Fil-qasam tal-ġustizzja ċivili, il-proċeduri u l-proċedimenti pendenti mibdija fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni se jkomplu skont il-liġi tal-UE. Il-Portal tal-e-Ġustizzja, abbażi tal-ftehim reċiproku mar-Renju Unit, se jżomm l-informazzjoni rilevanti marbuta mar-Renju Unit sa tmiem l-2024.
Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna l-Ingliż ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Swipe to change

Leġiżlazzjoni nazzjonali

Skozja

Din il-paġna tipprovdik b’informazzjoni dwar il-liġijiet u l-bażijiet tad-dejta legali fir-Renju Unit, b’referenza partikolari għall-ġuriżdizzjoni tal-Iskozja.

Il-kontenut ipprovdut minn
Skozja
Ma hemm l-ebda traduzzjoni uffiċjali tal-verżjoni tal-lingwa li qed tara.
Hawnhekk tista' tara verżjoni tradotta awtomatikament ta' dan il-kontenut. Jekk jogħġbok innota li din hi pprovduta biss għal finijiet kuntestwali. Is-sid ta’ din il-paġna ma jaċċetta ebda responsabbiltà jew obbligazzjoni fir-rigward tal-kwalità ta’ dan it-test tradott b'mod awtomatiku.

Sorsi tal-liġi

Is-sorsi tal-liġi prinċipali fil-ġuriżdizzjoni tal-Iskozja fir-Renju Unit huma dawn:

  • Leġiżlazzjoni primarja fil-forma ta’ Atti tal-Parlament tar-Renju Unit u Atti tal-Parlament Skoċċiż
  • Il-liġi tal-Unjoni Ewropea
  • Leġiżlazzjoni sekondarja (jew subordinata) fil-forma ta’ Strumenti Statutorji u Strumenti Statutorji Skoċċiżi. Xi leġiżlazzjoni oħra subordinata tista’ ssir fil-forma ta’ Ordnijiet Amministrattivi
  • Id-dritt komuni kif żviluppat permezz ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji.

Tipi ta’ strumenti ġuridiċi – deskrizzjoni

Il-leġiżlazzjoni primarja jew Atti tal-Parlament, isiru mill-Parlament tar-Renju Unit f’Londra u jistgħu japplikaw għar-Renju Unit kollu, jew kwalunkwe parti minnu. Ir-Renju Unit approva wkoll id-devoluzzjoni tas-setgħat leġiżlattivi lill-Parlamenti u l-Assemblej devoluti, li jistgħu jgħaddu leġiżlazzjoni primarja bis-saħħa tagħha li tkopri firxa limitata ta’ suġġetti u li tapplika fil-ġuriżdizzjonijiet tagħhom stess. Leġiżlazzjoni primarja oħra tista’ ssir mis-Sovran taħt il-prerogattiva f’bosta forom, bħall-Ordnijiet fil-Kunsill, proklami, mandati rjali, struzzjonijiet irjali, regolamenti jew letters patent.

Il-leġiżlazzjoni sekondarja ssir taħt is-setgħat mogħtija minn jew taħt statut tal-Maestà Tagħha fil-Kunsill, Ministri, Dipartiment (Ministeri), il-Ministri Skoċċiżi, jew korp jew persuna oħra. Din tissejjaħ ukoll leġiżlazzjoni delegata jew sekondarja, u l-istatut li jagħti s-setgħa jissejjaħ Att li jawtorizza jew Att prinċipali. Il-leġiżlazzjoni sekondarja jista’ jkollha bosta titoli (bħal Ordnijiet fil-Kunsill, Regolamenti jew Regoli), u dawn kollha jistgħu jissejħu kollettivament "Strumenti Statutorji" jew "Strumenti Statutorji Skoċċiżi".

L-Att dwar l-Iskozja 1998 ħoloq u ddevolva setghat lill-Parlament Skoċċiż f’Edinburgu. Huwa radd lura lill-Iskozja (wara referendum) il-Parlament separat li kien intilef fiż-żmien tal-Unjoni mal-Ingilterra u Wales fl-1707. Madankollu, ladarba l-Iskozja għadha parti mir-Renju Unit, il-Parlament tar-Renju Unit għadu jista’ jgħaddi leġiżlazzjoni f’ċerti oqsma. Il-Parlament Skoċċiż jista’ jgħaddi leġiżlazzjoni primarja fl-oqsma devoluti lilu skont l-Att dwar l-Iskozja 1998 (u l-Att dwar l-Iskozja 2012). Dawn jinkludu: is-saħħa; l-edukazzjoni; il-gvern lokali; il-ħidma soċjali; id-djar; l-ippjanar; it-turiżmu u l-iżvilupp ekonomiku; xi aspetti tat-trasport; il-Ġustizzja, il-Libertà u s-Sigurtà, inklużi l-parti l-kbira tal-aspetti tad-dritt privat u d-dritt kriminali; is-servizzi tal-pulizija u tat-tifi tan-nar; ħafna aspetti tal-ambjent; il-biedja u s-sajd; l-isport u l-arti u l-implimentazzjoni ta’ obbligi internazzjonali f’oqsma devoluti. L-Att dwar l-Iskozja 2012 estenda s-setgħat devoluti f'oqsma bħal ċerti aspetti tat-tassazzjoni. L-Istrumenti Statutorji Skoċċiżi (SSIs) jistgħu wkoll isiru mill-Ministri Skoċċiżi taħt is-setgħat iddelegati mill-Atti tal-Parlament tar-Renju Unit jew Atti tal-Parlament Skoċċiż.

Is-setgħa li jiġu konklużi trattati internazzjonali f’isem ir-Renju Unit huwa vestit fil-Kuruna, i.e. is-Sovran taħt il-Prerogattiva Rjali, li jaġixxi fuq parir tal-gvern tar-Renju Unit. Il-Parlament tar-Renju Unit bħalissa ma għandu l-ebda rwol formali fil-konklużjoni ta’ trattati, iżda fejn trattat jeħtieġ tibdil fil-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit jew għotja ta’ flus pubbliċi, il-Parlament jivvota dwaru b'mod normali. It-trattati kollha tal-UE jeħtieġu leġiżlazzjoni biex jiġu implimentati fir-Renju Unit u ghalhekk huma suġġetti għall-iskrutinju parlamentari. Meta jidħol fis-seħħ l-Att dwar ir-Riforma Kostituzzjonali u l-Governanza 2010 trattat ma jkunx jista' jiġi rratifikat jekk (a) Ministru tal-Kuruna ma jkunx ressaq kopja tat-trattat quddiem il-Parlament, (b) it-trattat ma jkunx ġie ppubblikat u (c) ma jkun għadda perjodu ta' 21 ġurnata ta' seduti mingħajr ma l-ebda Kamra tal-Parlament tkun iddeċidiet li t-trattat ma jiġi rratifikat.

Ġerarkija ta' normi

Fejn hemm kunflitti bejn is-sorsi differenti tal-liġi, il-forum prinċipali biex dawn jiġu solvuti huwa l-qorti. Il-qrati jistgħu wkoll isolvu tilwim dwar l-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni. Madankollu, ladarba ma hemm ebda "kostituzzjoni miktuba" fir-Renju Unit mhuwiex possibbli li wieħed jikkontesta Att tal-Parlament fil-qorti fuq il-bażi li jkun "antikostituzzjonali". Id-duttrina kostituzzjonali tas-"sovranità parlamentari" tgħid li l-Parlament tar-Renju Unit huwa l-awtorità leġiżlattiva suprema, fis-sens li jista’ jagħmel u jħassar kwalunkwe liġi, u li l-ebda korp ieħor ma jista’ jħassar jew jikkontesta l-validità ta’ Att tal-Parlament.

Madankollu, id-duttrina tas-sovranità parlamentari hija kkwalifikata mill-isħubija tar-Renju Unit fl-Unjoni Ewropea. Bis-saħħa tal-Att dwar il-Komunitajiet Ewropej 1972, il-Liġi tal-Unjoni Ewropea tagħmel parti mil-liġi tal-Ingilterra u Wales (u l-Iskozja u l-Irlanda ta' Fuq). Il-leġiżlazzjoni domestika trid tiġi interpretata b'tali mod li tkun konformi mal-liġi tal-UE kull fejn huwa possibbli.

L-Att dwar id-Drittijiet tal-Bniedem1998, li inkorpora l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fil-liġi tar-Renju Unit, jagħti lill-qrati setgħa oħra biex jikkontestaw Atti tal-Parlament. Sa fejn huwa possibbli, il-leġiżlazzjoni domestika trid tiġi interpretata b’mod li tkun kompatibbli mad-drittijiet tal-Konvenzjoni.

Id-deċiżjonijiet tal-qrati, u b’mod partikolari tal-qrati tal-appell, għandhom rwol importanti fl-iżvilupp tal-liġi. Mhux biss jipprovdu deċiżjonijiet awtorevoli dwar l-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni, iżda wkoll jiffurmaw il-bażi tad-dritt komuni, li hija derivata mid-deċiżjonijiet tal-qorti f’kawżi preċedenti (jew ġurisprudenza). B'mod ġenerali, dwar liema deċiżjonijiet jorbtu lil liema qrati oħrajn, il-prinċipju ġenerali huwa li qorti tkun marbuta minn deċiżjonijiet preċedenti meħuda minn qrati superjuri. Fir-rigward ta’ kwistjonijiet tal-Liġi tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja hija l-ogħla awtorità. Il-High Court of Justiciary hija l-qorti kriminali suprema fl-Iskozja, filwaqt li l-Law Lords fil-House of Lords aġixxew bħala l-Qorti Suprema għall-kwistjonijiet Ċivili fl-Iskozja. Madankollu, dawn ġew sostitwiti mill-Qorti Suprema, li bdiet fl-1 ta’ Ottubru 2009. Il-Law Lords saru l-ewwel Imħallfin tal-Qorti Suprema, u s-Senior Law Lord sar il-President.

Qafas istituzzjonali

Istituzzjonijiet responsabbli mill-adozzjoni tar-regoli ġuridiċi u l-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet

Il-leġiżlazzjoni primarja ssir mill-Parlament tar-Renju Unit f’Londra. Qabel ma proposta ta’ leġiżlazzjoni (magħrufa bħala Abbozz ta' liġi) tkun tista’ ssir Att tal-Parlament, trid tkun approvata miż-żewġ kmamar tal-Parlament: il-House of Commons u l-House of Lords. Dawn l-istadji li ġejjin iseħħu fiż-żewġ Kmamar:

  • L-ewwel qari (introduzzjoni formali tal-Abbozz ta' liġi mingħajr dibattitu)
  • It-tieni qari (dibattitu ġenerali)
  • L-istadju tal-kumitat (eżami dettaljat, id-dibattitu u l-emendi. Fil-House of Commons dan l-istadju normalment iseħħ f’Kumitat tal-Abbozzi Pubbliċi.)
  • Stadju tar-rapport (opportunità għal emendi ulterjuri)
  • It-tielet qari (l-aħħar opportunità għal dibattitu; il-House of Lords tista' temenda)

Meta Abbozz ta' liġi jkun għadda miż-żewġ Kmamar, jiġi rritornat lill-ewwel Kamra (fejn inbeda) għall-kunsiderazzjoni tal-emendi tat-tieni Kamra.

Iż-żewġ Kmamar iridu jaqblu dwar it-test finali. Jista’ jkun hemm bosta skambji bejn iż-żewġ Kmamar sakemm jintlaħaq ftehim dwar kull kelma fl-Abbozz. Ladarba dan iseħħ, l-Abbozz jista’ jiġi sottomess għall-Kunsens Irjali.

Fil-Parlament Skoċċiż, iseħħ proċess simili li jinvolvi introduzzjoni ta’ Abbozz ta' liġi, kunsiderazzjoni, dibattitu u votazzjoni, għalkemm hemm Kamra waħda biss fil-Parlament devolut. Hemm tliet stadji:

  • Stadju 1: Il-kumitat(i) Parlamentari xierqa jiġbru l-evidenza dwar l-Abbozz ta' liġi u jipproduċu rapport dwar il-prinċipji ġenerali tal-Abbozz ta' liġi. Imbagħad laqgħa tal-Parlament tikkunsidra r-rapport u tiddibatti jekk taqbilx dwar il-prinċipji ġenerali tal-Abbozz ta' liġi. Jekk il-Parlament jaqbel, l-Abbozz ta' liġi jgħaddi għal Stadju 2
  • Stadju 2: L-Abbozz jiġi kkunsidrat fid-dettall minn kumitat, jew kultant, minn Kumitat tal-Parlament Kollu. It-tibdiliet, magħrufa bħala emendi għall-Abbozz ta' liġi, jistgħu jsiru f’dan l-istadju.
  • Stadju 3: L-Abbozz ta' liġi jerġa’ jiġi kkunsidrat f’laqgħa tal-Parlament. Jistgħu jsiru aktar emendi f’dan l-istadju u mbagħad il-Parlament jiddibatti u jiddeċiedi jekk għandux jgħaddi l-Abbozz fil-forma finali tiegħu.

Meta Abbozz ikun għadda mill-istadji parlamentari kollha tiegħu fir-Renju Unit jew fil-Parlament Skoċċiż, jintbagħat lis-Sovran għall-Kunsens Irjali, u wara dan isir Att. Fl-Iskozja, hemm żmien ta’ erba’ ġimgħat li matulhom l-Uffiċjali tal-Liġi jistgħu jikkontestaw l-abbozz ta' liġi jekk jemmnu li dan jaqa’ barra mis-setgħat tal-promulgazzjoni tal-liġi tal-Parlament Skoċċiż.

Il-leġiżlazzjoni primarja ġeneralment tista’ tiġi emendata jew imħassra biss minn leġiżlazzjoni primarja ġdida. Madankollu hemm xi eċċezzjonijiet li bihom jistgħu jsiru xi emendi u xi tħassir permezz ta’ Strument Statutorju – fejn jinvolvu l-implimentazzjoni tal-obbligi tal-UE jew xi riforma leġiżlattiva li tnaqqas jew telimina l-oneri regolatorji. Mandankollu dawn l-Ordnijiet għandhom jiġu approvati permezz ta’ riżoluzzjoni affermattiva taż-Żewġ Kmamar tal-Parlament qabel ma jkunu jistgħu jsiru.

Il-leġiżlazzjoni primarja tidħol fis-seħħ skont id-dispożizzjonijiet tal-bidu li jkunu inklużi fl-Att. L-Att jista’ jispeċifika data partikolari għad-dħul fis-seħħ. Dan jista’ jkun immedjatament malli jinkiseb il-Kunsens Irjali, jew f’data speċifikata (normalment għall-inqas xahrejn wara l-Kunsens Irjali) jew f’data li jispeċifika Ministru jew Dipartiment billi jagħmel Ordni tal-Bidu (Strument Statutorju). Jistgħu jiġu speċifikati dati differenti għal dispożizzjonijiet differenti fl-Att.

Id-data tad-dħul fis-seħħ għal kwalunkwe leġiżlazzjoni sekondarja normalment tkun speċifikata fl-istrument stess. Eċċezzjonalment, id-data tal-bidu tista’ tkun stabbilita b’pubblikazzjoni ta’ avviż fil-gazzetti uffiċjali (il-Gazzetta ta’ Londra jew ta’ Edinburgu).

Bażijiet ta' dejta ġuridiċi

Hemm bosta bażijiet ta' dejta ġuridiċi disponibbli.

  • Is-sit tal-Uffiċċju tal-Informazzjoni dwar is-Settur Pubbliku (OPSI) jipprovdi t-test sħiħ tal-leġiżlazzjoni primarja kollha kif promulgata mill-Parlament tar-Renju Unit, il-Parlament Skoċċiż, l-Assemblea tal-Irlanda ta’ Fuq u l-Assemblea Nazzjonali għal Wales, flimkien mal-leġiżlazzjoni sekondarja kollha li tapplika għar-Renju Unit kollu jew partijiet mir-Renju Unit. L-aċċess għall-informazzjoni huwa mingħajr ħlas.
  • Il-leġiżlazzjoni primarja riveduta li tkopri l-partijiet kollha tar-Renju Unit mill-1235 sal-lum tinsab fil-Bażi tad-Dejta tal-Liġi tal-Istatuti tar-Renju Unit. L-aċċess għall-bażi tad-dejta huwa mingħajr ħlas.

Għalkemm il-leġiżlazzjoni Skoċċiża kollha hija disponibbli fis-sit tal-OPSI, il-leġiżlazzjoni primarja u sekondarja Skoċċiża kollha ppromulgata u magħmula mid-devoluzzjoni fl-1999 'il quddiem hija wkoll disponibbli fis-sit tal-Uffiċċju tal-Istampatur tar-Reġina għall-Iskozja. L-aċċess għal-leġiżlazzjoni huwa mingħajr ħlas.

Legislation.gov.uk, li tinkorpora kemm is-sit tal-OPSI u kemm dak tal-Bażi tad-Dejta tal-Liġi tal-Istatuti u li wkoll tissostitwixxi l-leġiżlazzjoni ppubblikata mill-Uffiċċju tal-Istampatur tar-Reġina għall-Iskozja, hija l-paġna uffiċjali tal-leġiżlazzjoni kollha tar-Renju Unit

Ħoloq relatati

L-Uffiċċju tal-Informazzjoni dwar is-Settur Pubbliku (OPSI), Bażi tad-Dejta tal-Liġi tal-Istatuti, legislation.gov.uk, l-Uffiċċju tal-Istampatur tar-Reġina għall-Iskozja

L-aħħar aġġornament: 04/05/2020

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.