Leġiżlazzjoni nazzjonali

Slovenja

Din il-paġna tagħtik informazzjoni dwar l-ordinament ġuridiku fis-Slovenja.

Il-kontenut ipprovdut minn
Slovenja

Sorsi tal-liġi

Tipi ta’ strumenti legali – deskrizzjoni

In-normi legali astratti fl-ordinament ġuridikui tar-Repubblika tas-Slovenja huma adottati kemm fil-livell statali kif ukoll f’dak lokali. L-istrumenti legali fil-livell statali huma l-Kostituzzjoni (ustava), il-liġijiet/l-atti (zakoni) u r-regolamenti ta’ implimentazzjoni, li jaqgħu f’żewġ kategoriji ewlenin: id-digrieti (uredbe, xi drabi tradotti bħala regolamenti) u r-regoli (pravilniki).

Il-kunsilli lokali jadottaw prinċipalment l-ordinanzi (odloki).

L-ordinament ġuridiku fis-Slovenja ma tirrikonoxxix il-preċedenza ġudizzjarja bħala sors obbligatorju tal-liġi, li jfisser li l-qrati inferjuri (nižja sodišča) mhumiex formalment marbuta bid-deċiżjonijiet tal-qrati superjuri (višja sodišča). Madankollu, il-qrati inferjuri għandhom it-tendenza li josservaw u jsegwu l-ġurisprudenza tal-qrati superjuri u tal-Qorti Suprema (Vrhovno sodišče).

Il-Qorti Suprema, li tiltaqa’ f’sessjoni plenarja, tista’ tadotta opinjonijiet legali ta’ prinċipju (načelna pravna mnenja) dwar kwistjonijiet importanti għall-applikazzjoni uniformi tal-liġijiet/atti. Skont l-Att dwar il-Qrati (Zakon o sodiščih), dawn l-opinjonijiet legali ta’ prinċipju jorbtu biss lill-bordijiet tal-Qorti Suprema u jistgħu jinbidlu biss f’sessjoni plenarja ġdida. Madankollu, il-qrati inferjuri għandhom it-tendenza li josservaw l-opinjonijiet legali ta’ prinċipju, u l-Qorti Suprema, fil-ġurisprudenza tagħha, titlob li tingħata konsiderazzjoni xierqa lil parti li tikkwota opinjoni legali diġà adottata dwar il-kwistjoni kkonċernata.

Il-liġijiet/atti u regolamenti oħra jridu jikkonformaw mal-prinċipji ġeneralment aċċettati tad-dritt internazzjonali, u mat-trattati li jorbtu lis-Slovenja (kif stabbilit fl-Artikolu 8 tal-Kostituzzjoni). It-trattati internazzjonali ratifikati u ppubblikati jridu jiġu applikati direttament. Il-pożizzjoni tal-Qorti Kostituzzjonali tas-Slovenja (Ustavno sodišče) hija li t-trattati internazzjonali huma ogħla mid-dispożizzjonijiet statutorji fil-ġerarkija tal-atti legali. It-trattati internazzjonali ratifikati huma integrati fl-ordinament ġuridiku nazzjonali, u b’hekk joħolqu drittijiet u obbligi għall-persuni fiżiċi u ġuridiċi fil-pajjiż (bil-kundizzjoni li dawn ikunu direttament infurzabbli).

Is-sistema legali Slovena tappartjeni għall-familja legali kontinentali u hija sistema tad-dritt ċivili, li jfisser li d-dritt komuni, fiha nnifisha, mhijiex parti mill-ordinament ġuridiku. Madankollu, id-dritt komuni jgawdi xi rikonoxximent mil-liġi Slovena. Pereżempju, skont l-Artikolu 12 tal-Kodiċi tal-Obbligi (Obligacijski zakonik), li jirregola l-kuntratti bejn il-persuni fiżiċi u ġuridiċi, id-drawwiet, l-użanzi u l-prattiki kummerċjali stabbiliti bejn il-partijiet jiġu kkunsidrati fil-valutazzjoni tal-azzjoni meħtieġa u l-effetti tagħha fuq ir-relazzjonijiet obbligatorji tal-entitajiet kummerċjali.

Fl-eżerċizzju tal-kariga ġudizzjarja tiegħu, imħallef huwa marbut bil-Kostituzzjoni, bil-liġijiet/atti, bil-prinċipji ġenerali tad-dritt internazzjonali u bit-trattati internazzjonali ratifikati u ppubblikati. L-Att dwar il-Qrati jistipula li, jekk kwistjoni tad-dritt ċivili ma tkunx tista’ tiġi solvuta fuq il-bażi ta’ regolamenti validi, l-imħallef irid jikkunsidra r-regolamenti li japplikaw f’każijiet simili. Jekk, minkejja dan, is-soluzzjoni għall-kwistjoni tibqa’ legalment dubjuża, huwa jrid jieħu deċiżjoni bbażata fuq il-prinċipji ġenerali tal-ordni ġuridiku nazzjonali. F’dan ir-rigward, huwa għandu jaġixxi skont it-tradizzjoni legali u l-prinċipji stabbiliti tal-ġurisprudenza. L-imħallef irid dejjem jaġixxi daqslikieku jkollu quddiemu għadd indefinit ta’ każijiet tal-istess tip.

Ġerarkija tan-normi

In-normi legali kollha jridu jkunu konformi mal-Kostituzzjoni. Il-liġijiet/atti u regolamenti oħra jridu jikkonformaw mal-prinċipji ġeneralment aċċettati tad-dritt internazzjonali, u mat-trattati li jorbtu lis-Slovenja (kif stabbilit fl-Artikolu 8(1) tal-Kostituzzjoni). Ir-regolamenti ta’ implimentazzjoni u l-ordinanzi lokali jridu, barra minn hekk, ikunu konformi mal-liġijiet/atti.

L-atti ġenerali maħruġa għall-eżerċizzju tal-awtorità pubblika (splošni akti za izvrševanje javnih pooblastil) iridu jkunu konformi mal-Kostituzzjoni, mal-liġijiet/atti u mar-regolamenti ta’ implimentazzjoni.

L-atti individwali u l-azzjonijiet tal-awtoritajiet tal-Istat, tal-awtoritajiet tal-komunità lokali u ta’ dawk li għandhom awtorità pubblika jridu jkunu bbażati fuq liġi/att jew regolament statutorju adottat.

Rigward il-preminenza tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, il-Kostituzzjoni tipprovdi l-bażi biex l-ordinament ġuridiku Sloven jaċċetta l-preminenza tiegħu, billi ssostni li l-atti legali u d-deċiżjonijiet adottati fi ħdan organizzazzjonijiet internazzjonali li s-Slovenja ttrasferitilhom l-eżerċizzju ta’ parti mid-drittijiet sovrani tagħha (f’dan il-każ, l-Unjoni Ewropea), iridu jiġu applikati fis-Slovenja skont ir-regolamentazzjoni legali ta’ dawn l-organizzazzjonijiet.

Qafas istituzzjonali

Istituzzjonijiet responsabbli għall-adozzjoni tan-normi

Il-liġijiet/atti jiġu adottati mill-kamra inferjuri tal-parlament bikamerali Sloven, l-Assemblea Nazzjonali (Državni zbor). F’konformità mal-Artikoli 80 u 81 tal-Kostituzzjoni, l-Assemblea Nazzjonali hija magħmula minn 90 deputat li jirrappreżentaw iċ-ċittadini tas-Slovenja. Tmienja u tmenin deputat jiġu eletti permezz ta’ votazzjoni universali, ugwali, diretta u sigrieta. Deputat tal-komunità nazzjonali Taljana u deputat tal-komunità nazzjonali Ungeriża jridu dejjem jiġu eletti fl-Assemblea Nazzjonali mill-membri ta’ dawk il-komunitajiet. L-Assemblea Nazzjonali tiġi eletta għal mandat ta’ erba’ snin.

Id-digrieti jinħarġu mill-Gvern (Vlada), filwaqt li r-regoli jinħarġu minn Ministri individwali tal-Gvern. F’konformità mal-Artikoli 110–119 tal-Kostituzzjoni, il-Gvern huwa magħmul minn Prim Ministru (predsednik vlade) u ministri. Fl-ambitu tas-setgħat tagħhom, il-Gvern u l-Ministri individwali huma indipendenti u jwieġbu lill-Assemblea Nazzjonali, li tista’ tpoġġihom taħt akkuża (quddiem il-Qorti Kostituzzjonali), tgħaddi vot ta' sfiduċja jew tittermina l-kariga tagħhom permezz ta’ interpellanza. Il-Prim Ministru jiġi elett mill-Assemblea Nazzjonali, u wara jipproponi l-ministri li għandhom jinħatru (u jitneħħew) mill-Assemblea Nazzjonali.

Il-Qorti Kostituzzjonali għandha rwol kruċjali fil-qafas istituzzjonali, billi hija tista’ tannulla l-liġijiet/atti, ir-regolamenti ta’ implimentazzjoni u l-ordinanzi lokali li tikkunsidra bħala mhux kostituzzjonali. Hija toħroġ ukoll opinjonijiet dwar il-kostituzzjonalità tat-trattati internazzjonali u tiddeċiedi dwar ilmenti kostituzzjonali individwali ta’ ċittadini aggravati, li jistgħu jiġu ppreżentati wara li jkunu ġew eżawriti r-rimedji l-oħra kollha.

L-ordinanzi lokali jiġu adottati mill-kunsilli lokali (občinski sveti, mestni sveti), li huma eletti direttament mir-residenti ta’ muniċipalità.

Proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet

L-adozzjoni ta’ liġijiet/atti tista’ tiġi proposta lill-Assemblea Nazzjonali mill-Gvern, minn deputati individwali tal-Assemblea Nazzjonali, mill-kamra superjuri tal-Parlament – il-Kunsill Nazzjonali (Državni svet), u minn ħamest elef votant. Skont ir-Regoli ta’ Proċedura tagħha (Poslovnik Državnega zbora), il-proċedura regolari fl-Assemblea Nazzjonali tikkonsisti minn tliet qarjiet tal-liġi/att propost.

Barra minn hekk, ir-Regoli ta’ Proċedura jipprevedu proċedura ta’ emerġenza, imħaffa. Skont l-Artikolu 86, l-Assemblea Nazzjonali tista’ tgħaddi deċiżjoni jekk ikunu preżenti l-maġġoranza tad-deputati u jekk il-liġi/att jiġu adottati b’maġġoranza tal-voti mixħuta minn dawk id-deputati preżenti, sakemm ma jkunx stipulat tip differenti ta’ maġġoranza. Il-Kunsill Nazzjonali jista’ jagħmel veto għal liġi/att adottat, u l-Assemblea Nazzjonali tista’ tegħleb dak il-veto b’maġġoranza tad-deputati kollha.

Ir-referendum leġiżlattiv (Zakonodajni referendum) (kif definit fl-Artikolu 90 tal-Kostituzzjoni) huwa regolat fl-Att dwar ir-Referenda u l-Inizjattivi Pubbliċi (Zakon o referendumu in o ljudski iniciativi) u jista’ jiġi istitwit mill-Assemblea Nazzjonali nnifisha jew, wara talba mill-Kunsill Nazzjonali, terz tad-deputati jew erbgħin elf votant. Il-votanti għandhom l-opportunità li jikkonfermaw jew jirrifjutaw liġi/att adottat mill-Assemblea Nazzjonali qabel ma jiġu promulgati mill-President tar-Repubblika (Predsednik republike).

Il-President tar-Repubblika jrid jippromulga liġi/att adottat fi żmien tmint ijiem mill-adozzjoni tagħhom. Skont l-Artikolu 154 tal-Kostituzzjoni, in-normi kollha jridu jiġu ppubblikati qabel ma jkunu jistgħu jidħlu fis-seħħ. In-normi legali adottati mill-istituzzjonijiet tal-Istat jiġu ppubblikati fil-Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika tas-Slovenja (Uradni list Republike Slovenije; UL RS), filwaqt li l-ordinanzi u regolamenti lokali oħra jiġu ppubblikati fil-gazzetti lokali.

L-emendi għall-Kostituzzjoni jiġu adottati permezz ta’ proċedura speċjali stabbilita mill-Kostituzzjoni. Proposta biex tiġi emendata l-Kostituzzjoni tista’ ssir minn 20 deputat tal-Assemblea Nazzjonali, mill-Gvern jew minn 30,000 votant. Proposta bħal din tiġi deċiża mill-Assemblea Nazzjonali b’vot ta’ maġġoranza ta’ żewġ terzi tad-deputati preżenti, iżda emenda tista’ tiġi adottata biss jekk tiġi approvata b’vot ta’ maġġoranza ta’ żewġ terzi tad-deputati kollha. L-Artikolu 87 tal-Kostituzzjoni jgħid li d-drittijiet u d-dmirijiet taċ-ċittadini u persuni oħra jistgħu jiġu determinati mill-Assemblea Nazzjonali tar-Repubblika tas-Slovenja biss bil-liġi.

Ir-regolamenti u d-deċiżjonijiet tal-UE maħruġa mill-istituzzjonijiet tal-UE japplikaw direttament fir-Repubblika tas-Slovenja. Il-validità tagħhom ma teħtieġx ratifika u pubblikazzjoni fil-UL RS.

It-trattati internazzjonali li r-Repubblika tas-Slovenja tkun firmatarja tagħhom jidħlu fis-seħħ ladarba l-Assemblea Nazzjonali tkun irratifikathom permezz ta’ proċedura speċifika. It-trattati internazzjonali jiġu ratifikati bl-adozzjoni ta’ liġi mressqa mill-gvern. Liġi dwar ir-ratifika ta’ trattat internazzjonali tiġi adottata jekk tgħaddi b’maġġoranza sempliċi tad-deputati preżenti, ħlief fejn stipulat mod ieħor mill-Kostituzzjoni jew mil-liġi.

Bażijiet ta' data ġuridiċi

Sistema ta’ Informazzjoni Ġuridika (Pravno-informacijski sistem – PIS)

Is-Sistema ta’ Informazzjoni Ġuridika – Ir-reġistru tar-regolamenti tar-Repubblika tas-Slovenja (Register predpisov Republike Slovenije) huwa marbut mal-ġabra tar-regolamenti ta’ korpi statali oħra u l-UL RS.

Leġiżlazzjoni tal-Assemblea Nazzjonali (Zakonodaja državnega zbora)

Il-bażi ta' data tal-Leġiżlazzjoni tal-Assemblea Nazzjonali tinkludi t-testi tal-liġijiet/atti kollha u atti oħra li jkunu qed jiġu diskussi mill-Assemblea Nazzjonali. Dawn jinkludu:

  • Testi Konsolidati tal-liġijiet/atti (prečiščena besedila zakonov) – it-testi konsolidati b’mod uffiċjali tal-liġijiet/atti adottati wara d-29 ta’ Novembru 2002 u ppubblikati fil-UL RS, u t-testi konsolidati b’mod mhux uffiċjali mis-17 ta’ Ġunju 2007;
  • Liġijiet/atti adottati (sprejeti zakoni) – il-liġijiet/atti adottati mill-Assemblea Nazzjonali u ppubblikati fil-UL RS mill-indipendenza fil-25 ta’ Ġunju 1991;
  • Atti Adottati (sprejeti akti) – l-atti adottati mill-Assemblea Nazzjonali u ppubblikati fil-UL RS mit-28 ta’ Novembru 1996;
  • Abbozzi ta’ liġijiet/atti (predlogi zakonov) – l-abbozzi ta’ liġijiet/atti ppreżentati għad-diskussjoni fil-mandat attwali tal-Assemblea Nazzjonali (il-bażi ta' data tinkludi wkoll l-abbozzi ta’ liġijiet/atti adottati li għadhom ma ġewx ippubblikati fil-UL RS);
  • Qari tal-liġijiet/atti (obravnave zakonov) (tmiem tal-proċedura) – l-arkivju tal-qari kollu ta’ liġi/att sottomessi għad-diskussjoni fl-Assemblea Nazzjonali wara t-28 ta’ Novembru 1996;
  • Abbozzi ta’ Atti (predlogi aktov) – l-abbozzi ta’ atti ppreżentati għad-diskussjoni fil-mandat attwali tal-Assemblea Nazzjonali (il-bażi ta' data tinkludi wkoll l-abbozzi ta’ atti adottati li għadhom ma ġewx ippubblikati fil-UL RS);
  • Qari tal-Atti (obravnave aktov) (tmiem tal-proċedura) – l-arkivju tal-qari kollu ta’ Att ippreżentat għad-diskussjoni fl-Assemblea Nazzjonali wara t-28 ta’ Novembru 1996;
  • Abbozzi ta’ Ordinanzi (predlogi odlokov) – l-abbozzi ta’ ordinanzi ppreżentati għad-diskussjoni fil-mandat attwali tal-Assemblea Nazzjonali (il-bażi ta' data tinkludi wkoll l-abbozzi ta’ ordinanzi adottati li għadhom ma ġewx ippubblikati fil-UL RS);
  • Qari tal-Ordinanzi (obravnave odlokov) (tmiem tal-proċedura) – l-arkivju tal-qari kollu ta’ Ordinanza ppreżentata għad-diskussjoni fl-Assemblea Nazzjonali wara t-28 ta’ Novembru 1996;

Il-Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika tas-Slovenja (Uradni list Republike Slovenije; UL RS)

Ir-regolamenti nazzjonali kollha jiġu ppubblikati uffiċjalment fil-Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika tas-Slovenja. Id-dokumenti kollha jiġu ppubblikati online.

Ħoloq relatati

Leġiżlazzjoni tal-Assemblea Nazzjonali

Sistema ta’ Informazzjoni Ġuridika

Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika tas-Slovenja (UL RS)

L-aħħar aġġornament: 20/07/2020

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.