Fil-qasam tal-ġustizzja ċivili, il-proċeduri u l-proċedimenti pendenti mibdija fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni se jkomplu skont il-liġi tal-UE. Il-Portal tal-e-Ġustizzja, abbażi tal-ftehim reċiproku mar-Renju Unit, se jżomm l-informazzjoni rilevanti marbuta mar-Renju Unit sa tmiem l-2024.
Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna l-Ingliż ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Swipe to change

Leġiżlazzjoni nazzjonali

L-Irlanda ta’ fuq

Din il-paġna tipprovdik b’informazzjoni dwar il-liġijiet u l-bażijiet tad-dejta legali fir-Renju Unit, b’referenza partikolari għall-ġuriżdizzjoni tal-Irlanda ta’ Fuq.

Il-kontenut ipprovdut minn
L-Irlanda ta’ fuq
Ma hemm l-ebda traduzzjoni uffiċjali tal-verżjoni tal-lingwa li qed tara.
Hawnhekk tista' tara verżjoni tradotta awtomatikament ta' dan il-kontenut. Jekk jogħġbok innota li din hi pprovduta biss għal finijiet kuntestwali. Is-sid ta’ din il-paġna ma jaċċetta ebda responsabbiltà jew obbligazzjoni fir-rigward tal-kwalità ta’ dan it-test tradott b'mod awtomatiku.

Sorsi tal-liġi

Is-sorsi tal-liġi prinċipali fil-ġuriżdizzjoni tal-Irlanda ta’ Fuq tar-Renju Unit huma dawn:

  • Leġiżlazzjoni primarja fil-forma ta’ Atti tal-Parlament tar-Renju Unit u Atti tal-Assemblea tal-Irlanda ta’ Fuq. Xi leġiżlazzjoni primarja relatata mal-Irlanda ta’ Fuq issir ukoll mis-Sovran fil-Kunsill bħala Ordnijiet fil-Kunsill (strumenti statutorji)
  • Il-liġi tal-Unjoni Ewropea
  • Leġiżlazzjoni Sekondarja (jew subordinata) fil-forma ta’ strumenti statutorji u regoli statutorji tal-Irlanda ta’ Fuq. Xi leġiżlazzjoni oħra subordinata tista’ ssir bħala ordnijiet amministrattivi.
  • Il- common law kif żviluppata permezz ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji.

Tipi ta’ strumenti legali – deskrizzjoni

Il-leġiżlazzjoni primarja jew l- Atti tal-Parlament, isiru mill-Parlament tar-Renju Unit f’Londra u jistgħu japplikaw għar-Renju Unit kollu, jew kwalunkwe parti minnu. Ir-Renju Unit approva wkoll id-devoluzzjoni tas-setgħat leġiżlattivi lill-parlamenti u l-assemblej devoluti, li jistgħu jgħaddu leġiżlazzjoni primarja li tkopri firxa limitata ta’ suġġetti u li tapplika fil-ġuriżdizzjonijiet tagħhom stess. Leġiżlazzjoni primarja oħra tista’ ssir mis-Sovran taħt il-prerogattiva f’bosta forom, bħall-Ordnijiet fil-Kunsill, proklami, warrants irjali, struzzjonijiet irjali, regolamenti jew letters patent.

Il-leġiżlazzjoni sekondarja ssir taħt is-setgħat mogħtija minn jew taħt statut tal-Maestà Tagħha fil-Kunsill jew Ministru, dipartiment (Ministeru), l-eżekuttiv tal-Irlanda ta’ Fuq, jew kwalunkwe korp jew persuna oħra. Din tissejjaħ ukoll leġiżlazzjoni delegata jew sekondarja, u l-istatut li jagħti s-setgħa jissejjaħ l-Att li jagħti l-awtorizzazzjoni, jew l-Att prinċipali. Il-leġiżlazzjoni sekondarja jista’ jkollha bosta titoli, bħal Ordnijiet fil-Kunsill, regolamenti jew regoli, u dawn kollha jistgħu jissejħu flimkien bħala "strumenti statutorji" jew "regoli statutorji".

Fl-Irlanda ta’ Fuq, il-leġiżlazzjoni tinkludi Atti jew statuti li jistgħu jkunu Atti tal-Parlament tar-Renju Unit, tal-Parlament tal-Irlanda ta’ Fuq (1921-1972) jew tal-Assemblea tal-Irlanda ta’ Fuq f’Belfast. F’diversi żminijiet, il-gvernijiet devoluti fl-Irlanda ta’ Fuq ġew sospiżi u ħafna leġiżlazzjoni kienet tinsab ġewwa "Ordnijiet tal-Kunsill", li teknikament huma leġiżlazzjoni sekondarja iżda jintużaw bħala leġiżlazzjoni primarja. Il-leġiżlazzjoni fl-Irlanda ta’ Fuq tinkludi wkoll regoli statutorji – leġiżlazzjoni sekondarja jew subordinata – magħmula taħt l-awtorità ta’ Att tal-Parlament tar-Renju Unit, Ordni fil-Kunsill jew Att tal-Assemblea tal-Irlanda ta’ Fuq.

Is-setgħa li jiġu konklużi trattati internazzjonali f’isem ir-Renju Unit huwa vestit fil-Kuruna, jiġifieri is-Sovran taħt il-Prerogativa Rjali, li jaġixxi fuq parir tal-gvern tar-Renju Unit. Il-Parlament tar-Renju Unit ma għandu ebda rwol formali fil-konklużjoni ta’ trattati, iżda fejn trattat jeħtieġ tibdil fil-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit jew għotja ta’ flus pubbliċi, il-Parlament jivvota dwaru bil-mod normali. It-trattati kollha tal-UE jeħtieġu leġiżlazzjoni biex jiġu implimentati fir-Renju Unit u għalhekk huma soġġetti għall-iskrutinju parlamentari.  L-Artikoli 20-25 tal-Att dwar ir-Riforma Kostituzzjonali u l-Governanza tal-2010 daħħlu fis-seħħ fil-11 ta' Novembru 2010 u jeħtieġu trattat- ma jistax jiġi rratifikat jekk (a) Ministru tal-Kuruna ma jkunx ressaq kopja tat-trattat quddiem il-Parlament, (b) it-trattat ikun ġie ppubblikat u (c) ikun skada perjodu ta' 21 ġurnata mingħajr l-ebda Kamra tal-Parlament ma tkun iddeċidiet li tirratifika t-trattat.

Ġerarkija ta' normi

Fejn hemm kunflitti bejn is-sorsi differenti tal-liġi, il-forum prinċipali biex dawn jiġu riżolti huwa l-qorti. Għalhekk il-qrati jistgħu jirriżolvu tilwim dwar l-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni. Madankollu, ladarba ma hemm ebda "kostituzzjoni bil-miktub" fir-Renju Unit mhuwiex possibbli li wieħed jikkontesta Att tal-Parlament fil-qorti fuq il-bażi li hu "antikostituzzjonali". Id-duttrina kostituzzjonali tas-"sovranità parlamentari" tgħid li l-Parlament tar-Renju Unit huwa l-awtorità leġiżlattiva suprema fis-sens li jista’ jagħmel u jħassar kwalunkwe liġi, u li l-ebda korp ieħor ma jista’ jħassar jew jiddubita mil-validità ta’ Att tal-Parlament.

Madankollu, id-duttrina kostituzzjonali tas-sovranità parlamentari hija kkwalifikata mill-isħubjia tar-Renju Unit fl-Unjoni Ewropea. Bis-saħħa tal-Att dwar il-Komunitajiet Ewropej 1972, il-liġi tal-Unjoni Ewropea tifforma parti mil-liġi tal-Irlanda ta’ Fuq. Il-leġiżlazzjoni domestika għandha tiġi interpretata sabiex tħares il-liġi tal-UE kull fejn huwa possibbli.

L-Att dwar id-Drittijiet tal-Bniedem 1998, li jinkorpora l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fil-liġi tar-Renju Unit, jagħti lill-qrati setgħa oħra biex jixħtu dubju fuq l-Atti tal-Parlament. Sa fejn huwa possibbli, il-leġiżlazzjoni domestika għandha tiġi interpretata sabiex tkun kompatibbli mad-drittijiet tal-Konvenzjoni.

Id-deċiżjonijiet tal-qrati, u b’mod partikolari tal-qrati tal-appell, għandhom rwol importanti fl-iżvilupp tal-liġi. Mhux biss jipprovdu deċiżjonijiet awtorevoli dwar l-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni, iżda jiffurmaw ukollil-bażi tal-liġi komuni, li hija derivata mid-deċiżjonijiet tal-qorti f’kawżi anteċedenti (jew mill-ġurisprudenza). Bħala prinċipju ġenerali, il-qrati huma marbutin minn deċiżjonijiet anteċedenti meħuda minn qrati superjuri. Fir-rigward ta’ kwistjonijiet ta’ Liġi tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja hija l-ogħla awtorità. Il-Law Lords fil-House of Lords aġixxew bħala l-qorti suprema tar-Renju Unit, għalkemm ġew sostitwiti mill-Qorti Suprema l-ġdida li se tibda topera mill-1 ta’ Ottubru 2009. Il-Law Lords eżistenti saru l-ewwel imħallfin tal-Qorti Suprema, u s-Senior Law Lord sar il-President.

Qafas istituzzjonali

Istituzzjonijiet responsabbli mill-adozzjoni tar-regoli legali u l-proċess deċiżjonali

Il-leġiżlazzjoni primarja ssir mill- Parlament tar-Renju Unit f’Londra. Qabel ma proposta ta’ leġiżlazzjoni (magħrufa bħala Abbozz (Bill)) tkun tista’ ssir Att tal-Parlament, trid tiġi approvata miż-żewġ Kmamar tal-Parlament: il-House of Commons u l-House of Lords. Dawn l-istadji li ġejjin iseħħu fiż-żewġ Kmamar:

  • L-ewwel qari (introduzzjoni formali tal-Abbozz mingħajr dibattitu)
  • It-tieni qari (dibattitu ġenerali)
  • L-istadju tal-kumitat (eżami dettaljat, id-dibattitu u l-emendi. Fil-House of Commons dan l-istadju normalment iseħħ f’Kumitat tal-Abbozzi Pubbliku.)
  • Stadju tar-rapport (opportunità għal emendi ulterjuri)
  • It-tielet qari (opportunità finali għad-dibattitu; l-emendi huma possibbli quddiem il-Lords).

Fejn Abbozz ikun għadda miż-żewġ kmamar, jiġi rritornat lill-ewwel Kamra (fejn inbeda) għall-kunsiderazzjoni tal-emendi tat-tieni Kamra.

Iż-żewġ Kmamar għandhom jaqblu dwar it-test finali. Jista’ jkun hemm bosta skambji bejn iż-żewġ Kmamar sakemm jintlaħaq ftehim dwar kull kelma fl-Abbozz.  Ladarba jseħħ dan, l-Abbozz jista’ jiġi sottomess għall-Kunsens Rjali.

Fl-Assemblea tal-Irlanda ta’ Fuq, iseħħ proċess simili (li jinvolvi introduzzjoni ta’ Abbozz, kunsiderazzjoni, dibattitu u votazzjoni), għalkemm hemm biss Kamra waħda fl-Assemblea devoluta. Il-Ministri, il-kumitati u l-membri individwali jistgħu jibdew Abbozz u jippreżentawh lill-Ispeaker tal-Assemblea għall-kunsiderazzjoni mill-Assemblea. Jekk l-Ispeaker huwa kuntent li li-proposti huma fil-kompetenza tal-Assemblea, l-Abbozz jiġi introdott fil-Kamra u jsir dibattitu dwaru. Imbagħad jiġi riferit lill-kumitat statutorju xieraq għall-iskrutinju. Il-kumitat jirrapporta lura lill-Assemblea, u jippermetti lill-membri jikkunsidraw id-dettall tal-Abbozz u jipproponu l-emendi. Imbagħad jerġa’ jiġi kkunsidrat mill-Assemblea u ssir votazzjoni finali.

Meta Abbozz ikun għadda mill-istadji parlamentari kollha tiegħu fir-Renju Unit jew mill-Assemblea tal-Irlanda ta’ Fuq, jintbagħat lis-Sovran għall-Kunsens Rjali, u wara dan isir Att.

Il-leġiżlazzjoni primarja ġeneralment tista’ tiġi emendata jew imħassra biss minn leġiżlazzjoni primarja ġdida. Madankollu hemm xi eċċezzjonijiet li taħthom jistgħu jsiru xi emendi u xi tħassir permezz ta’ strument statutorju – fejn dawn jinvolvu l-implimentazzjoni tal-obbligi tal-UE jew xi riforma leġiżlattiva li tnaqqas jew telimina l-oneri regolatorji. Mandankollu dawn l-Ordnijiet iridu jiġu approvati permezz ta’ riżoluzzjoni affermattiva taż-Żewġ Kmamar tal-Parlament qabel ma jkunu jistgħu jsiru.

Il-leġiżlazzjoni primarja tidħol fis-seħħ skont id-dispożizzjonijiet tal-bidu stabbiliti fl-Att jew fil-Miżura. L-Att jew il-Miżura jistgħu jispeċifikaw data partikolari ghad-dħul fis-seħħ. Dan jista’ jkun immedjatament malli jinkiseb il-Kunsens Rjali, jew f’data speċifikata (normalment għall-inqas xahrejn wara l-Kunsens Rjali) jew f’data li għandu jispeċifika Ministru jew dipartiment f’ordni tal-bidu (strument statutorju). Jistgħu jiġu speċifikati dati differenti għal dispożizzjonijiet differenti f’Att wieħed.

Id-data tad-dħul fis-seħħ għal kwalunkwe leġiżlazzjoni sekondarja normalment tkun speċifikata fl-istrument stess. Eċċezzjonalment, id-data tal-bidu tista’ tkun stabbilita b’pubblikazzjoni ta’ avviż fil-gazzetti uffiċjali (il-Gazzetta ta’ Londra jew ta’ Belfast).

Bażijiet tad-dejta ġuridiċi

Hemm bosta bażijiet tad-dejta ġuridiċi disponibbli.

  • Is- sit elettroniku tal-Leġiżlazzjoni tar-Renju Unit jipprovdi t-test sħiħ tal-leġiżlazzjoni primarja kollha kif promulgata mill-Parlament tar-Renju Unit, il-Parlament Skoċċiż, l-Assemblea tal-Irlanda ta’ Fuq u l-Assemblea Nazzjonali għal Wales, flimkien mal-leġiżlazzjoni sekondarja kollha li tapplika għar-Renju Unit kollu jew partijiet mir-Renju Unit. L-aċċess għall-informazzjoni huwa mingħajr ħlas.
  • Il-leġiżlazzjoni primarja riveduta li tkopri l-partijiet kollha tar-Renju Unit mill-1235 sal-lum tinsab ukoll fis- sit elettroniku tal-Leġiżlazzjoni tar-Renju Unit.

Ħoloq relatati

Sit elettroniku tal-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit

L-aħħar aġġornament: 28/08/2018

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.