Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Jekk jogħġbok innota li dawn il-lingwi li ġejjin diġà ġew tradotti.
Swipe to change

Leġiżlazzjoni nazzjonali

Irlanda

Din il-paġna tagħtik informazzjoni fuq is-sistema legali fl-Irlanda.

Il-kontenut ipprovdut minn
Irlanda

Is-sistema legali Irlandiża tieħu minn varjeta` ta’ sorsi legali u topera fi ħdan il-qafas tal-‘liġi komuni’. Il-Kostituzzjoni preżenti tal-Irlanda hija l-liġi bażika tal-istat u daħlet fis-seħħ fid 29 ta’ Diċembru 1937. L-Artikolu 15.2.1 tal-Kostituzzjoni jipprovdi li s-setgħa unika u esklużiva li tagħmel il-ligijiet hija mogħtija lil Oireachtas (Parlament). L-Artikolu 34.1 tal-Kostituzzjoni jipprovdi wkoll li l-ġustizzja trid tkun amministrata mill-qrati stabbiliti bil-liġi, ippreseduti minn imħallfin maħtura skont kif hu spjegat fil-Kostituzzjoni.

Il-Kostituzzjoni tipprovdi għas-separazzjoni tal-poteri fi tlieta: leġislattiv, eżekuttiv u l-ġudizzjarju. Dan jiżgura illi l-ebda organu tal-istat ma jista’ jfixkel is-setgħat mogħtija lit-tnejn l-oħra.

Minkejja is-separazzjoni tal-poteri, il-qrati jeżerċitaw setgħa kostituzzjonali meta jirrevedu il-kostituzzjonalita` u l-legalita` tal-organi l-oħra tal-istat. Il-ġudikatura hija indipendenti mill-gvern waqt li teżerċita l-funzjonijet tagħha.

Id-drittijiet fundamentali taċ-ċittadin huma garantiti fl-Artikoli 40–44 tal-Kostituzzjoni.

Sorsi tal-liġi

Tipi ta’ strumenti legali – deskrizzjoni

Taħt l-Artikolu 15.1 tal-Kostituzzjoni, l-Oireachtas jikkonsisti fil-President, id-Dáil Éireann u s-Seanad Éireann. L-Artikolu 15.2.1 jipprovdi li s-setgħa unika u esklużiva li tagħmel il-ligijiet għall-Istat hija mogħtija lil Oireachtas – Atti tal-Oireachtas huma magħrufa bħala ‘leġiżlazzjoni primarja’.

L-Artikolu 15.2.2 jipprovdi għat-twaqqif u r-rikonoxximent ta’ ‘leġislaturi subordinati’ jew leġiżlazzjoni sekondarja: bħal ordnijiet, regolamenti, regoli, skemi jew by-laws magħmula fl-eżerċizzju tas-setgħat mogħtija fil-limiti tal-istatut stabbiliti mill-Oireachtas. Ministru tal-gvern (jew awtorita` lokali kif ikun il-każ) jista’ jagħmel dik il-leġiżlazzjoni biss fil-parametri u l-limiti stabbiliti mill-Oireachtas.

Il-fergħa ġudizzjarja tal-istat hija eżerċitata mill-ġudikatura, skont l-Artikolu 34 tal-Kostituzzjoni u ċertu leġiżlazzjoni: primarjament l-Att tal-1961 dwar it-Twaqqif u l-Kostituzzjoni tal-Qrati u l-Att tal-1961 dwar id-Dispożizzjonijiet Supplimentali tal-Qrati, kif emendat. Il-ġurisprudenza hija liġi magħmula mill-imħallfin u deċiżjonijiet li jinterpretaw u jiżviluppaw il-ġurisprudenza u jinterpretaw il-leġiżlazzjoni.

Gerarkija ta’ normi

Il-Kostituzzjoni hija l-liġi suprema tal-istat, u hija soġgetta biss għall-ħtiġijiet tal-Liġi Ewropea; hija tieħu preċedenza fuq, sorsi tal-liġi inferjuri oħra, inkluża l-liġi komuni. Kwalunkwe regoli li joħorġu minn dawk is-sorsi jiddependu mill-Kostituzzjoni għal validita` tagħhom. Liġi komuni jew regola leġiżlattiva li tikkonfliġġi ma’ dispożizzjoni tal-Kostituzzjoni hija invalida, u konsegwentement mingħajr effett. Id-dispożizzjonijiet tal-Kostituzzjoni huma soġġetti għall-interpretazzjoni tal-qrati ogħla, iżda kwalunkwe emenda tal-Kostituzzjoni teħtieġ referendum popolari.

L-Irlanda hija stat duwalista. L-Artikolu 29.6 tal-Kostituzzjoni jipprovdi illi l-ftehimiet internazzjonali għandhom il-forza ta’ liġi safejn jiġi determinat mill-Oireachtas (Parlament). Dan ifisser li t-trattati internazzjonali ffirmati għandhom ikunu inkorporati fil-liġi domestika bil-leġiżlazzjoni qabel ma jibdew japplikaw fl-Istat. L-eċċezzjoni ta’ dan hija l-liġi tal-Unjoni Ewropea li, skont it-termini tal-Artikolu 29 tal-Kostituzzjoni, għandha l-forza ta’ liġi fl-Istat.  Dan ifisser li kull liġi jew miżura, li l-adozzjoni tagħha hi meħtieġa minħabba l-isħubija tal-Irlanda fl-Unjoni Ewropea, ma tistax, fil-prinċipju, tiġi invalidata b’xi dispożizzjoni tal-Kostituzzjoni.

Il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem ingħatat effett permezz tal-Att tal-2003 dwar il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem, li daħal fis-seħħ fil-31 ta’ Diċembru 2003. Il-Konvenzjoni hija parti mill-liġi Irlandiża, sakemm il-Konvenzjoni ma tikkonfliġġix mal-Kostituzzjoni.

Qafas istituzzjonali

Istituzzjonijiet responsabbli għall-adozzjoni ta’ regoli legali

Proċess ta’ teħid ta’ deċiżjoni

Jekk jogħoġbok irreferi għas-sit elettroniku għal aktar informazzjoni dwar l-istituzzjonijiet ewlenin tal-istat:

Bażijiet legali

L-Istatuti Irlandiżi Elettroniċi (electronic Irish Statute Book - eISB)

L- eISB jipprovdi:

  • Format xhtml li fih jista’ isir tiftix sħiħ
  • Atti tal-Oireachtas (Parlament) 1922 – 2008
  • Leġiżlazzjoni sekondarja (strumenti statutorji) 1922 – 2008
  • Direttorju tal-Leġiżlazzjoni (1922 –-2005)
  • l-Atti tal-2009 ta’ Oireachtas (Parlament) u leġiżlazzjoni sekondarja (strumenti statutorji) huma disponibbli fil-format PDF (ma tistax issir tiftixa fihom).

Is-sit elettroniku ufficjali tal-Houses of the Oireachtas

Fis-sit elettroniku uffiċjali tal-Houses of the Oireachtas tista’ ssib dan li ġej:

Leġiżlazzjoni attwali

Is-sit jagħtik aċċess għat-test sħiħ tal-Atti tal-Oireachtas mill-1997 sal-lum. Il-leġiżlazzjoni hija ppubblikata fl-ilsien li biha jsiru l-liġijiet jiġifieri jew l-Irlandiż jew l-Ingliż, jew it-tnejn, bl-obbligu li jiġi tradott fl-ilsien ufficjali l-ieħor. L-Irlandiż huwa l-ewwel ilsien uffiċjali. Ara l-artikoli 8 u 25.4.4 tal-Kostituzzjoni.

It-test tal-Att huwa provdut bħala fajl PDF, b’links fl-arranġament tal-artikoli (kontenut) għall-artikoli relevanti tal-Att.

Jiġu ppromulgati madwar 40 Att kull sena. It-test huwa provdut bħala HTML.

Abbozzi

Is-sit elettroniku jipprovdi wkoll aċċess għall-Abbozzi mill-1997 sal-lum. Dan jinkludi:

  • It-test oriġinali kollu tal-Abbozzi (inkluż memoranda ta’ spjegazzjoni)
  • Verżjonijiet emendati tal-Abbozzi (minn Kamra jew kumitat)
  • Links għal dibattiti tal-Abbozzi
  • Lista ta’ emendi tal-abbozzi. It-test tal-Abbozz huwa provdut bħala fajl PDF, b’links fl-arranġament tal-artikoli (kontenut) għall-artikoli relevanti.

Leġiżlazzjoni storika

Dan is-sit elettroniku jipprovdi l-Atti tal-Oireachtas 1922 – 2002 / Achtanna an Oireachtais 1922 – 2002.

L-aċċess għal dawn il-bażijiet ta’ dejta huwa mingħajr ħlas.

Links relatati

Informazzjoni fuq sistema Legali, Informazzjoni fuq l-Istituzzjonijiet ta' Stat u l-Kostituzzjoni, Gwida qasira tal-proċess leġiżlattiv , l-Istatuti Irlandiżi Elettroniċi

L-aħħar aġġornament: 12/11/2018

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Feedback

Uża l-formola li ġejja biex taqsam il-kummenti u l-feedback tiegħek fis-sit web ġdid tagħna