F’din it-taqsima ssib informazzjoni dwar l-ordinament ġuridiku tal-Latvja.
Sib informazzjoni għal kull reġjun
L-ordinament ġuridiku tal-Latvja huwa dak bħal tal-Ewropa kontinentali. L-aktar sors importanti tal-liġi huwa l-leġiżlazzjoni miktuba.
Ir-relazzjonijiet bejn il-korpi stabbiliti skont il-liġi pubblika, l-individwi privati u detenturi oħra tad-drittijiet huma regolati mil-leġiżlazzjoni (ārējie normatīvie akti).
Tipi ta’ leġiżlazzjoni, f’ordni dixxendenti tal-istatus legali:
Id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni Ewropea jiġu applikati skont il-pożizzjoni tagħhom fil-ġerarkija tal-atti leġiżlattivi. Fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, l-awtoritajiet u l-qrati jridu jqisu wkoll il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
Id-dispożizzjonijiet tad-dritt internazzjonali jiġu applikati irrispettivament mis-sors tagħhom skont il-pożizzjoni tagħhom fil-ġerarkija tal-atti leġiżlattivi. Jekk dispożizzjoni tad-dritt internazzjonali u dispożizzjoni tal-liġi Latvjana bl-istess status fil-ġerarkija jinstabu li huma inkompatibbli, tiġi applikata d-dispożizzjoni tad-dritt internazzjonali.
Ir-regolamenti vinkolanti tal-gvern lokali huma vinkolanti fuq l-individwi u fuq il-persuni ġuridiċi kollha fil-qasam amministrattiv rilevanti.
Il-leġiżlazzjoni u atti legali oħra jiġu ppubblikati fil-gazzetta uffiċjali, Latvijas Vēstnesis. Il-pubblikazzjoni uffiċjali hija pubblikament awtentika u legalment vinkolanti. Ħadd ma jista’ jgħid li ma jafx bl-atti legali jew bl-avviżi uffiċjali ppubblikati fil-gazzetta uffiċjali.
L-entitajiet intitolati li jippromulgaw atti leġiżlattivi huma:
In-normi pubbliċi interni (iekšējie normatīvie akti) isiru minn korp regolat mid-dritt pubbliku bil-għan li jistabbilixxi proċeduri għall-operat intern tiegħu jew għal dawk tal-korpi subordinati tiegħu, jew biex tiġi ċċarata l-proċedura għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni ġenerali fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-operat tiegħu stess. In-normi pubbliċi interni mhumiex vinkolanti fuq individwi privati. Jekk korp jadotta deċiżjoni fir-rigward ta’ individwu privat, ma jistax jirreferi għal norma pubblika interna f’dik id-deċiżjoni.
It-tipi ta’ normi pubbliċi interni huma:
Kull tip ta’ norma pubblika interna għandha l-istess status ġuridiku. Jekk ir-regoli pubbliċi interni jinstabu li huma inkompatibbli ma’ xulxin, jiġi applikat l-att maħruġ mill-ogħla awtorità jew uffiċjal.
Jekk uffiċjal isib li hemm konflitt bejn in-normi pubbliċi interni maħruġa minn awtoritajiet jew uffiċjali tal-istess livell ġerarkiku, huwa japplika:L-entitajiet li jistgħu joħorġu normi pubbliċi interni huma:
Is-sorsi tal-liġi jistgħu jinqasmu fil-kategoriji li ġejjin:
is-sentenzi tal-Qorti Kostituzzjonali (Satversmes tiesa) huma vinkolanti fuq l-awtoritajiet kollha tal-Istat u dawk lokali, fuq l-istituzzjonijiet u l-uffiċjali kollha, inklużi l-qrati, kif ukoll fuq persuni fiżiċi u ġuridiċi. Dispożizzjoni tal-liġi (jew att) li titqies mill-Qorti Kostituzzjonali bħala inkonsistenti ma’ dispożizzjoni tal-liġi ta’ status ogħla titqies nulla u bla effett mid-data tal-pubblikazzjoni tas-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali, sakemm il-Qorti Kostituzzjonali ma tiddeċidix mod ieħor.
Jekk il-Qorti Kostituzzjonali tqis i ftehim internazzjonali ffirmat jew konkluż mil-Latvja jmur kontra l-Kostituzzjoni, il-Kabinett huwa obbligat jieħu ħsieb li l-ftehim jiġi emendat, jiġi dikjarat invalidu, jiġu sospiżi l-operazzjonijiet tiegħu jew tiġi rtirata l-adeżjoni għall-ftehim.
Jekk deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali fil-konklużjoni ta’ każ ikun fiha interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni ta’ liġi, l-interpretazzjoni hija vinkolanti fuq l-awtoritajiet kollha tal-Istat u dawk lokali, fuq l-istituzzjonijiet u l-uffiċjali fuq il-qrati, kif ukoll fuq il-persuni fiżiċi u ġuridiċi.
Is-Saeima u l-poplu tal-Latvja għandhom kompetenza leġiżlattiva u d-dritt li jipparteċipaw f’referenda.
Il-Kabinett jista’ joħroġ leġiżlazzjoni fil-forma ta’ regolamenti (noteikumi) fil-każijiet li ġejjin:
Il-Bank tal-Latvja, il-Kummissjoni għas-Suq Finanzjarju u tal-Kapital u l-Kummissjoni għall-Utilitajiet Pubbliċi jistgħu jippromulgaw leġiżlazzjoni (regolamenti, noteikumi) biss fuq il-bażi ta’ awtorizzazzjoni stabbilita minn statut, u fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-kompetenza tagħhom.
L-awtoritajiet lokali jistgħu jippromulgaw leġiżlazzjoni (regolamenti vinkolanti) fuq il-bażi ta’ statuti jew ta’ regolamenti tal-Kabinett.
Din it-taqsima tipprovdi ħarsa ġenerali qasira tal-proċess leġiżlattiv.
Abbozz ta’ liġi jista’ jitressaq quddiem il-Parlament mill-President, mill-Kabinett, mill-kumitati parlamentari, minn mhux inqas minn ħames Membri Parlamentari jew, f’każijiet u skont il-proċeduri previsti fil-Kostituzzjoni, minn għaxra fil-mija tal-votanti kollha.
Il-Parlament jeżamina l-abbozz ta’ liġi fi tliet qari. Abbozzi ta’ liġi li jitqiesu urġenti, l-abbozz tal-Baġit tal-Istat, l-emendi għall-Baġit tal-Istat u l-abbozzi ta’ liġi li jipprovdu għall-adozzjoni ta’ ftehimiet internazzjonali jiġu adottat fit-tieni qari.
Abbozz ta’ liġi jitqies li ġie adottat u jsir liġi jekk ikun ġie eżaminat fi tliet qari, jew f’żewġ qari fil-każijiet imsemmija hawn fuq, u meta abbozz li jitressaq għal vot ikollu l-maġġoranza assoluta tal-voti tal-Membri Parlamentari preżenti.
Il-liġijiet kollha adottati jintbagħtu mill-Kumitat ta’ Tmexxija (Prezidijs) tas-Saeima lill-President għall-promulgazzjoni.
Il-President jippromulga l-liġijiet adottati mis-Saeima mhux qabel l-għaxar jum u mhux aktar tard mill-wieħed u għoxrin jum wara l-adozzjoni tagħhom. Il-liġi tidħol fis-seħħ fl-erbatax-il jum wara l-promulgazzjoni tagħha (pubblikazzjoni) fil-Latvijas Vēstnesis, il-gazzetta uffiċjali, sakemm il-liġi ma tipprevedix skadenza differenti.
Il-President għandu s-setgħa jitlob li liġi terġa’ tiġi kkunsidrata jew li tiġi posposta l-pubblikazzjoni tagħha sa massimu ta’ xahrejn.
Il-President jeżerċita d-dritt li jitlob li liġi terġa’ tiġi kkunsidrata mill-ġdid fuq inizjattiva propja, iżda jista’ jipposponi l-pubblikazzjoni ta’ liġi biss fuq talba ta’ mhux inqas minn terz tal-Membri Parlamentari kollha. Il-President jew terz tal-Membri Parlamentari kollha jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet imsemmija hawn fuq fi żmien għaxart ijiem mill-adozzjoni tal-liġi mis-Saeima.
Liġi li tiġi sospiża skont il-proċedura msemmija hawn fuq titgħadda għal votazzjoni permezz ta’ referendum nazzjonali, jekk din tintalab minn mhux inqas minn għaxra fil-mija tal-votanti kollha matul il-proċedura tal-ġbir tal-firem. Madankollu, jekk ma ssir l-ebda talba fi żmien xahrejn, il-liġi tiġi ppubblikata. Ir-referendum ma jsirx jekk is-Saeima jerġa’ jivvota fuq il-liġi kkonċernata u jekk tal-inqas tliet kwarti tal-Membri Parlamentari kollha jivvutaw favur l-adozzjoni tagħha.
Liġi adottata mill-Parlament u sospiża mill-President tista’ titħassar permezz ta’ referendum jekk tal-inqas nofs il-votanti li pparteċipaw fl-elezzjonijiet preċedenti tas-Saeima jieħdu sehem fir-referendum u l-maġġoranza tagħhom jivvutaw favur it-tħassir tal-liġi.
Madankollu mhux kull liġi tista’ tiġi sottoposta għal referendum. Il-Baġit u l-liġijiet dwar is-self, it-taxxi, id-Dwana, it-tariffi ferrovjarji, is-servizzi militari, id-dikjarazzjoni u l-bidu ta’ gwerra, il-konklużjoni ta’ trattat tal-paċi, id-dikjarazzjoni u t-tħassir ta’ stat ta’ emerġenza, il-mobilizzazzjoni u d-demobilizzazzjoni u l-ftehimiet ma’ pajjiżi barranin ma jistgħux ikunu soġġetti għal referendum.
Liġi tidħol fis-seħħ fl-erbatax-il jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Latvijas Vēstnesis, sakemm il-liġi ma tispeċifikax skadenza oħra. It-terminu għad-dħul fis-seħħ ta’ liġi jibda jiddekorri mill-jum wara l-pubblikazzjoni ta’ dik il-liġi.
Abbozz ta’ regolament imfassal minn Ministeru, mill-Kanċellerija tal-Istat jew minn korp amministrattiv pubbliku li jirrapporta lill-Prim Ministru jista’ jiġi ppreżentat lill-Kabinett minn membru tal-Kabinett.
Abbozz ta’ regolament imfassal minn kap ta’ awtorità lokali jew ta’ Stat ieħor, minn NGO jew minn sħab soċjali jista’ jiġi ppreżentat għal kunsiderazzjoni minn kumitat tal-Kabinett jew mill-Kabinett innifsu biss permezz tal-membru tal-Kabinett li huwa politikament responsabbli għall-qasam, għas-settur jew għas-sottosettur rispettiv.
L-abbozzi ta’ regolamenti ppreżentati lill-Kabinett jiġu nnotifikati u diskussi waqt il-laqgħat tas-Segretarji tal-Istat. Ladarba abbozz ta’ regolament tal-Kabinett jkun ġie nnotifikat, dan jintbagħat lill-Ministeri rilevanti għall-approvazzjoni tagħhom u, jekk ikun meħtieġ, lil istituzzjonijiet rilevanti oħra. Il-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Ministeru tal-Finanzi jagħtu l-opinjoni tagħhom fuq kull abbozz ta’ liġi. Ir-rappreżentanti tal-NGOs jistgħu jissottomettu wkoll l-opinjonijiet tagħhom matul il-proċess ta’ approvazzjoni.
L-abbozzi ta’ regolamenti li dwarhom ikun intlaħaq ftehim jiġu eżaminati waqt laqgħa tal-Kabinett, filwaqt li dawk li dwarhom ma jkunx intlaħaq ftehim jiġu diskussi waqt laqgħa tas-Segretarji tal-Istat jew waqt laqgħa tal-kumitat tal-Kabinett. Kull proġett li dwaru jkun intlaħaq qbil waqt tali laqgħa jintbagħat għal aktar kunsiderazzjoni waqt laqgħa tal-Kabinett. Jekk waqt il-laqgħa tal-Kabinett l-abbozz tar-regolament jiġi approvat, jitqies li ġie adottat u jsir regolament tal-Kabinett.
Regolamenti tal-Kabinett jiġu promulgati bil-pubblikazzjoni fil-Latvijas Vēstnesis, il-gazzetta uffiċjali.
Regolamenti tal-Kabinett jidħlu fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħhom fil-Latvijas Vēstnesis, sakemm ma jipprevedux mod ieħor.
Regolamenti tal-Kabinett ma jibqgħux fis-seħħ fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:
Il-proċedura għall-promulgazzjoni, għad-dħul fis-seħħ u għall-abrogazzjoni ta’ regolamenti tal-Bank tal-Latvja, tal-Kummissjoni għas-Suq Finanzjarju u tal-Kapital, u tal-Kummissjoni għall-Utilitajiet Pubbliċi hija ekwivalenti għall-proċeduri għall-promulgazzjoni, għad-dħul fis-seħħ u għall-abrogazzjoni ta’ regolamenti tal-Kabinett.
Abbozzi ta’ regolamenti vinkolanti tal-gvern lokali jistgħu jiġu ppreżentati lil kunsill lokali mill-president tal-kunsill, minn kumitat tal-kunsill, minn membri tal-kunsill, minn min ikun sejjaħ għal laqgħa straordinarja jew mill-kap ta’ amministrazzjoni ta’ belt, ta’ raħal jew ta’ parroċċa.
Abbozzi ta’ regolamenti vinkolanti tal-gvern lokali jiġu adottati u jsiru vinkolanti jekk aktar minn nofs il-membri tal-kunsill lokali jivvutaw favur, sakemm l-istatut ma jipprevedix mod ieħor.
Il-kunsill jibgħat ir-regolamenti u memorandum ta’ spjegazzjoni lill-Ministeru għall-Ħarsien tal-Ambjent u l-Iżvilupp Reġjonali bil-miktub u f’forma elettronika fi żmien tlett ijiem mid-data tal-iffirmar. Il-Ministeru jivvaluta l-legalità tar-regolamenti fi żmien xahar minn meta jirċevihom u jibgħat l-opinjoni tiegħu lill-kunsill lokali.
Jekk l-opinjoni tal-Ministeru ma jkunx fiha oġġezzjonijiet fir-rigward tal-legalità tar-regolamenti, jew jekk il-kunsill lokali ma jirċevix l-opinjoni fil-limitu ta’ żmien speċifikat, dan joħroġ ir-regolamenti vinkolanti kif adottati.
Jekk il-kunsill lokali jirċievi opinjoni mill-Ministeru li ssib li r-regolamenti huma kompletament jew parzjalment illegali, il-kunsill lokali jagħmel titjib għar-regolamenti skont l-opinjoni u joħroġ regolamenti emendati. Jekk il-kunsill lokali ma jaqbilx mal-opinjoni kollha kemm hi jew ma’ parti minnha, jipprovdi ġustifikazzjoni fid-deċiżjoni tiegħu u joħroġ ir-regolamenti. Ir-regolamenti jintbagħtu lill-Ministeru għall-Ħarsien tal-Ambjent u l-Iżvilupp Reġjonali bil-miktub u f’forma elettronika fi żmien tlett ijiem mid-data li fiha ġew iffirmati.
Il-kunsill ta’ belt (Republikas pilsētas dome) jippubblika regolamenti vinkolanti u l-memorandum ta’ spjegazzjoni li jakkumpanjahom fil-gazzetta uffiċjali, Latvijas Vēstnesis. Kunsill muniċipali (novada dome) jippubblika regolamenti vinkolanti u l-memorandum ta’ spjegazzjoni li jakkumpanjahom fil-Latvijas Vēstnesis (mis-6 ta’ Novembru 2015) jew f’gazzetta lokali jew f’pubblikazzjoni mingħajr ħlas.
Kunsill muniċipali jrid jadotta regolamenti vinkolanti u għandu jispeċifika l-post tal-pubblikazzjoni ta’ tali regolamenti, u għandu jippubblika dik l-għażla fil-Latvijas Vēstnesis. Kunsill muniċipali ma jistax ibiddel il-post fejn jippubblika r-regolamenti vinkolanti aktar minn darba fis-sena. Wara d-dħul fis-seħħ tagħhom, ir-regolamenti vinkolanti tal-gvern lokali jiġu ppubblikati fuq is-sit web tal-gvern lokali. Regolamenti vinkolanti promulgati mill-kunsilli muniċipali huma disponibbli wkoll fil-bini tal-kunsill muniċipali u fl-uffiċċji amministrattivi tal-parroċċa ċivili jew tal-belt.
Regolamenti vinkolanti jidħlu fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħhom fil-post uffiċjali ta’ pubblikazzjoni tagħhom, sakemm ma jispeċifikawx data aktar tard għad-dħul fis-seħħ.
Regolamenti vinkolanti tal-gvern lokali ma jibqgħux fis-seħħ fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:
Il-pubblikazzjoni uffiċjali Latvijas Vēstnesis, hija l-gazzetta uffiċjali tar-Repubblika tal-Latvja. Il-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni fiha tikkostitwixxi l-pubblikazzjoni uffiċjali tagħha.
Mill-1 ta’ Lulju 2012, il-gazzetta uffiċjali Latvijas Vēstnesis bdiet tiġi uffiċjalment ippubblikata f’forma elettronika fuq is-sit web https://www.vestnesis.lv/. L-informazzjoni li ġiet ippubblikata fuq is-sit web https://www.vestnesis.lv/ qabel dik id-data kienet biss għal skopijiet ta’ informazzjoni: qabel dan il-pubblikazzjoni uffiċjali kienet il-verżjoni stampata tal-Latvijas Vēstnesis.
L-istatuti, ir-regolamenti tal-Kabinett u l-liġijiet u r-regolamenti l-oħra konsolidati huma disponibbli fuq is-sit web leġiżlattiv Latvjan http://www.likumi.lv/. Il-liġijiet u r-regolamenti konsolidati kollha ppubblikati fuq is-sit web huma għal skopijiet ta’ informazzjoni biss. Is-sit web jiġi ġestit mill-pubblikatur uffiċjali VSIA Latvijas Vēstnesis.
Il-pubblikatur tal-gazzetta uffiċjali elettronika Latvijas Vēstnesis huwa l-istess wieħed li kien jippubblika l-edizzjoni stampata preċedenti li kellha l-istess isem:VSIA Latvijas Vēstnesis.
Il-pubblikatur uffiċjali jopera skont l-istandards internazzjonali ISO 9001:2015 (ġestjoni tal-kwalità) u ISO 27001:2013 (sigurtà tal-informazzjoni).
Iva, Latvijas Vēstnesis hija disponibbli mingħajr ħlas. L-arkivju elettroniku tal-edizzjoni stampata preċedenti tal-Latvijas Vēstnesis huwa disponibbli wkoll mingħajr ħlas. L-aċċess għas-sit web tal-atti legali kkonsolidati huwa wkoll mingħajr ħlas.
Saeima (Il-Parlament tar-Repubblika tal-Latvja)
Kabinett tar-Repubblika tal-Latvja
Il-Kummissjoni għas-Suq Finanzjarju u tal-Kapital
Kummissjoni għall-Utilitajiet Pubbliċi
Informazzjoni ta’ kuntatt għall-awtoritajiet lokali
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.