Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna is-Sloven ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Swipe to change

Leġiżlazzjoni nazzjonali

Slovenja

Din il-paġna tipprovdilek informazzjoni dwar is-sistema legali fis-Slovenja.

Il-kontenut ipprovdut minn
Slovenja

Sorsi tal-liġi

Tipi ta' strumenti legali – deskrizzjoni

Normi legali li jkunu astratti fis-sistema legali tar-Repubblika tas-Slovenja jiġu adottati fuq livell kemm statali kif ukoll lokali. L-istrumenti legali fuq livell statali huma l-Kostituzzjoni (ustava), liġijiet/atti (zakoni) u r-regolamenti ta' implimentazzjoni, li jaqgħu f'żewġ kategoriji prinċipali: dekreti (uredbe, xi drabi tradotti bħala regolamenti) u regoli (pravilniki).

Il-kunsilli lokali jadottaw l-aktar l-ordinanzi (odloki).

Is-sistema legali fis-Slovenja ma tirrikonoxxix il-preċedenza ġudizzjarja, li jfisser li l-qrati inferjuri(nižja sodišča) mhumiex formalment marbuta bid-deċiżjonijiet tal-qrati superjuri (višja sodišča). Madankollu, il-qrati inferjuri għandhom it-tendenza li josservaw u jsegwu l-ġurisprudenza tal-qrati superjuri u tal-Qorti Suprema (Vrhovno sodišče).

Il-Qorti Suprema, waqt sessjoni plenarja, tista’ tadotta l-opinjonijiet ta' prinċipji ġuridiċi (načelno pravno mnenje) dwar kwistjonijiet importanti għall-applikazzjoni uniformi tal-liġijiet/atti. Skont l-Att dwar il-Qrati (Zakon o sodiščih), dawn l-opinijonjiet ta' prinċipji ġuridiċi jorbtu biss lill-bordijiet tal-Qorti Suprema u jistgħu jitbiddlu biss waqt sessjoni plenarja. Madankollu, il-qrati inferjuri għandhom it-tendenza li josservaw opinjonijiet ta’ prinċipji ġuridiċi, filwaqt li l-Qorti Suprema, fil-ġurisprudenza tagħha, titlob li għandha tingħata kunsiderazzjoni xierqa għal parti li tikkwota opinjoni ġuridika adottata diġà dwar il-kwistjoni kkonċernata.

Il-liġijiet/atti u r-regolamenti l-oħrajn iridu jkunu konformi mal-prinċipji tal-liġi internazzjonali ġeneralment aċċettati, kif ukoll mat-trattati li huma vinkolanti għas-Slovenja (kif stabbilit fl-Artikolu 8 tal-Kostituzzjoni). Trattati ratifikati u ppubblikati japplikaw b’mod dirett. Il-pożizzjoni tal-Qorti Kostituzzjonali Slovena (Ustavno sodišče) hija li fil-ġerarkija tal-atti ġuridiċi t-trattati internazzjonali jipprevalu fuq dispożizzjonijiet statutarji. It-trattati ratifikati jiġu integrati fis-sistema ġudizzjarja nazzjonali, li b’hekk joħolqu drittijiet u obbligi għal persuni fiżiċi u ġuridiċi fil-pajjiż (sakemm dawn ikunu direttament infurzabbli).

Is-sistema legali Slovena tappartjeni għall-familja legali kontinentali u hija sistema ta’ dritt ċivili, li jfisser li d-dritt konswetudinarju, fih innifisu, ma jiffurmax parti mis-sistema legali. Madanakollu, id-dritt konswetudinarju huwa rikonnoxut mid-dritt Sloven. Pereżempju, skont l-Artikolu 12 tal-Kodiċi dwar l-Obbligi (Obligacijski zakonik), li jirregola kuntratti bejn persuni fiżiċi u ġuridiċi, użanzi kummerċjali, użi u prattiċi stabbiliti bejn partijiet jiġu kkunsidrati fil-valutazzjoni tal-imġiba meħtieġa u fl-effetti tagħha fuq ir-relazzjonijiet obbligatorji tal-entitajiet kummerċjali.

Meta jeżerċita s-setgħa ġudizzjarja tiegħu jew tagħha, l-imħallef huwa marbut bil-Kostituzzjoni, bil-liġijiet/atti, bil-prinċipji ġenerali tal-liġi internazzjonali, kif ukoll bit-trattati internazzjonali li jkunu ġew ratifikati jew ippubblikati. L-Att dwar il-Qrati jipprovdi li, jekk każ ta’ liġi ċivili ma jkunx jista’ jiġi solvut fuq il-bażi ta’ regolamenti validi, l-imħallef għandu jikkunsidra r-regolamenti li jirregolaw każijiet simili. Jekk, minkejja dan, is-soluzzjoni għall-każ tibqa’ ġuridikament dubjuża, hu jew hi trid tieħu deċiżjoni bbażata fuq il-prinċipji ġenerali tal-ordni ġuridiku fl-Istat. Hawnhekk, hi jew hu jrid jaġixxi skont it-tradizzjoni ġuridika u l-prinċipji stabbiliti tal-ġurisprudenza. L-imħallef għandu dejjem jaġixxi daqslikieku hu jew hi għandha quddiemha numru indefinit ta’ każijiet tal-istess ġeneru.

Ġerarkija ta' normi

In-normi legali kollha jridu jkunu konformi mal-Kostituzzjoni. Il-liġijiet/atti u r-regolamenti l-oħrajn iridu jkunu konformi mal-prinċipji tal-liġi internazzjonali ġeneralment aċċettati, kif ukoll mat-trattati li huma vinkolanti għas-Slovenja (kif stabbilit fl-Artikolu 8 tal-Kostituzzjoni). Ir-regolamenti ta' implimentazzjoni u ordinanzi lokali jridu, barra minn hekk, ikunu konformi mal-liġijiet/atti.

Atti ġenerali maħruġa għall-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika (splošni akti za izvrševanje javnih pooblastil) iridu jkunu konformi mal-Kostituzzjoni, il-liġijiet/atti u regolamenti ta' implimentazzjoni.

Atti individwali u l-azzjonijiet tal-awtoritajiet tal-Istat, l-awtoritajiet tal-komunità lokali u dawk li jkollhom awtorità pubblika jridu jkunu bbażati fuq liġi/att adottat jew regolament statutorju.

Rigward is-supremazija tal-liġi tal-Unjoni Ewropea, il-Kostituzzjoni tipprovdi l-bażi għas-sistema legali Slovena sabiex din taċċetta l-imsemmija supremazija, billi tiddikjara li l-atti legali u d-deċiżjonijiet adottati fi ħdan organizzazzjonijiet internazzjonali li favur tagħhom is-Slovenja kienet ittrasferiet l-eżerċizzju ta’ parti mid-drittijiet tas-sovranità tagħha (f’dan il-każ, l-Unjoni Ewropea) iridu jiġu applikati fis-Slovenja skont ir-regolamentazzjoni legali ta’ dawn l-organizzazzjonijiet.

Qafas istituzzjonali

Istituzzjonijiet responsabbli għall-adozzjoni ta' normi legali

Il-liġijiet/atti huma adottati mill-kamra inferjuri tal-Parlament b'żewgt ikmamar Sloven, l-Assemblea Nazzjonali (Državni zbor). Skont l-Artikoli 80 u 81 tal-Kostituzzjoni, l-Assemblea Nazzjonali hija magħmula minn 90 deputat li jirrappreżentaw liċ-ċittadini tas-Slovenja. Tmienja u tmenin deputat jiġu eletti b’vot universali, ugwali, dirett u sigriet. Deputat wieħed mill-komunità nazzjonali Taljana u deputat ieħor mill-komunità nazzjonali Ungeriża jridu dejjem jiġu eletti fl-Assemblea Nazzjonali mill-membri ta’ dawk il-komunitajiet. L-Assemblea Nazzjonali tiġi eletta għal terminu ta’ erba’ snin.

Id-dikreti jinħarġu mill-Gvern (Vlada), filwaqt li r-regoli jinħarġu mill-ministri individwali tal-gvern. Skont l-Artikoli 110–119 tal-Kostituzzjoni, il-gvern huwa magħmul minn Prim Ministru (predsednik vlade) u ministri. Fl-ambitu tal-poteri tagħhom, il-gvern u l-ministri individwali huma indipendenti u soġġetti għall-Assemblea Nazzjonali, li tista’ tneħħihom mil-kariga (quddiem il-Qorti Kostituzzjonali), tivvota fuq il-kunfidenza fihom jew ittemm il-kariga tagħhom permezz ta’ interpellanza. Il-Prim Ministru huwa elett mill-Assemblea Nazzjonali, u sussegwentement hu/hi tipproponi l-ministri li jridu jinħatru (u jitkeċċew) mill-Assemblea Nazzjonali.

Il-Qorti Kostituzzjonali għandha rwol importanti ħafna fil-qafas istituzzjonali, peress li din tista’ tannulla liġijiet/atti, regolamenti ta' implimentazzjoni u ordinanzi lokali li tqis antikostituzzjonali. Din tagħti wkoll opinjonijiet dwar il-kostituzzjonalità ta’ trattati internazzjonali u tiddeċiedi dwar ilmenti kostituzzjonali individwali li jkunu saru minn ċittadini milquta, li jistgħu jitressqu wara li r-rimedji l-oħra jkunu ġew eżawriti.

L-ordinanzi lokali jiġu adottati mill-kunsilli lokali (občinski sveti, mestni sveti) li jiġu eletti direttament mir-residenti ta’ muniċipalità.

Proċess deċiżjonali

L-adozzjoni ta’ liġijiet/atti tista’ tiġi proposta lill-Assemblea Nazzjonali mill-gvern, minn deputati individwali tal-Assemblea Nazzjonali, mill-kamra superjuri tal-Parlament–, mill-Kunsill Nazzjonali (Državni svet), u minn ħamest elef votant. Skont ir-Regoli tal-Proċedura tagħha (Poslovnik Državnega zbora), il-proċedura normali fl-Assemblea Nazzjonali tikkonsisti fi tliet qari tal-liġi/att propost.

Barra minn hekk, fir-Regoli ta’ Proċedura hemm prevista wkoll proċedura mħaffa ta’ emerġenza. Skont l-Artikolu 86, l-Assemblea Nazzjonali tista’ tgħaddi deċiżjoni jekk ikun hemm preżenti maġġoranza ta’ deputati jew jekk il-liġi/att jiġi adottat minn maġġoranza ta’ voti mitfugħa minn dawk id-deputati preżenti, sakemm ma jkunx previst tip differenti ta’ maġġoranza. Il-Kunsill Nazzjonali jista’ juża l-veto għal liġi/att adottat, u l-Assemblea Nazzjonali tista’ twaqqa’ dak il-veto b’maġġoranza tad-deputati kollha.

Ir-referendum leġiżlattiv (Zakonodajni referendum) (kif previst fl-Artikolu 90 tal-Kostituzzjoni) huwa rregolat fl-Att dwar ir-Referendum u l-Inizjattiva Pubblika(Zakon o referendumu in o ljudski iniciativi) u jista’ jiġi istitwit mill-Assemblea Nazzjonali stess jew, wara li ssir talba mill-Kunsill Nazzjonali, minn terz tad-deputati jew erbgħin elf votant. Il-votanti għandhom l-opportunità li jikkonfermaw jew jiċħdu l-liġi/att adottat mill-Assemblea Nazzjonali qabel ma jiġi ppromulgat mill-President tar-Repubblika (Predsednik republike).

Il-President tar-Repubblika jrid jippromulga liġi/att adottat fi żmien tmint ijiem mill-adozzjoni tiegħu. Skont l-Artikolu 154 tal-Kostituzzjoni, in-normi legali kollha għandhom ikunu ppubblikati qabel ma jkunu jistgħu jidħlu fis-seħħ. Normi legali adottati minn istituzzjonijiet tal-Istat jiġu ppubblikati fil-Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika tas-Slovenja (Uradni list Republike Slovenije; UL RS), filwaqt li l-ordinanzi u r-regolamenti lokali l-oħra jiġu ppubblikati fil-gazzetti lokali.

L-emendi lill-Kostituzzjoni huma adottati permezz ta' proċedura speċjali stabbilita mill-Kostituzzjoni. Proposta għal emenda tal-Kostituzzjoni tista' ssir minn 20 deputat tal-Assemblea Nazzjonali, mill-Gvern jew minn tletin elf votant. Din il-proposta tiġi deċiża mill-Assemblea Nazzjonali permezz ta' vot ta' maġġoranza ta' żewġ terzi tad-deputati preżenti, iżda l-emenda tiġi adottata biss jekk tiġi approvata b'maġġoranza ta' voti ta' żewġ terzi tad-deputati kollha. L-Artikolu 87 tal-Kostituzzjoni jgħid illi d-drittijiet u l-obbligi taċ-ċittadini u persuni oħra jistgħu jiġu determinati mill-Assemblea Nazzjonali biss skont il-liġi.

Ir-regolamenti u deċiżjonijiet tal-UE maħruġa mill-istituzzjonijiet tal-UE huwa direttament applikabbli fir-Repubblika tas-Slovenja. Dawn m'għandhomx għalfejn jiġu rratifikati u ppubblikati fil-UL RS sabiex japplikaw.

It-trattati internazzjonali li r-Repubblika tas-Slovenja hija firmatarja għalihom jidħlu fis-seħħ ladarba jiġu rratifikati mill-Assemblea Nazzjonali permezz ta' proċedura speċifika. It-trattati internazzjonali huma rratifikati permezz tal-adozzjoni ta' liġi mressqa mill-gvern. Liġi dwar ir-ratifikazzjoni ta' trattat internazzjonali tiġi adottata jekk tgħaddi b'maġġoranza sempliċi tad-deputati preżenti, ħlief jekk diversament stabbilit mill-Kostituzzjoni jew il-liġi.

Bażijiet tad-dejta legali

Ir-Reġistru tar-Regolamenti tar-Repubblika tas-Slovenja (Register predpisov RS)

Il-bażi tad-dejta Reġistru tar-Regolamenti fih ħoloq għat-testi sħaħ tal-liġijiet li ġew adottati mill-25 ta' Ġunju 1991 u r-regolamenti ta' implimentazzjoni adottati mill-1995. L-aċċess għat-testi sħaħ tar-regolamenti ta' implimentazzjoni l-oħra jiddependi mill-ħin involut sabiex verżjoni elettronika titpoġġa fuq is-sit elettroniku UL RS.

Il-leġiżlazzjoni tal-Assemblea Nazzjonali (Zakonodaja državnega zbora)

Il-bażi tad-dejta tal- Leġiżlazzjoni tal-Assemblea Nazzjonali fiha t-testi tal-liġijiet/atti kollha u atti oħra li għadhom qed jiġu diskussi mill-Assembla Nazzjonali. Dawn jinkludu:

  • It-Testi konsolidati tal-liġijiet/atti (prečiščena besedila zakonov) – it-testi uffiċjalment konsolidati tal-liġijiet/atti adottati wara d-29 ta' Novembru2002 u ppubblikati fl-UL RS, u t-testi mhux uffiċjalment konsolidati sas-17 ta'Ġunju 2007;

  • Il-liġijiet/atti adottati (sprejeti zakoni) – liġijiet/atti adottati mill-Assemblea Nazzjonali u ppubbliakti fl-UL RS mill-indipendenza fil-25 ta' Ġunju 1991;
  • Atti adottati (sprejeti akti) – atti adottati mill-Assemblea Nazzjonali u ppubblikati fil-Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika tas-Slovenja mit-28 ta’ Novembru 1996 ’il hawn;
  • Abbozzi ta' liġijiet/atti (predlogi zakonov) – abbozzi ta' liġijiet/atti ppreżentati għad-diskussjoni matul it-terminu attwali tal-kariga tal-Assemblea Nazzjonali (il-bażi tad-dejta fiha wkoll l-abbozzi tal-liġijiet/atti li għadhom ma ġewx ippubblikati fl-UL RS);
  • Il-qari tal-liġijiet/atti (obravnave zakonov) (tmiem tal-proċedura) – arkivju tal-qari kollhu ta' liġijiet/atti ppreżentati għad-diskussjoni fl-Assemblea Nazzjonali wara t-28 ta' Novembru 1996;
  • Abbozzi ta' Atti (predlogi aktov) – abbozzi ta' atti ppreżentati għad-diskussjoni matul it-terminu attwali fil-kariga tal-Assemblea Nazzjonali (il-bażi tad-dejta fiha wkoll abbozzi ta' atti adottati li għadhom ma ġewx ippubblikati fl-UL RS);
  • Il-Qari tal-Atti (obravnave zakonov) (tmiem tal-proċedura) – arkivju tal-qari kollu ta' Att ippreżentat għad-diskussjoni fl-Assemblea Nazzjonali wara t-28 ta' Novembru 1996;
  • Abbozzi ta' Ordinanzi (predlogi odlokov) – abbozzi ta' ordinanzi ppreżentati għad-diskussjoni matul it-terminu attwali fil-kariga tal-Assemblea Nazzjonali (il-bażi tad-dejta fiha wkoll abbozzi ta' ordinanzi adottati li għadhom ma ġewx ippubblikati fl-UL RS);
  • Il-Qari tal-Ordinanzi (obravnave zakonov) (tmiem tal-proċedura) – arkivju tal-qari kollu ta' Ordinanza ppreżentata għad-diskussjoni fl-Assemblea Nazzjonali wara t-28 ta' Novembru 1996;

Sistema ta’ Informazzjoni Ġuridika(Pravno-informacijski sistem – PIS)

Is-Sistema ta' Informazzjoni ĠuridikaIr-Reġistru tar-regolamenti tar-Repubblika tas-Slovenja (Register predpisov Republike Slovenije) huwa marbut mal-ġabra ta' regolamenti ta' korpi oħra statali u l-UL RS.

Il-Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika tas-Slovenja (Uradni list Republike Slovenije; UL RS)

Ir-regolamenti nazzjonali kollha huma ppubblikati uffiċjalment fil-Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika tas-Slovenja. Id-dokumenti kollha jiġu ppubblikati onlajn.

Ħoloq relatati

Is-sistema ġuridika Slovena, il-leġiżlazzjoni tal-Assemblea Nazzjonali, Is-Sistema ta' Informazzjoni Ġuridika, Il-Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika tas-Slovenja (UL RS)

L-aħħar aġġornament: 02/11/2016

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Feedback

Uża l-formola li ġejja biex taqsam il-kummenti u l-feedback tiegħek fis-sit web ġdid tagħna