI EWLENIN

Kamp ta' applikazzjoni

Għajr għal xi eċċezzjonijiet bħal vjaġġi u vaganzi “kollox kompriż” jew servizzi finanzjari bħal kreditu tal-konsumatur u l-assigurazzjoni, din id-direttiva tkopri kuntratti bejn negozjanti u konsumaturi dwar il-bejgħ ta’ oġġetti, servizzi (bħall-forniment ta’ ilma, gass, elettriku u tisħin), u kontenut diġitali online. Hija tieħu post id-direttiva dwar kuntratti li jsiru mill-bogħod (97/7/KE) u d-direttiva dwar bejgħ bieb bieb (85/577/KEE).

Obbligi ta' informazzjoni

Qabel jikkonkludu kuntratt, in-negozjanti għandhom jipprovdu lill-konsumaturi, fi kliem ċar u li jiftiehem, informazzjoni bħal:

  • l-identità u d-dettalji ta' kuntatt tagħhom,
  • il-karatteristiċi prinċipali tal-prodott, u
  • il-kundizzjonijiet li japplikaw, inklużi t-termini ta’ ħlas, iż-żmien ta’ kunsinna, il-prestazzjoni u t-tul tal-kuntratt u kundizzjonijiet ta’ terminazzjoni.

Fil-ħwienet, għandha tingħata biss l-informazzjoni li mhijiex diġà ovvja.

Ir-rekwiżiti tal-informazzjoni, b’mod partikolari dwar id-dritt ta’ rtirar huma aktar dettaljati għal kuntratti postali, bit-telefown jew online u xiri li ma jsirx fil-lok tan-negozju (meta negozjant iżur id-dar tal-konsumatur).

Dritt tal-irtirar

Il-konsumaturi jistgħu jirtiraw minn kuntratti b’distanza jew mhux fil-lok tan-negozju fi żmien 14-il ġurnata mill-kunsinna tal-oġġetti jew mill-konklużjoni tal-kuntratt għas-servizz, soġġett għal ċerti eċċezzjonijiet, mingħajr ebda spjegazzjoni jew spiża. Formola standard ta’ rtirar ipprovduta mill-bejjiegħ hija biżżejjed. Jekk il-konsumatur ma jingħatax għarfien dwar id-drittijiet tiegħu, il-perjodu ta’ rtirar huwa estiż bi 12-il xahar.

L-eżenzjonijiet japplikaw għal oġġetti li jitħassru malajr, oġġetti ssiġillati miftuħin mill-konsumatur li ma jistgħux jingħataw lura għal raġunijiet ta’ saħħa jew iġene, u riżervazzjonijiet ta’ lukandi jew kiri ta’ karozzi marbutin ma’ dati speċifiċi.

Ebda spiża mhux ġustifikata jew drittijiet addizzjonali.

In-negozjanti ma għandhomx jitolbu drittijiet lill-konsumaturi li huma aktar mill-ispiża għall-kummerċjant għall-użu tal-mezz ta' ħlas involut.

Meta konsumatur iċempel lil negozjant sabiex jistaqsi jew jilmenta dwar kuntratt, il-konsumatur ma għandux iħallas aktar mir-rata bażika tat-telefown.

In-negozjanti għandhom ikollhom il-kunsens espliċitu tal-konsumatur metaff joru servizzi addizzjonali bi ħlas. Għal tali ħlasijiet, ma jistgħux jintużaw kaxxi mmarkati bil-lest fuq il-formola tal-ordni.

MINN META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Din ilha tapplika mit-12 ta' Diċembru 2011. Il-pajjiżi tal-UE kellhom jinkorporawha fil-liġi nazzjonali sat-13 ta' Diċembru 2013. Id-direttiva tapplika għal kuntratti konklużi wara t-13 ta' Ġunju 2014.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara “Id-Direttiva dwar id-Dirittijiet tal-Konsumatur” fuq il-websajt tal-Kummissjoni Ewropea.

ATT

Id-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.(ĠU L 304, 22.11.2011, p. 64–88)

L-aħħar aġġornament: 08/08/2018

Din il-paġna hi amministrata mill-Kummissjoni Ewropea. L-informazzjoni f’din il-paġna ma tirriflettix neċessarjament il-pożizzjoni uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea. Il-Kummissjoni ma taċċetta l-ebda responsabbiltà fir-rigward ta’ kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali fir-rigward tar-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-paġni Ewropej.