Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna il-Franċiż ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Swipe to change

Leġiżlazzjoni nazzjonali

Lussemburgu

F’din is-sezzjoni ssibu deskrizzjoni qasira tad-diversi sorsi tal-liġi fil-Lussemburgu.

Il-kontenut ipprovdut minn
Lussemburgu
Ma hemm l-ebda traduzzjoni uffiċjali tal-verżjoni tal-lingwa li qed tara.
Hawnhekk tista' tara verżjoni tradotta awtomatikament ta' dan il-kontenut. Jekk jogħġbok innota li din hi pprovduta biss għal finijiet kuntestwali. Is-sid ta’ din il-paġna ma jaċċetta ebda responsabbiltà jew obbligazzjoni fir-rigward tal-kwalità ta’ dan it-test tradott b'mod awtomatiku.

Sorsi tal-liġi

Ġerarkija ta’ regoli

L-espressjoni “sorsi tal-liġi” toħloq immaġni: hija tfakkar it-tnibbit u l-oriġni tal-liġi.

Illum il-ġurnata, wieħed jista’ jikkunsidra l-Kostituzzjoni u l-istatuti bħala s-sorsi prinċipali tal-liġi.

Il-Kostituzzjoni Lussemburgiża

L-ewwel Kostituzzjoni Lussemburgiża ġiet abbozzata fl-1841, jiġifieri sentejn wara l-indipendenza tal-Lussemburgu fl-1839, u mbagħad segwita bil-Kostituzzjoni tal-1848 u tal-1856.

Il-Kostituzzjoni Lussemburgiża preżenti ilha mis-17 ta’ Ottubru 1868. It-test tal-Kostituzzjoni preżenti ġie rivedut kemm-il darba minn dakinhar.

Il-Kostituzzjoni Lussemburgiża hija kostituzzjoni miktuba ta’ tip riġidu. Minħabba n-natura fundamentali tagħha, il-Kostituzzjoni tibqa’ mogħnija b’ħafna iktar stabbiltà mil-liġi ordinarja.

Il-Kostituzzjoni preżenti hija magħmula minn 121 artikolu, maqsuma fi tlettax-il kapitolu. Fihom hemm deskritti l-bażijiet li jifformaw l-Istat, il-garanzija tad-drittijiet u l-libertajiet taċ-ċittadini u l-organizzazzjoni tas-setgħat pubbliċi.

  • Kapitolu I:  Fuq l-Istat, it-territorju tiegħu u fuq il-Gran Duka
  • Kapitolu II:  Fuq il-libertajiet pubbliċi u fuq id-drittijiet fundamentali
  • Kapitolu III:  Fuq is-Setgħa sovrana
  • Kapitolu IV:  Fuq il-Kamra tad-Deputati
  • Kapitolu V:  Fuq il-Gvern tal-Gran Dukat
  • Kapitolu V a:  Fuq il-Kunsill tal-Istat
  • Kapitolu VI:  Fuq il-Ġustizzja
  • Kapitolu VII:  Fuq il-Forzi pubbliċi
  • Kapitolu VIII:  Fuq il-Finanzi
  • Kapitolu IX:  Fuq il-Komuni
  • Kapitolu X:  Fuq l-Istituzzjonijiet pubbliċi
  • Kapitolu XI: Dispożizzjonijiet ġenerali
  • Kapitolu XII:  Dispożizzjonijiet tranżitorji u supplimentari

Il-liġi bħala sors tad-dritt

Is-sistema leġiżlattiva

Fis-sistema leġiżlattiva tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu, l-inizjattiva għal xi liġi tista’ tiġi mill-Kamra tad-deputati jew mill-gvern.

Id-dritt tal-inizjattiva tal-gvern jissejjaħ “inizjattiva governattiva” u jitwettaq permezz tal-preżentazzjoni ta’ “abbozzi ta’ liġi”.

Id-dritt tal-inizjattiva tal-Kamra tad-deputati jissejjaħ “inizjattiva parlamentari” u jitwettaq permezz tal-preżentazzjoni ta’ “proposti ta’ liġi”.

Sussegwentement, dawn l-abbozzi jew proposti ta’ liġi jiġu ppreżentati biex tingħata opinjoni mill-istanzi kkonċernati (il-kmamar professjonali), iżda fuq kollox biex tingħata l-opinjoni mill-Kunsill tal-Istat. Wara li tasal l-opinjoni tal-Kunsill tal-Istat, l-abbozz jew il-proposta ta’ liġi tintbagħat lill-Kamra tad-deputati.

Fis-sistema unikamerali Lussemburgiża, il-Kamra tad-deputati jkollha tiddeċiedi, wara l-vot fuq l-abbozz, għat-tieni darba fuq it-test kollu wara perijodu ta’ mill-inqas 3 xhur, sakemm il-Kamra u l-Kunsill tal-Istat ma jiddeċiedux, kull wieħed għalih, li dan it-tieni vot tal-Kamra jista’ ma jitteħidx. Il-liġi li fuqha jkun ittieħed vot definittiv mill-Kamra tad-deputati tista' tkun kompletata biss wara l-promulgazzjoni mill-Gran Duka u l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċċjali tal-Lussemburgu, Memorjal.

Is-sistema regolamentari

Skont l-Artikolu 2 tal-Att tat-12 ta’ Lulju 1996 dwar ir-riforma fil-Kunsill tal-Istat, ebda abbozz ta’ regolament adottat biex jimplementa l-liġijiet u t-trattati ma jista’ jiġi ppreżentat lill-Gran Duka ħlief wara li l-Kunsill tal-Istat ikun ta l-opinjoni tiegħu.

Il-Gvern jista’ madankollu jidderoga minn din ir-regola ġenerali f’każijiet ta’ urġenza (li għandhom jiġu evalwati mill-Gran Duka abbażi ta’ rapport debitament motivat mill-ministru promotur) u b’hekk ikun eżentat milli jitlob il-opinjoni tal-Kunsill tal-Istat. L-użu tal-proċedura ta’ urġenza hija madankollu intiża li tkun limitata għal każijiet eċċezzjonali.

Barra minn hekk, jekk xi att parlamentari jeżiġi formalment li l-Kunsill tal-Istat jintalab jagħti l-opinjoni tiegħu fuq regolamenti adottati biex jimplementaw dik il-liġi, hemmhekk il-proċedura ta’ urġenza ma tista’ tintuża qatt. Dan japplika ukoll għall-emendi għal abbozz ta’ regolament li fuqu l-Kunsill tal-Istat jkun diġà ta opinjoni.

L-istess bħalma jiġri fil-każ tal-atti parlamentari, il-Kunsill tal-Istat jagħti l-opinjoni tiegħu fuq abbozzi ta’ regolamenti fil-forma ta’ rapport motivat li jkun fih kunsiderazzjonijiet ġenerali, analiżi tat-test tal-abbozz u, jekk ikun il-każ, kontroproposta.

L-analiżi tal-Kunsill tal-Istat tirrigwarda s-sustanza u l-forma tal-abbozzi tar-regolamenti kif ukoll fuq il-konformità tal-istess regolamenti mar-regoli tad-dritt superjuri.

Il-bażijiet tad-dejta ġuridika

Is-sit Légilux huwa l-portal ġuridiku tal-Gvern tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu fuq l-internet.

Dan jippermetti aċċess għal-leġiżlazzjoni Lussemburgiża, kemm fil-forma ta’ plain text tal-Memorjal A, kif ukoll fil-forma ta’ testi konsolidati, li jinsabu fil-parti l-kbira tagħhom f’Kodiċijiet u f’Ġabriet ta’ Leġiżlazzjoni.

Is-sit huwa maqsum fi tliet partijiet prinċipali, jiġifieri:

  • Iż-Żona Leġiżlattiva tiġbor il-pubblikazzjonijiet li jikkonċernaw il-leġiżlazzjoni Lussemburgiża, u diversi pubblikazzjonijiet kif ukoll testi konsolidati.
  • Iż-Żona Amministrattiva tiġbor il-pubblikazzjonijiet magħrufa bħala “amministrattivi”. Dawn huma prinċipalment il-ġabriet tal-Memorjal B, kif ukoll l-Annwarju Uffiċjali tal-Amministrazzjoni u tal-Leġiżlazzjoni.
  • Iż-Żona tal-Kumpanniji u Assoċjazzjonijiet tiġbor il-ġabriet tal-Memorjal Ċ, pubblikazzjonijiet li jikkonċernaw is-soċjetajiet kummerċjali u l-assoċjazzjonijiet u l-fondazzjonijiet bla skop ta’ qligħ.

L-aċċess għall-bażijiet tad-dejta huwa bla ħlas?

Iva, l-aċċess għall-bażijiet tad-dejta huwa bla ħlas.

Links relatati

Sit Légilux

Ministeru tal-Ġustizzja

L-aħħar aġġornament: 20/12/2018

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.