Leġiżlazzjoni nazzjonali

Olanda

Din il-paġna tipprovdik b'informazzjoni dwar is-sistema ġudizzjarja fin-Netherlands. Il-Gvern Netherlandiż hu magħmul mill-Ministri u r-Re. Sa dak il-punt, in-Netherlands hija eċċezzjoni fost il-monarkiji tal-Ewropa tal-Punent li, fil-parti l-kbira tagħhom il-monarkija mhix parti mill-gvern. Minn mindu saret reviżjoni komprensiva tal-Kostituzzjoni fl-1848, in-Netherlands saret monarkija kostituzzjonali b'sistema parlamentari.

Il-kontenut ipprovdut minn
Olanda

Sorsi tad-dritt

Tipi ta’ strumenti legali - deskrizzjoni

Il-Kostituzzjoni tipprovdi l-qafas għall-organizzazzjoni tal-Istat Netherlandiż u hija l-bażi għal-leġiżlazzjoni. It-trattati bejn in-Netherlands u stati oħrajn u huma sors ewlieni tad-dritt. L-Artikolu 93 tal-Kostituzzjoni jistipula li d-dispożizzjonijiet tat-trattati u tad-deċiżjonijiet ta’ istituzzjonijiet internazzjonali, jista’ jkollhom effett dirett fl-ordinament ġuridiku tan-Netherlands, u f’dak il-każ dawn id-dispożizzjonijiet jieħdu preċedenza fuq il-liġijiet Netherlandiżi. Il-miżuri statutorji li japplikaw fir-Renju tan-Netherlands ma japplikawx jekk ma jkunux kompatibbli ma’ dawk id-dispożizzjonijiet. Għaldaqstant, ir-regoli tal-Unjoni Ewropea stipulati fit-trattati, ir-regolamenti u d-direttivi huma sors ewlieni tad-dritt fin-Netherlands.

Il-Karta għar-Renju tan-Netherlands tirregola r-relazzjoni kostituzzjonali bejn in-Netherlands, Aruba, Curaçao u Sint Maarten.

Il-liġijiet isiru fil-livell nazzjonali. Permezz ta’ delega bil-liġi, il-gvern ċentrali jista’ jistipula (aktar) regoli f’ordnijiet fil-kunsill u f’regolamenti ministerjali. Ordnijiet indipendenti fil-kunsill (li mhumiex derivati minn liġi) huma possibbli wkoll. Il-Kostituzzjoni tagħti awtorità regolatorja lill-korpi inferjuri skont id-dritt pubbliku (provinċji, muniċipalitajiet u bordijiet tal-ilma).

Il-preċedenti legali huma sors tad-dritt, billi d-deċiżjonijiet tal-qorti għandhom sinifikat usa’ mill-kawża speċifika fejn tittieħed dik id-deċiżjoni. Id-deċiżjonijiet ta’ qrati superjuri jservu ta’ gwida. Id-deċiżjonijiet tal-Qorti Suprema huma partikolarment awtorevoli, billi l-kompitu ta' din il-qorti tal-ġustizzja huwa li tippromwovi l-uniformità fil-liġi. Għalhekk, f’kawżi ġodda l-qorti inferjuri tikkunsidra deċiżjoni tal-Qorti Suprema meta tkun qed tasal biex tagħti sentenza.

Il-prinċipji ġenerali tad-dritt huma ta’ rilevanza għall-gvern u għall-għoti tal-ġustizzja. Xi kultant il-liġi tirreferi għall-prinċipji ġenerali tad-dritt, bħal pereżempju fil-Kodiċi Ċivili (raġonevolezza u ġustizzja). Il-qorti tista’ tirreferi wkoll għall-prinċipji ġenerali tad-dritt meta tagħti sentenza.

Id-dritt konswetudinarju, magħruf ukoll bħala l-liġijiet mhux miktuba, hija sors ieħor tad-dritt. Fil-prinċipju, prattika konswetudinarja tkun rilevanti biss jekk il-liġi tirreferi għaliha, iżda l-qorti xorta tista’ tikkunsidra l-prattika konswetudinarja fis-sentenza tagħha f’każ ta’ kunflitt. Id-dritt konswetudinarju ma jistax ikun sors tad-dritt meta jkun qed jiġi stabbilit reat kriminali (l-Artikolu 16 tal-Kostituzzjoni).

Il-ġerarkija tas-sorsi tad-dritt

L-Artikolu 94 tal-Kostituzzjoni jiddikjara li xi regoli tad-dritt internazzjonali jieħdu preċedenza ġerarkika: id-dispożizzjonijiet statutorji li mhumiex kompatibbli ma’ dawn ir-regoli tad-dritt internazzjonali ma japplikawx. Liġi Ewropea, fin-natura tagħha, tieħu preċedenza fuq liġi nazzjonali. Din hija segwita mill-Karta, il-Kostituzzjoni u l-Atti Parlamentari. Dawn jieħdu preċedenza fuq miżuri oħrajn. L-Atti Parlamentari jiġu adottati mill-gvern flimkien mal-Istati Ġenerali (ir-rappreżentanti eletti tal-poplu).

Huwa stipulat ukoll li liġi tista’, totalment jew parzjalment, titlef l-effett tagħha biss bħala riżultat ta’ liġi sussegwenti. Barra minn hekk, hemm regola ġenerali tal-interpretazzjoni li tistipula li l-liġijiet speċifiċi jieħdu preċedenza fuq dawk ġenerali. Barra minn hekk, fit-tradizzjoni kontinentali, liġi miktuba hija kkunsidrata bħala sors tad-dritt superjuri għall-preċedenti legali.

Il-qafas istituzzjonali

L-awtoritajiet responsabbli għall-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet legali

Il-proċess leġiżlattiv

L-Atti Parlamentari jiġu adottati mill-gvern flimkien mal-Istati Ġenerali. Il-proposti leġiżlattivi jistgħu jitressqu mill-gvern jew mill-Kamra Inferjuri tal-Istati Ġenerali. Il-Kunsill tal-Istat jagħti pariri dwar il-proposti leġiżlattivi, kif ukoll dwar l-ordnijiet fil-kunsill. Waqt li tkun qed titħejja proposta leġiżlattiva, ġeneralment, jiġu kkonsultati partijiet ikkonċernati oħrajn.

Normalment, il-Kunsill tal-Ministri jadotta l-proposti leġiżlattivi u jgħaddihom lit-Taqsima Konsultattiva tal-Kunsill tal-Istat għar-rakkomandazzjoni tagħha. Il-gvern iwieġeb għal dik ir-rakkomandazzjoni billi jfassal rapport ieħor. Imbagħad, il-gvern jibgħat il-proposta leġiżlattiva — bi kwalunkwe emenda meħtieġa — lill-Kamra Inferjuri permezz ta’ Messaġġ Irjali. Il-proposta tista’ tiġi emendata waqt li tkun qed tiġi diskussa fil-Kamra Inferjuri. Hija l-Kamra Inferjuri li għandha d-dritt temenda. Ladarba tiġi aċċettata mill-Kamra Inferjuri, il-Kamra Superjuri tiddiskuti l-proposta. Il-Kamra Superjuri tista’ biss tadotta jew tiċħad il-proposta leġiżlattiva. F’dan l-istadju ma jistgħux isiru aktar emendi. Ladarba tiġi aċċettata mill-Kamra Superjuri, it-test leġiżlattiv jiġi ffirmat mir-Re u l-Ministru, u wara jsir il-liġi.

Bażijiet ta’ data ġuridiċi

Overheid.nl huwa l-punt ta’ aċċess ċentrali għall-informazzjoni kollha dwar l-organizzazzjonijiet governattivi tan-Netherlands. Din il-paġna tipprovdi aċċess għal-leġiżlazzjoni lokali u nazzjonali.

Officielebekendmakingen.nl jipprovdi aċċess għall-gazzetti uffiċjali (“Staatsblad”“Staatscourant”“Tractatenblad”). Tista’ ssib ukoll il-pubblikazzjonijiet kollha tal-Parlament Netherlandiż fis-sit web.

L-aċċess għall-bażi tad-data huwa bla ħlas?

L-aċċess għas-sit web u għall-bażi tad-data huwa bla ħlas.

Ħoloq relatati

Il-gvern nazzjonali

Regering

Il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin

Il-Kamra tar-Rappreżentanti

Government.nl

Houseofrepresentatives.nl

L-aħħar aġġornament: 25/02/2020

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.
L-Istati Membri responsabbli għall-ġestjoni tal-paġni tal-kontenut nazzjonali huma fil-proċess li jaġġornaw xi ftit mill-kontenut fuq dan is-sit web fid-dawl tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea. Jekk is-sit ikun fih kontenut li għadu ma jirriflettix il-ħruġ tar-Renju Unit, dan mhux intenzjonat u se jiġi indirizzat.

Feedback

Uża l-formola li ġejja biex taqsam il-kummenti u l-feedback tiegħek fis-sit web ġdid tagħna