Sorsi tal-liġi
Is-sorsi tal-liġi Rumena huma:
- Il-Kostituzzjoni Rumena;
- Il-liġijiet adottati mill-Parlament (liġijiet kostituzzjonali, liġijiet organiċi u liġijiet ordinarji);
- Dekreti tal-President Rumen;
- Atti leġiżlattivi tal-Gvern (ordnijiet, ordnijiet ta' emerġenza, deċiżjonijiet);
- L-atti maħruġa mill-amministrazzjoni tal-gvern ċentrali (ordnijiet, struzzjonijiet u regolamenti ministerjali);
- L-atti maħruġa mill-amministrazzjoni tal-gvernijiet lokali (il-Kunsilli tal-Kontea, il-Kunsilli Lokali, il-Kunsill Ġenerali ta' Bukarest);
- Il-leġiżlazzjoni tal-UE (regolamenti, direttivi);
- Trattati internazzjonali li għalihom ir-Rumanija hija parti kontraenti.
Tipi ta' strumenti legali – deskrizzjoni
Il-qafas legali Rumen jinkludi l-istrumenti legali li ġejjin:
- Il-Kostituzzjoni hija l-liġi suprema tar-Rumanija. Hija tirregola l-istruttura tar-Rumanija bħala Stat nazzjonali, unitarju u indiviżibbli, ir-relazzjonijiet bejn l-entitajiet leġiżlattivi, governattivi u ġudizzjarji u bejn l-entitajiet tal-Istat, iċ-ċittadini u l-persuni ġuridiċi.
- Il-liġijiet kostituzzjonali joħorġu mill-poter kostitwent - jiġifieri mill-assemblea kostitwenti eletta u msejħa għal dak l-għan.
- Il-liġijiet organiċi jirregolaw oqsma ta' importanza kbira għall-Istat, bħall-fruntieri tal-Istat, iċ-ċittadinanza Rumena, l-emblema tal-istat u s-siġill tal-istat, id-dispożizzjonijiet ġuridiċi għall-proprjetà u l-wirt, l-organizzazzjoni u ż-żamma ta' referenda, reati kriminali, sentenzi u r-regoli dwar kif wieħed jiskonta l-piena, l-organizzazzjoni u t-tħaddim tal-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura, tal-qrati, tas-Servizz ta' Prosekuzzjoni Pubblika u l-Qorti tal-Awditjar, id-drittijiet tal-individwi li soffrew ħsara minn awtorità pubblika, id-difiża nazzjonali, l-organizzazzjoni tal-korpi governattivi, il-partiti politiċi.
- Il-liġijiet ordinarji jirregolaw l-oqsma l-oħra kollha li mhumiex koperti mil-liġijiet organiċi. Liġi ordinarja ma tistax temenda jew timmodifika norma superjuri, bħal liġi organika jew il-Kostituzzjoni.
- F'każijiet speċjali (waqfiet tal-Parlament) ċerti oqsma, kif stabbiliti mill-Parlament, jistgħu, fuq il-bażi ta' delega leġiżlattiva, jiġu regolati minn ordnijiet tal-Gvern. Dawn l-ordnijiet jinħarġu fuq il-bażi ta' att speċjali li jagħti din is-setgħa, fil-limitu u bil-kundizzjonijiet stabbiliti minn dak l-att. F’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza, il-Gvern jista’ joħorġ ordnijiet ta’ emerġenza fi kwalunkwe qasam, jekk ikun meħtieġ.
- Id-deċiżjonijiet tal-Gvern jiddeterminaw kif il-liġijiet għandhom jiġu implimentati b'mod effettiv kif ukoll diversi aspetti organizzazzjonali oħra tal-implimentazzjoni tagħhom.
- Atti leġiżlattivi maħruġa mill-amministrazzjoni tal-gvern ċentrali (ordnijiet u struzzjonijiet) jinħarġu biss fuq il-bażi ta' u sabiex jimplimentaw liġijiet, deċiżjonijiet u ordnijiet tal-Gvern.
- atti ta' awtoritajiet amministrattivi awtonomi
- atti leġiżlattivi maħruġa mill-amministrazzjoni tal-gvern lokali (il-Kunsilli tal-Kontea, il-Kunsilli Lokali, il-Kunsill Ġenerali ta' Bukarest) jirregolaw oqsma li jaqgħu fil-kompetenza tal-awtoritajiet tal-gvern lokali.
Sorsi tal-liġi oħrajn
- Il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Qrati tal-UE.
- Filwaqt li l-ġurisprudenza nazzjonali mhix sors tal-liġi, id-deċiżjonijiet tal-Qorti Superjuri tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja, sabiex jiżġuraw l-interpretazzjoni uniformi ta' ċerti dispożizzjonijiet tal-liġi, mingħajr dubju jirrappreżentaw sorsi sekondarji tal-liġi. Barra minn hekk, id-deċiżjonijiet tal-Qorti Kostituzzjonali li jipproduċu effetti erga omnes u mhux inter partes litigantes jistgħu jtiqiesu bħala sorsi sekondarji tal-liġi.
- Skont l-Artikolu 1 tal-Liġi Nru 287/2009 dwar il-Kodiċi Ċivili, is-sorsi tal-liġi ċivili jistgħu jkunu l-liġi, prattiċi u prinċipji ġenerali tal-liġi. Bi "prattiċi" wieħed jifhem prattiċi tradizzjonali (użanzi) u professjonali.
- Id-dispożizzjonijet imsemmija hawn qabel jistabbilixxu r-regoli li ġejjin għall-applikazzjoni ta' prattiċi bħala sors tal-liġi:
-
- prattiċi japplikaw għall-każijiet mhux stabbiliti fil-liġi. Fejn ma jeżistux prattiċi, japplikaw id-dispożizzjonijiet ġuridiċi f'sitwazzjonijiet simili, u fejn lanqas dawn id-dispożizzjonijiet ma jeżistu, japplikaw il-prinċipji ġenerali tal-liġi.
- f'materji regolati bil-liġi, il-prattiċi japplikaw biss fejn il-liġi tirreferi ċarament għalihom.
- jiġu rikonoxxuti bħala sorsi tal-liġi biss dawk il-prattiċi li huma konformi mal-politika pubblika u l-prinċipji aċċettati tal-morali.
- il-parti interessata trid tipprova l-eżistenza ta' dawn il-prattiċi u l-kontenut tagħhom. Il-prattiċi ppubblikati f'kollezzjonijiet imħejjija mill-korpi jew l-organizzazzjonijiet awtorizzati f'dak il-qasam huma preżunti li jeżistu sakemm mhux pruvat xort'oħra.
Ġerarkija ta' normi
Il-ġerarkija tan-normi Rumena hija kif ġej:
- Il-Kostituzzjoni Rumena u l-liġijiet kostituzzjonali qegħdin fil-quċċata tal-ġerarkija tan-normi. Il-biċċiet tal-leġiżlazzjoni u n-normi l-oħra kollha jridu jkunu konformi magħhom.
- Il-liġijiet organiċi jinsabu fit-tieni post tal-ġerarkija ġuridika. Il-Parlament jadotta liġijiet organiċi b’maġġoranza kwalifikata.
- Il-liġijiet ordinarji jikkostitwixxu t-tielet kategorija tan-normi ġuridiċi. Il-Parlament jadotta liġijiet ordinarji b’maġġoranza sempliċi. Liġi ordinarja ma tistax temenda jew timmodifika liġijiet organiċi jew il-Kostituzzjoni.
- L-ordnijiet tal-gvern huma r-raba’ kategorija ta’ normi.
- Id-deċiżjonijiet tal-gvern huma l-ħames kategorija ta' normi fil-ġerarkija ġuridika;
- L-atti leġiżlattivi maħruġa mill-amministrazzjoni tal-gvern ċentrali u mill-awtoritajiet amministrattivi awtonomi huma s-sitt kategorija ta' normi fil-ġerarkija ġuridika.
- L-atti leġiżlattivi maħruġa mill-amministrazzjoni tal-gvern lokali (il-Kunsilli tal-Kontea, il-Kunsilli Lokali, il-Kunsill Ġenerali ta' Bukarest) jokkupaw l-aktar pożizzjoni baxxa fil-ġerarkija tan-normi.
Qafas istituzzjonali
Istituzzjonijiet responsabbli għall-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni
Skont il-Kostituzzjoni, l-Istat huwa bbażat fuq il-prinċipji ta' demokrazija kostituzzjonali tas-separazzjoni tal-poteri(leġiżlatura, eżekuttiv u ġudikatura) u fuq il-prinċipji tal-bilanċ tal-poter u tal-kontrolli u l-bilanċi.
Il-poter huwa maqsum ukoll bejn u eżerċitat mill-Parlament, mill-Gvern u mill-awtoritajiet Ġudizzjarji. Il-Qorti Kostituzzjonali, l-Ombudsman Rumen, il-Qorti tal-Awditjar u l-Kunsill Leġiżlattiv jiggarantixxu wkoll il-bilanċ tal-poter bejn l-awtoritajiet pubbliċi u ċ-ċittadini.
Il-Parlament huwa l-organu rappreżentattiv suprem taċ-ċittadini u l-unika awtorità leġiżlattiva tal-pajjiż. Huwa ffurmat mill-Kamra tad-Deputati u s-Senat. Fil-prinċipju, is-setgħa leġiżlattiva hija esklussivament tal-Parlament, iżda f'ċerti każijiet, din tinqasam mal-eżekuttiv (il-Gvern) u l-elettorat (iċ-ċittadini).
Il-Gvern jista' joħroġ ordnijiet, fuq il-bażi ta' liġi speċifika li tagħti s-setgħa, adottata mill-Parlament. F’ċirkustanzi ta’ emerġenza eċċezzjonali li jkunu jridu jiġu indirizzati b’mod urġenti, il-gvern jista’ anki joħroġ ordnijiet ta’ emerġenza.
Il-proċess leġiżlattiv
Il-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet leġiżlattiv huwa magħmul minn tliet fażijiet:
1. Il-fażi governattiva jew l-istadju qabel il-Parlament jirreferi għal:
- it-tfassil u l-adozzjoni mill-gvern tal-abbozz tal-att leġiżlattiv;
- il-preżentazzjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv għad-diskussjoni pubblika, bil-kundizzjonijiet stabbiliti mil-liġi;
- l-approvazzjoni mill-Kunsill Leġiżlattiv, interministerjali u mill-istituzzjonijiet l-oħra;
- l-adozzjoni mill-gvern tal-abbozz tal-att leġiżlattiv.
2. Il-fażi parlamentari tirreferi għal:
- it-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lil waħda mill-Kmamar tal-Parlament (il-Kamra tad-Deputati jew tas-Senat bħala l-ewwel kamra), skont il-kompetenzi stabbiliti mill-Kostituzzjoni Rumena;
- id-diskussjoni u l-adozzjoni tar-rapport/opinjoni dwar l-abbozz tal-att leġiżlattiv fil-kumitati permanenti parlamentari (f'ċerti okkażjonijiet jistgħu jiġu mwaqqfa kumitati speċjali);
- fis-sessjoni plenarja, l-Ewwel Kamra tieħu deċiżjoni fuq l-abbozzi tal-atti leġiżlattivi u l-proposti leġiżlattivi mressqa quddiemha. L-ewwel Kamra għandha 45 jum biex tiddeċiedi fuq abbozzi ta' atti leġiżlattivi u proposti leġiżlattivi, li jibdew jgħoddu mid-data meta ġew ippreżentati quddiem l-Uffiċċju Permanenti tal-Parlament.
- Fil-każ ta' kodiċijiet jew liġijiet oħra partikolarment kumplessi, l-iskadenza hija 60 ġurnata mid-data meta ġew ippreżentati quddiem l-Uffiċċju Permanenti.
- Għall-ordnijiet ta' emergenza tal-Gvern, l-iskadenza hija 30 ġurnata.
- F'każ li tgħaddi l-iskadenza, l-abbozz tal-att leġiżlattiv jew il-proposta leġiżlattiva jitqiesu adottati u jiġu mressqa quddiem il-Kamra tad-Deputati, li tieħu d-deċiżjoni finali.
Issir imbagħad il-votazzjoni fuq l-abbozzi tal-atti leġiżlattivi/proposti leġiżlattivi (ammessi jew miċħuda) u mressqa quddiem il-Kamra tad-Deċiżjonijiet (il-Kamra tad-Deputati jew is-Senat), li jaddottaw il-verżjoni finali tal-att leġiżlattiv.
3. Il-fażi post-parlamentari tirreferi għal:
- il-kontroll tal-kostituzzjonalità tal-liġi (kontroll a priori) (il-Qorti Kostituzzjonali tikkonferma li l-liġi hija kompatibbli mal-Kostituzzjoni). Dan il-kontroll jista' jintalab mill- President Rumen, mill-President ta' waħda mill-Kmamar, mill-Gvern, mill-Qorti Superjuri tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja, mill-Ombudsman Rumen, jew minn għall-inqas 50 deputat jew għall-inqas 25 senatur. Dan il-kontroll jista' jsir ukoll ex officio.
- Fl-aħħar nett il-liġi tiġi ppromulgata mill-President fi żmien 20 ġurnata mid-data tal-wasla tagħha. Jekk il-President jitlob li l-liġi tiġi eżaminata mill-ġdid (din it-talba tista' ssib darba biss) jew li tiġi eżaminata l-kostituzzjonalità tagħha, il-liġi għandha tiġi ppromulgata fi żmien għaxart ijiem minn meta jirċeviha wara li ġiet eżaminata mill-ġdid jew wara li tirċievi l-konferma tal-konformità tagħha mal-Kostituzzjoni mill-Qorti Kostituzzjonali.
- Il-liġi tidħol fis-seħħ fi żmien tlett ijiem mill-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali Rumen, Parti I, jew f’data sussegwenti msemmija fil-liġi.
Bażijiet tad-dejta legali
Il- bażi tad-dejta ġuridika Rumena, imfassla, amministrata u aġġornata mill-Kunsill Leġiżlattiv tagħti aċċess pubbliku mingħajr ħlas għal-leġiżlazzjoni Rumena.
Din hija l-verżjoni onlajn tar- Repertoriul legislației României® [Direttorju Leġiżlattiv Rumen] – l-arkivju uffiċjali tal-leġiżlazzjoni Rumena, li tagħti informazzjoni preċiża u korretta dwar l-istat ġuridiku ta' kull liġi f'perjodi differenti.
Il-bażi tad-dejta tkopri l-perjodu mill-1864 sal-ġurnata tal-lum.
Id-dejta tista' tiġi aċċessata permezz tal-kriterji għat-tiftix li ġejjin:
- Il-kategorija/it-tip ta’ att leġiżlattiv;
- In-numru;
- Is-sena (il-perjodu) tal-ħruġ;
- Il-perjodu tal-pubblikazzjoni;
- Il-pubblikazzjoni uffiċjali (it-tip, numru, is-sena);
- il-kliem ewlieni fit-titolu;
- L-istat tal-att (fis-seħħ, abrogat);
- Kriterji oħra (leġiżlattiv, individwali/ppubblikat, mhux ippubblikat).
L-intranet tal-Kunsill Leġiżlattiv fih bażi tad-dejta aġġornata b'informazzjoni ġuridika dettaljata meħtieġa għall-attività speċifika tal-adozzjoni ta' abbozzi ta' atti leġiżlattivi jew għall-għoti ta' informazzjoni utli fil-proċess leġiżlattiv.
Bażi tad-dejta oħra ġuridika (għalkemm organizzata mod ieħor) tista' tiġi aċċessata mis-sit elettroniku tal-Kamra tad-Deputati (waħda mill-kmamar tal-Parlament). Ir-riċerki jistgħu jsiru permezz ta':
- It-tip ta’ att leġiżlattiv;
- In-numru;
- Id-data:
- L-awtorità pubblika li ħarġet l-att leġiżlattiv;
- Id-data tal-pubblikazzjoni u l-kliem ewlieni (kemm fit-titolu kif ukoll fit-test prinċipali tal-att).
L-aċċess għall-bażi tad-dejta huwa mingħajr ħlas?
Iva, l-aċċess għall-bażi tad-dejta huwa mingħajr ħlas.