Leġiżlazzjoni nazzjonali

Latvja

F’din it-taqsima ssib informazzjoni dwar l-ordinament ġuridiku tal-Latvja.

Il-kontenut ipprovdut minn
Latvja

Sorsi tal-liġi

L-ordinament ġuridiku tal-Latvja huwa dak bħal tal-Ewropa kontinentali. L-aktar sors importanti tal-liġi huwa l-leġiżlazzjoni miktuba.

Leġiżlazzjoni

Ir-relazzjonijiet bejn il-korpi stabbiliti skont il-liġi pubblika, l-individwi privati u detenturi oħra tad-drittijiet huma regolati mil-leġiżlazzjoni (ārējie normatīvie akti).

Tipi ta’ leġiżlazzjoni, f’ordni dixxendenti tal-istatus legali:

  • il-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Latvja;
  • l-istatut: il-liġijiet promulgati mill-Parlament;
  • ir-regolamenti tal-Kabinett;
  • ir-regolamenti tal-Bank tal-Latvja, tal-Kummissjoni għas-Suq Finanzjarju u tal-Kapital u tal-Kummissjoni għall-Utilitajiet Pubbliċi (fl-ordinament ġuridiku tal-Latvja dawn ir-regolamenti għandhom l-istess forza ġuridika bħar-regolamenti maħruġa mill-Kabinett);
  • ir-regolamenti vinkolanti tal-gvern lokali.

Id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni Ewropea jiġu applikati skont il-pożizzjoni tagħhom fil-ġerarkija tal-atti leġiżlattivi. Fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, l-awtoritajiet u l-qrati jridu jqisu wkoll il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Id-dispożizzjonijiet tad-dritt internazzjonali jiġu applikati irrispettivament mis-sors tagħhom skont il-pożizzjoni tagħhom fil-ġerarkija tal-atti leġiżlattivi. Jekk dispożizzjoni tad-dritt internazzjonali u dispożizzjoni tal-liġi Latvjana bl-istess status fil-ġerarkija jinstabu li huma inkompatibbli, tiġi applikata d-dispożizzjoni tad-dritt internazzjonali.

Ir-regolamenti vinkolanti tal-gvern lokali huma vinkolanti fuq l-individwi u fuq il-persuni ġuridiċi kollha fil-qasam amministrattiv rilevanti.

Il-leġiżlazzjoni u atti legali oħra jiġu ppubblikati fil-gazzetta uffiċjali, Latvijas Vēstnesis. Il-pubblikazzjoni uffiċjali hija pubblikament awtentika u legalment vinkolanti. Ħadd ma jista’ jgħid li ma jafx bl-atti legali jew bl-avviżi uffiċjali ppubblikati fil-gazzetta uffiċjali.

L-entitajiet intitolati li jippromulgaw atti leġiżlattivi huma:

  • il-poplu tal-Latvja meta jeżerċita setgħat leġiżlattivi (għaxra fil-milja tal-eletturi kollha jistgħu jissottomettu abbozz ta’ liġi lill-Parlament; il-poplu jista’ anke jieħu sehem f’referenda);
  • is-Saeima (il-Parlament) għandu s-setgħa jgħaddi statuti;
  • il-Kabinett għandu s-setgħa jagħmel regolamenti meta awtorizzat biex jagħmel dan minn statut;
  • il-Bank tal-Latvja, il-Kummissjoni għas-Suq Finanzjarju u tal-Kapital u l-Kummissjoni għall-Utilitajiet Pubbliċi għandhom ukoll is-setgħa jagħmlu regolamenti meta awtorizzati minn statut;
  • l-awtoritajiet lokali għandhom is-setgħa jagħmlu regolamenti meta awtorizzati biex jagħmlu dan minn statut.

Normi pubbliċi interni

In-normi pubbliċi interni (iekšējie normatīvie akti) isiru minn korp regolat mid-dritt pubbliku bil-għan li jistabbilixxi proċeduri għall-operat intern tiegħu jew għal dawk tal-korpi subordinati tiegħu, jew biex tiġi ċċarata l-proċedura għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni ġenerali fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-operat tiegħu stess. In-normi pubbliċi interni mhumiex vinkolanti fuq individwi privati. Jekk korp jadotta deċiżjoni fir-rigward ta’ individwu privat, ma jistax jirreferi għal norma pubblika interna f’dik id-deċiżjoni.

It-tipi ta’ normi pubbliċi interni huma:

  • il-kostituzzjoni (nolikums) jew ir-regoli ta’ proċedura (reglaments) ta’ korp, li jiddeterminaw l-istruttura u l-organizzazzjoni interna tiegħu, jew l-istruttura u l-organizzazzjoni interna ta’ bord jew unità li jkun waqqaf;
  • ir-rakkomandazzjonijiet (ieteikumi): dawn jistabbilixxu l-proċeduri għall-eżerċizzju tad-diskrezzjoni mogħtija skont il-leġiżlazzjoni u n-normi pubbliċi interni billi jistabbilixxu azzjoni uniformi f’ċirkostanzi simili — f’ċerti sitwazzjonijiet ir-rakkomandazzjonijiet jistgħu jiġu injorati jekk ikun hemm ġustifikazzjoni suffiċjenti biex isir dan;
  • l-istruzzjonijiet (instrukcja): dawn jiddeterminaw l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni ġenerali u tal-prinċipji legali ġenerali;
  • ir-regolamenti interni (iekšējie noteikumi): dawn jiddeterminaw il-proċedura għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet amministrattivi, kif għandhom iwettqu d-dmirijiet tagħhom l-uffiċjali amministrattivi u l-persunal l-ieħor, ir-regoli ta’ kondotta, is-sigurtà fuq il-post tax-xogħol u kwistjonijiet oħra relatati mal-operazzjonijiet tal-korp inkwistjoni.

Kull tip ta’ norma pubblika interna għandha l-istess status ġuridiku. Jekk ir-regoli pubbliċi interni jinstabu li huma inkompatibbli ma’ xulxin, jiġi applikat l-att maħruġ mill-ogħla awtorità jew uffiċjal.

Jekk uffiċjal isib li hemm konflitt bejn in-normi pubbliċi interni maħruġa minn awtoritajiet jew uffiċjali tal-istess livell ġerarkiku, huwa japplika:
  1. norma ġuridika ġenerali sakemm ma tkunx limitata minn norma ġuridika speċjali;
  2. f’każ li ż-żewġ normi huma ġenerali jew it-tnejn huma speċifiċi, l-aktar waħda reċenti mit-tnejn; id-data deċiżiva hija d-data meta ġiet adottata n-norma pubblika interna.
Jekk uffiċjal isib li hemm konflitt bejn norma pubblika interna u norma stabbilita fil-leġiżlazzjoni, huwa japplika l-leġiżlazzjoni.

L-entitajiet li jistgħu joħorġu normi pubbliċi interni huma:

  • il-Kabinett;
  • membru tal-Kabinett;
  • korp governattiv ta’ entità pubblika;
  • il-kap ta’ awtorità;
  • il-kap ta’ unità strutturali mwaqqfa minn awtorità.

Sorsi tal-liġi: kategoriji

Is-sorsi tal-liġi jistgħu jinqasmu fil-kategoriji li ġejjin:

  • il-liġijiet u r-regolamenti (normatīvie akti): atti legali li jistabbilixxu, idaħħlu fis-seħħ, jemendaw jew iħassru normi ġuridiċi; il-liġijiet u r-regolamenti jistgħu jinqasmu f’leġiżlazzjoni u f’normi pubbliċi interni;
  • il-prinċipji ġenerali tal-liġi: normi bażiċi li jistgħu jkunu bil-miktub (fi statut u f’regolamenti) jew mhux bil-miktub li jirregolaw il-legalità oġġettiva fil-ħajja soċjali;
  • il-liġi konswetudinarja: regoli ta’ kondotta li żviluppaw bħala riżultat tal-applikazzjoni attwali fuq perjodu ta’ żmien storiku; il-liġi konswetudinarja tiġi applikata fl-iżvilupp tad-drittijiet u fl-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-liġi jekk statut jew leġiżlazzjoni oħra ma tipprovdix tweġiba għall-kwistjoni kkonċernata;
  • il-ġurisprudenza: il-korp tas-sentenzi tal-qorti li fih sejbiet legali astratti korretti u ta’ valur sinifikanti li l-imħallfin jistgħu jużaw f’każijiet oħra bħala raġunament ġuridiku għad-deċiżjonijiet tagħhom;
  • id-duttrina (doktrīna): il-korp ta’ opinjonijiet akkademiċi stabbiliti li jipprovdi interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-liġi, l-oriġini u l-applikazzjoni tagħhom; id-duttrina tintuża b’mod estensiv bħala referenza insostenn tad-deċiżjonijiet tal-qrati u tal-korpi amministrattivi pubbliċi.

Ġerarkija tas-sorsi tal-liġi

Sorsi primarji tal-liġi

  • il-liġijiet u r-regolamenti: dawn huma s-sorsi tal-liġi bl-ogħla status ġuridiku; jiġu applikati skont il-pożizzjoni tagħhom fil-ġerarkija tal-atti leġiżlattivi;
  • il-prinċipji ġenerali tal-liġi: dan is-sors tal-liġi jiġi applikat jekk il-kwistjoni kkonċernata ma tkunx regolata minn statut jew regolament; il-prinċipji ġenerali tal-liġi jintużaw ukoll fl-interpretazzjoni tal-liġijiet u tar-regolamenti; m’hemmx ġerarkija fost il-prinċipji legali ġenerali: kollha għandhom l-istess status fil-liġi;
  • il-liġi konswetudinarja: din tiġi applikata fl-iżvilupp tad-drittijiet u fl-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-liġi jekk l-istatut jew leġiżlazzjoni oħra ma tipprovdix tweġiba għall-kwistjoni kkonċernata.

Sorsi sekondarji tal-liġi

  • il-ġurisprudenza – sentenzi tal-qorti li, skont ir-regoli ta’ proċedura, huma vinkolanti fuq il-qrati li jisimgħu t-talbiet; dawn is-sentenzi għandhom is­saħħa tal-liġi, huma vinkolanti fuq il-partijiet kollha u għandhom jingħataw l-istess rispett bħal-liġi statutorja.

is-sentenzi tal-Qorti Kostituzzjonali (Satversmes tiesa) huma vinkolanti fuq l-awtoritajiet kollha tal-Istat u dawk lokali, fuq l-istituzzjonijiet u l-uffiċjali kollha, inklużi l-qrati, kif ukoll fuq persuni fiżiċi u ġuridiċi. Dispożizzjoni tal-liġi (jew att) li titqies mill-Qorti Kostituzzjonali bħala inkonsistenti ma’ dispożizzjoni tal-liġi ta’ status ogħla titqies nulla u bla effett mid-data tal-pubblikazzjoni tas-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali, sakemm il-Qorti Kostituzzjonali ma tiddeċidix mod ieħor.

Jekk il-Qorti Kostituzzjonali tqis i ftehim internazzjonali ffirmat jew konkluż mil-Latvja jmur kontra l-Kostituzzjoni, il-Kabinett huwa obbligat jieħu ħsieb li l-ftehim jiġi emendat, jiġi dikjarat invalidu, jiġu sospiżi l-operazzjonijiet tiegħu jew tiġi rtirata l-adeżjoni għall-ftehim.

Jekk deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali fil-konklużjoni ta’ każ ikun fiha interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni ta’ liġi, l-interpretazzjoni hija vinkolanti fuq l-awtoritajiet kollha tal-Istat u dawk lokali, fuq l-istituzzjonijiet u l-uffiċjali fuq il-qrati, kif ukoll fuq il-persuni fiżiċi u ġuridiċi.

  • id-duttrina tintuża b’mod estensiv bħala referenza insostenn tad-deċiżjonijiet tal-qrati u tal-korpi amministrattivi pubbliċi; id-duttrina ma għandhiex forza legali, u lanqas mhija universalment applikabbli.

Qafas istituzzjonali

Entitajiet intitolati jippromulgaw leġiżlazzjoni

Is-Saeimal-poplu tal-Latvja għandhom kompetenza leġiżlattiva u d-dritt li jipparteċipaw f’referenda.

Il-Kabinett jista’ joħroġ leġiżlazzjoni fil-forma ta’ regolamenti (noteikumi) fil-każijiet li ġejjin:

  • fuq il-bażi ta’ awtorizzazzjoni stabbilita minn statut;
  • sabiex japprova ftehim internazzjonali jew abbozz tiegħu, jiddenunzja ftehim internazzjonali jew jissospendi l-operazzjonijiet tiegħu, sakemm il-Kostituzzjoni jew il-liġi ma tipprevedix mod ieħor;
  • jekk ikun meħtieġ għall-applikazzjoni tal-atti leġiżlattivi tal-Unjoni Ewropea u jekk il-kwistjoni kkonċernata ma tkunx ġiet regolata minn statut; dawn ir-regolamenti ma jistgħux jaffettwaw id-drittijiet fundamentali ta’ individwi privati.

Il-Bank tal-Latvjail-Kummissjoni għas-Suq Finanzjarju u tal-Kapitall-Kummissjoni għall-Utilitajiet Pubbliċi jistgħu jippromulgaw leġiżlazzjoni (regolamenti, noteikumi) biss fuq il-bażi ta’ awtorizzazzjoni stabbilita minn statut, u fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-kompetenza tagħhom.

L-awtoritajiet lokali jistgħu jippromulgaw leġiżlazzjoni (regolamenti vinkolanti) fuq il-bażi ta’ statuti jew ta’ regolamenti tal-Kabinett.

Proċess leġiżlattiv

Din it-taqsima tipprovdi ħarsa ġenerali qasira tal-proċess leġiżlattiv.

Statut

Tqegħid ta’ abbozzi ta’ liġi fuq il-Mejda tal-Parlament

Abbozz ta’ liġi jista’ jitressaq quddiem il-Parlament mill-President, mill-Kabinett, mill-kumitati parlamentari, minn mhux inqas minn ħames Membri Parlamentari jew, f’każijiet u skont il-proċeduri previsti fil-Kostituzzjoni, minn għaxra fil-mija tal-votanti kollha.

Eżami u adozzjoni ta’ abbozzi ta’ liġi fil-Parlament

Il-Parlament jeżamina l-abbozz ta’ liġi fi tliet qari. Abbozzi ta’ liġi li jitqiesu urġenti, l-abbozz tal-Baġit tal-Istat, l-emendi għall-Baġit tal-Istat u l-abbozzi ta’ liġi li jipprovdu għall-adozzjoni ta’ ftehimiet internazzjonali jiġu adottat fit-tieni qari.

Abbozz ta’ liġi jitqies li ġie adottat u jsir liġi jekk ikun ġie eżaminat fi tliet qari, jew f’żewġ qari fil-każijiet imsemmija hawn fuq, u meta abbozz li jitressaq għal vot ikollu l-maġġoranza assoluta tal-voti tal-Membri Parlamentari preżenti.

Promulgazzjoni ta’ liġijiet

Il-liġijiet kollha adottati jintbagħtu mill-Kumitat ta’ Tmexxija (Prezidijs) tas-Saeima lill-President għall-promulgazzjoni.

Il-President jippromulga l-liġijiet adottati mis-Saeima mhux qabel l-għaxar jum u mhux aktar tard mill-wieħed u għoxrin jum wara l-adozzjoni tagħhom. Il-liġi tidħol fis-seħħ fl-erbatax-il jum wara l-promulgazzjoni tagħha (pubblikazzjoni) fil-Latvijas Vēstnesis, il-gazzetta uffiċjali, sakemm il-liġi ma tipprevedix skadenza differenti.

Dritt ta’ sospensjoni tal-promulgazzjoni ta’ liġi

Il-President għandu s-setgħa jitlob li liġi terġa’ tiġi kkunsidrata jew li tiġi posposta l-pubblikazzjoni tagħha sa massimu ta’ xahrejn.

Il-President jeżerċita d-dritt li jitlob li liġi terġa’ tiġi kkunsidrata mill-ġdid fuq inizjattiva propja, iżda jista’ jipposponi l-pubblikazzjoni ta’ liġi biss fuq talba ta’ mhux inqas minn terz tal-Membri Parlamentari kollha. Il-President jew terz tal-Membri Parlamentari kollha jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet imsemmija hawn fuq fi żmien għaxart ijiem mill-adozzjoni tal-liġi mis-Saeima.

Liġi li tiġi sospiża skont il-proċedura msemmija hawn fuq titgħadda għal votazzjoni permezz ta’ referendum nazzjonali, jekk din tintalab minn mhux inqas minn għaxra fil-mija tal-votanti kollha matul il-proċedura tal-ġbir tal-firem. Madankollu, jekk ma ssir l-ebda talba fi żmien xahrejn, il-liġi tiġi ppubblikata. Ir-referendum ma jsirx jekk is-Saeima jerġa’ jivvota fuq il-liġi kkonċernata u jekk tal-inqas tliet kwarti tal-Membri Parlamentari kollha jivvutaw favur l-adozzjoni tagħha.

Liġi adottata mill-Parlament u sospiża mill-President tista’ titħassar permezz ta’ referendum jekk tal-inqas nofs il-votanti li pparteċipaw fl-elezzjonijiet preċedenti tas-Saeima jieħdu sehem fir-referendum u l-maġġoranza tagħhom jivvutaw favur it-tħassir tal-liġi.

Madankollu mhux kull liġi tista’ tiġi sottoposta għal referendum. Il-Baġit u l-liġijiet dwar is-self, it-taxxi, id-Dwana, it-tariffi ferrovjarji, is-servizzi militari, id-dikjarazzjoni u l-bidu ta’ gwerra, il-konklużjoni ta’ trattat tal-paċi, id-dikjarazzjoni u t-tħassir ta’ stat ta’ emerġenza, il-mobilizzazzjoni u d-demobilizzazzjoni u l-ftehimiet ma’ pajjiżi barranin ma jistgħux ikunu soġġetti għal referendum.

Dħul fis-seħħ ta’ liġi

Liġi tidħol fis-seħħ fl-erbatax-il jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Latvijas Vēstnesis, sakemm il-liġi ma tispeċifikax skadenza oħra. It-terminu għad-dħul fis-seħħ ta’ liġi jibda jiddekorri mill-jum wara l-pubblikazzjoni ta’ dik il-liġi.

Abrogazzjoni ta’ statut

Statut ma jibqax fis-seħħ fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:
  • mad-dħul fis-seħħ ta’ statut li jħassar l-istatut preċedenti;
  • mad-dħul fis-seħħ ta’ dispożizzjoni tranżitorja ta’ statut ieħor li tipprevedi t-tħassir tal-istatut preċedenti;
  • mad-dħul fis-seħħ ta’ sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali li tannulla l-liġi rilevanti;
  • jekk jiskadi l-perjodu ta’ validità fil-każ li liġi tkun ġiet adotta għal perjodu ta’ żmien limitat.

Regolamenti tal-Kabinett

Sottomissjoni ta’ abbozz ta’ regolament lill-Kabinett

Abbozz ta’ regolament imfassal minn Ministeru, mill-Kanċellerija tal-Istat jew minn korp amministrattiv pubbliku li jirrapporta lill-Prim Ministru jista’ jiġi ppreżentat lill-Kabinett minn membru tal-Kabinett.

Abbozz ta’ regolament imfassal minn kap ta’ awtorità lokali jew ta’ Stat ieħor, minn NGO jew minn sħab soċjali jista’ jiġi ppreżentat għal kunsiderazzjoni minn kumitat tal-Kabinett jew mill-Kabinett innifsu biss permezz tal-membru tal-Kabinett li huwa politikament responsabbli għall-qasam, għas-settur jew għas-sottosettur rispettiv.

Eżami u adozzjoni ta’ abbozz ta’ regolament tal-Kabinett

L-abbozzi ta’ regolamenti ppreżentati lill-Kabinett jiġu nnotifikati u diskussi waqt il-laqgħat tas-Segretarji tal-Istat. Ladarba abbozz ta’ regolament tal-Kabinett jkun ġie nnotifikat, dan jintbagħat lill-Ministeri rilevanti għall-approvazzjoni tagħhom u, jekk ikun meħtieġ, lil istituzzjonijiet rilevanti oħra. Il-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Ministeru tal-Finanzi jagħtu l-opinjoni tagħhom fuq kull abbozz ta’ liġi. Ir-rappreżentanti tal-NGOs jistgħu jissottomettu wkoll l-opinjonijiet tagħhom matul il-proċess ta’ approvazzjoni.

L-abbozzi ta’ regolamenti li dwarhom ikun intlaħaq ftehim jiġu eżaminati waqt laqgħa tal-Kabinett, filwaqt li dawk li dwarhom ma jkunx intlaħaq ftehim jiġu diskussi waqt laqgħa tas-Segretarji tal-Istat jew waqt laqgħa tal-kumitat tal-Kabinett. Kull proġett li dwaru jkun intlaħaq qbil waqt tali laqgħa jintbagħat għal aktar kunsiderazzjoni waqt laqgħa tal-Kabinett. Jekk waqt il-laqgħa tal-Kabinett l-abbozz tar-regolament jiġi approvat, jitqies li ġie adottat u jsir regolament tal-Kabinett.

Promulgazzjoni ta’ regolamenti tal-Kabinett

Regolamenti tal-Kabinett jiġu promulgati bil-pubblikazzjoni fil-Latvijas Vēstnesis, il-gazzetta uffiċjali.

Dħul fis-seħħ ta’ regolamenti tal-Kabinett

Regolamenti tal-Kabinett jidħlu fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħhom fil-Latvijas Vēstnesis, sakemm ma jipprevedux mod ieħor.

Abrogazzjoni ta’ regolamenti tal-Kabinett

Regolamenti tal-Kabinett ma jibqgħux fis-seħħ fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:

  • mad-dħul fis-seħħ ta’ regolament tal-Kabinett li jħassar ir-regolament preċedenti;
  • mad-dħul fis-seħħ ta’ dispożizzjoni tad-dispożizzjonijiet finali ta’ regolament tal-Kabinett li tħassar ir-regolament preċedenti;
  • jekk id-dispożizzjoni ta’ liġi li abbażi tagħha nħareġ ir-regolament tal-Kabinett ma tibqax fis-seħħ;
  • mad-dħul fis-seħħ ta’ sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali li tannulla r-regolament tal-Kabinett rilevanti;
  • jekk jiskadi l-perjodu ta’ validità fil-każ li regolament tal-Kabinett ikun ġie adottat għal perjodu ta’ żmien limitat.

Regolamenti tal-Bank tal-Latvja, tal-Kummissjoni għas-Suq Finanzjarju u tal-Kapital u tal-Kummissjoni għall-Utilitajiet Pubbliċi

Il-proċedura għall-promulgazzjoni, għad-dħul fis-seħħ u għall-abrogazzjoni ta’ regolamenti tal-Bank tal-Latvja, tal-Kummissjoni għas-Suq Finanzjarju u tal-Kapital, u tal-Kummissjoni għall-Utilitajiet Pubbliċi hija ekwivalenti għall-proċeduri għall-promulgazzjoni, għad-dħul fis-seħħ u għall-abrogazzjoni ta’ regolamenti tal-Kabinett.

Regolamenti vinkolanti tal-gvern lokali

Sottomissjoni ta’ abbozzi ta’ regolamenti vinkolanti tal-gvern lokali lil kunsill lokali

Abbozzi ta’ regolamenti vinkolanti tal-gvern lokali jistgħu jiġu ppreżentati lil kunsill lokali mill-president tal-kunsill, minn kumitat tal-kunsill, minn membri tal-kunsill, minn min ikun sejjaħ għal laqgħa straordinarja jew mill-kap ta’ amministrazzjoni ta’ belt, ta’ raħal jew ta’ parroċċa.

Eżami u adozzjoni ta’ abbozzi ta’ regolamenti vinkolanti tal-gvern lokali

Abbozzi ta’ regolamenti vinkolanti tal-gvern lokali jiġu adottati u jsiru vinkolanti jekk aktar minn nofs il-membri tal-kunsill lokali jivvutaw favur, sakemm l-istatut ma jipprevedix mod ieħor.

Il-kunsill jibgħat ir-regolamenti u memorandum ta’ spjegazzjoni lill-Ministeru għall-Ħarsien tal-Ambjent u l-Iżvilupp Reġjonali bil-miktub u f’forma elettronika fi żmien tlett ijiem mid-data tal-iffirmar. Il-Ministeru jivvaluta l-legalità tar-regolamenti fi żmien xahar minn meta jirċevihom u jibgħat l-opinjoni tiegħu lill-kunsill lokali.

Jekk l-opinjoni tal-Ministeru ma jkunx fiha oġġezzjonijiet fir-rigward tal-legalità tar-regolamenti, jew jekk il-kunsill lokali ma jirċevix l-opinjoni fil-limitu ta’ żmien speċifikat, dan joħroġ ir-regolamenti vinkolanti kif adottati.

Jekk il-kunsill lokali jirċievi opinjoni mill-Ministeru li ssib li r-regolamenti huma kompletament jew parzjalment illegali, il-kunsill lokali jagħmel titjib għar-regolamenti skont l-opinjoni u joħroġ regolamenti emendati. Jekk il-kunsill lokali ma jaqbilx mal-opinjoni kollha kemm hi jew ma’ parti minnha, jipprovdi ġustifikazzjoni fid-deċiżjoni tiegħu u joħroġ ir-regolamenti. Ir-regolamenti jintbagħtu lill-Ministeru għall-Ħarsien tal-Ambjent u l-Iżvilupp Reġjonali bil-miktub u f’forma elettronika fi żmien tlett ijiem mid-data li fiha ġew iffirmati.

Promulgazzjoni ta’ regolamenti vinkolanti tal-gvern lokali

Il-kunsill ta’ belt (Republikas pilsētas dome) jippubblika regolamenti vinkolanti u l-memorandum ta’ spjegazzjoni li jakkumpanjahom fil-gazzetta uffiċjali, Latvijas Vēstnesis. Kunsill muniċipali (novada dome) jippubblika regolamenti vinkolanti u l-memorandum ta’ spjegazzjoni li jakkumpanjahom fil-Latvijas Vēstnesis (mis-6 ta’ Novembru 2015) jew f’gazzetta lokali jew f’pubblikazzjoni mingħajr ħlas.

Kunsill muniċipali jrid jadotta regolamenti vinkolanti u għandu jispeċifika l-post tal-pubblikazzjoni ta’ tali regolamenti, u għandu jippubblika dik l-għażla fil-Latvijas Vēstnesis. Kunsill muniċipali ma jistax ibiddel il-post fejn jippubblika r-regolamenti vinkolanti aktar minn darba fis-sena. Wara d-dħul fis-seħħ tagħhom, ir-regolamenti vinkolanti tal-gvern lokali jiġu ppubblikati fuq is-sit web tal-gvern lokali. Regolamenti vinkolanti promulgati mill-kunsilli muniċipali huma disponibbli wkoll fil-bini tal-kunsill muniċipali u fl-uffiċċji amministrattivi tal-parroċċa ċivili jew tal-belt.

Dħul fis-seħħ ta’ regolamenti vinkolanti tal-gvernijiet lokali

Regolamenti vinkolanti jidħlu fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħhom fil-post uffiċjali ta’ pubblikazzjoni tagħhom, sakemm ma jispeċifikawx data aktar tard għad-dħul fis-seħħ.

Abrogazzjoni ta’ regolamenti vinkolanti tal-gvern lokali

Regolamenti vinkolanti tal-gvern lokali ma jibqgħux fis-seħħ fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:

  • mad-dħul fis-seħħ ta’ regolamenti vinkolanti li jħassru r-regolament preċedenti;
  • mad-dħul fis-seħħ ta’ dispożizzjoni tad-dispożizzjonijiet finali ta’ regolament vinkolanti li tħassar ir-regolamenti preċedenti;
  • jekk ma tibqax fis-seħħ dispożizzjoni ta’ liġi jew ta’ regolament ta’ livelli ogħla li abbażi tagħha nħarġu r-regolamenti vinkolanti rilevanti;
  • mad-dħul fis-seħħ ta’ sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali li tannulla r-regolamenti rilevanti;
  • jekk jiskadi l-perjodu ta’ validità fil-każ li regolamenti vinkolanti jkunu ġew adottati għal perjodu ta’ żmien limitat.

Bażijiet ta’ data ġuridiċi

Latvijas Vēstnesis, il-gazzetta uffiċjali tar-Repubblika tal-Latvja

Il-pubblikazzjoni uffiċjali Latvijas Vēstnesis, hija l-gazzetta uffiċjali tar-Repubblika tal-Latvja. Il-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni fiha tikkostitwixxi l-pubblikazzjoni uffiċjali tagħha.

  • Il-pubblikazzjoni uffiċjali hija pubblikament awtentika u legalment vinkolanti.
  • Ħadd ma jista’ jgħid li ma jafx bl-atti legali jew bl-avviżi uffiċjali ppubblikati fil-gazzetta uffiċjali.

Mill-1 ta’ Lulju 2012, il-gazzetta uffiċjali Latvijas Vēstnesis bdiet tiġi uffiċjalment ippubblikata f’forma elettronika fuq is-sit web https://www.vestnesis.lv. L-informazzjoni li ġiet ippubblikata fuq is-sit web https://www.vestnesis.lv qabel dik id-data kienet biss għal skopijiet ta’ informazzjoni: qabel dan il-pubblikazzjoni uffiċjali kienet il-verżjoni stampata tal-Latvijas Vēstnesis.

Leġiżlazzjoni konsolidata

L-istatuti, ir-regolamenti tal-Kabinett u l-liġijiet u r-regolamenti l-oħra konsolidati huma disponibbli fuq is-sit web leġiżlattiv Latvjan https://likumi.lv/. Il-liġijiet u r-regolamenti konsolidati kollha ppubblikati fuq is-sit web huma għal skopijiet ta’ informazzjoni biss. Is-sit web jiġi ġestit mill-pubblikatur uffiċjali VSIA Latvijas Vēstnesis.

Pubblikatur uffiċjali

Il-pubblikatur tal-gazzetta uffiċjali elettronika Latvijas Vēstnesis huwa l-istess wieħed li kien jippubblika l-edizzjoni stampata preċedenti li kellha l-istess isem:VSIA Latvijas Vēstnesis.

Il-pubblikatur uffiċjali jopera skont l-istandards internazzjonali ISO 9001:2015 (ġestjoni tal-kwalità) u ISO 27001:2013 (sigurtà tal-informazzjoni).

Il-bażi tad-data tista’ tiġi aċċessata mingħajr ħlas?

Iva, Latvijas Vēstnesis hija disponibbli mingħajr ħlas. L-arkivju elettroniku tal-edizzjoni stampata preċedenti tal-Latvijas Vēstnesis huwa disponibbli wkoll mingħajr ħlas. L-aċċess għas-sit web tal-atti legali kkonsolidati huwa wkoll mingħajr ħlas.

Links

Saeima (Il-Parlament tar-Repubblika tal-Latvja)

Kabinett tar-Repubblika tal-Latvja

Bank tal-Latvja

Il-Kummissjoni għas-Suq Finanzjarju u tal-Kapital

Kummissjoni għall-Utilitajiet Pubbliċi

Informazzjoni ta’ kuntatt għall-awtoritajiet lokali

Gazzetta uffiċjali, Latvijas Vēstnesis

Sit web leġiżlattiv Latvjan

L-aħħar aġġornament: 30/03/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.