Leġiżlazzjoni nazzjonali

Ungerija

Din il-paġna tipprovdilek informazzjoni dwar l-ordinament ġuridiku fl-Ungerija.

Il-kontenut ipprovdut minn
Ungerija

Sorsi tal-liġi

I. Ġerarkija leġiżlattiva

1. Liġi Fundamentali

Il-Liġi Fundamentali tal-Ungerija (promulgata fil-25 ta’ April 2011), hija fil-quċċata tal-ġerarkija leġiżlattiva fl-Ungerija, u kull liġi oħra trid tkun kompatibbli magħha. Il-Liġi Fundamentali ġiet ippromulgata mill-Parlament Ungeriż (magħruf ukoll bħala l-Assemblea Nazzjonali), u emenda teħtieġ maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-voti tal-Membri Parlamentari kollha (l-Artikolu S(2) tal-Liġi Fundamentali).

Il-Liġi Fundamentali u d-dispożizzjonijiet tranżitorji tagħha (id-Dispożizzjonijiet Tranżitorji tal-Liġi Fundamentali tal-Ungerija, promulgati fil-31 ta’ Diċembru 2011) daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2012.

Il-Liġi Fundamentali tikkonsisti f’sitt taqsimiet: preambolu intitolat Dikjarazzjoni Nazzjonali kif ukoll it-taqsimiet intitolati Bażi(l-Artikolu A sa U), Libertà u Responsabbiltà (l-Artikolu I sa XXXI), L-Istat (l-Artikolu 1 sa 54), Ordinamenti Ġuridiċi Speċjali, u Dispożizzjonijiet Finali u Mixxellanji.

It-taqsima intitolata Bażi fiha dispożizzjonijiet ġenerali u tiddefinixxi dawn li ġejjin:

  • il-forma tal-gvern,
  • il-prinċipji fundamentali tal-operat tal-Istat,
  • it-trasferiment ta’ ċerti setgħat lill-Unjoni Ewropea,
  • l-entitajiet amministrattivi pubbliċi u reġjonali tal-Ungerija,
  • id-dispożizzjonijiet ewlenin dwar iċ-ċittadinanza Ungeriża u dwar kif din tista’ tinkiseb,
  • il-lingwa uffiċjali, l-istemma araldika, il-bandiera, l-innu nazzjonali, il-festi nazzjonali u l-munita uffiċjali tal-Ungerija,
  • il-pożizzjoni tal-Liġi Fundamentali fl-ordinament ġuridiku tal-Ungerija, jiġifieri l-Liġi Fundamentali hija l-bażi tal-ordinament ġuridiku tal-Ungerija,
  • il-proċedura għall-adozzjoni u għall-emendar tal-Liġi Fundamentali,
  • it-tipi ta’ leġiżlazzjoni Ungeriża,
  • għadd ta’ prinċipji fundamentali, li jinkludu:
    • il-projbizzjoni tal-assunzjoni u tal-eżerċitar tas-setgħa bil-forza,
    • ir-responsabbiltà għad-destin ta’ Ungeriżi li jgħixu lil hinn mill-fruntieri tal-Ungerija,
    • il-kooperazzjoni fit-twaqqif tal-unità Ewropea,
    • il-ħarsien tal-istituzzjoni taż-żwieġ,
    • l-iżgurar tal-kundizzjonijiet għall-kompetizzjoni ġusta,
    • il-prinċipju ta’ ġestjoni baġitarja bilanċjata, trasparenti u sostenibbli,
    • l-obbligu tal-protezzjoni u s-sostenn tar-riżorsi naturali,
    • il-ħolqien u l-preservazzjoni tal-paċi u tas-sigurtà, u l-impenn favur kooperazzjoni man-nazzjonijiet u mal-pajjiżi kollha tad-dinja biex jinkiseb żvilupp sostenibbli tal-umanità.

It-taqsima intitolata Libertà u Responsabbiltà tistabbilixxi d-drittijiet u l-obbligi fundamentali. Is-segwenti (fost oħrajn) huma rikonoxxuti bħala drittijiet fundamentali:

  • id-dritt għall-ħajja u għad-dinjità tal-bniedem,
  • il-projbizzjoni tat-tortura, ta’ trattament jew ta’ pieni inumani jew degradanti, tal-iskjavitù jew tas-servitù, u tat-traffikar tal-bnedmin,
  • il-projbizzjoni tal-prattiki ewġeniċi kollha, ta’ kwalunkwe użu tal-ġisem tal-bniedem jew ta’ xi partijiet minnu għal qligħ finanzjarju, u tal-ikklonjar tal-bnedmin,
  • id-dritt għal-libertà u għas-sigurtà personali, u dispożizzjonijiet li jiggarantixxu li ħadd ma jiċċaħħad mil-libertà tiegħu,
  • id-dritt għal-libertà tal-moviment u tal-għażla ħielsa tar-residenza,
  • id-dritt għall-ħajja privata u tal-familja,
  • id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali u l-aċċess għad-data ta’ interess pubbliku,
  • id-dritt għal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon,
  • id-dritt għal-libertà ta’ għaqda paċifika,
  • id-dritt għal-libertà ta’ espressjoni,
  • id-dritt għall-edukazzjoni u l-kultura,
  • id-dritt li wieħed jagħżel b’mod liberu x-xogħol, l-okkupazzjoni u l-attivitajiet intraprenditorjali tiegħu,
  • id-dritt għall-proprjetà,
  • il-projbizzjoni tat-tkeċċija ta’ ċittadini Ungeriżi mit-territorju tal-Ungerija,
  • id-dritt għall-asil,
  • l-ugwaljanza quddiem il-liġi,
  • in-nondiskriminazzjoni,
  • il-projbizzjoni tat-tħaddim tat-tfal,
  • id-dritt għal ambjent b’saħħtu,
  • id-dritt tal-vot u d-dritt ta’ kandidatura fl-elezzjonijiet tal-Membri tal-Parlament Ungeriż, tar-rappreżentanti lokali u tas-sindki, u fl-elezzjonijiet tal-Membri tal-Parlament Ewropew,
  • id-dritt ta’ kull ċittadin għal amministrazzjoni imparzjali u ġusta tal-kwistjonijiet personali tiegħu fi żmien raġonevoli,
  • id-dritt ta’ kull ċittadin Ungeriż li jkun protett mill-Ungerija matul is-soġġorn tiegħu barra minn pajjiżu,
  • u l-Liġi Fundamentali tiddefinixxi wkoll id-drittijiet tan-nazzjonalitajiet u d-drittijiet ewlenin ta’ persuni soġġetti għal proċedimenti kriminali.

Skont il-Liġi Fundamentali, l-Ungerija tistinka biex, fost oħrajn:

  • tipprovdi sigurtà soċjali għaċ-ċittadini kollha tagħha,
  • tipprovdi akkomodazzjoni diċenti lil kull persuna kif ukoll aċċess għas-servizzi pubbliċi.

Il-Liġi Fundamentali tistabbilixxi wkoll diversi obbligi, jiġifieri:

  • l-obbligu li wieħed jikkontribwixxi għas-sodisfar tal-ħtiġijiet komuni (kondiviżjoni ta’ piżijiet pubbliċi), u
  • l-obbligu għaċ-ċittadini Ungeriżi li jiddefendu lill-pajjiżhom.

It-taqsima tal-Liġi Fundamentali intitolata L-Istat fiha l-aktar regoli fundamentali li japplikaw għad-dinjitarji pubbliċi u għall-aktar istituzzjonijiet importanti tal-pajjiż, u tistabbilixxi l-istatus ġuridiku u l-kompiti ta’:

  • il-parlament,
  • il-President tar-Repubblika,
  • il-Gvern,
  • il-korpi regolatorji awtonomi,
  • il-Qorti Kostituzzjonali,
  • is-servizzi ġudizzjarji u ta’ prosekuzzjoni,
  • il-Kummissarju għad-Drittijiet Fundamentali,
  • il-gvernijiet lokali,
  • il-Bank Nazzjonali tal-Ungerija,
  • l-Uffiċċju tal-Awdituri tal-Istat,
  • il-Forzi Armati Ungeriżi
  • il-pulizija u s-servizzi tas-sigurtà nazzjonali,
  • ir-referenda nazzjonali.

It-taqsima tal-Liġi Fundamentali intitolata Ordinamenti Ġuridiċi Speċjali fiha regoli li jirregolaw stati ta’ kriżi nazzjonali, stati ta’ emerġenza, stati ta’ difiża preventiva, attakki imprevisti u stati ta’ periklu estrem.

2. Atti tal-Parlament

Fl-Ungerija, l-Atti jiġu adottati mill-Parlament. Skont il-Liġi Fundamentali r-regoli dwar id-drittijiet u l-obbligi fundamentali jiġu determinati mill-Atti. L-atti tal-Parlament jiġu adottati b’maġġoranza sempliċi tal-voti (aktar minn nofs il-voti tal-membri preżenti). Dan ma japplikax għall-hekk imsejħa Atti kardinali definiti mil-Liġi Fundamentali, li l-adozzjoni u l-emenda tagħhom jeħtieġu maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-voti tal-Membri tal-Parlament preżenti.

Skont il-Liġi Fundamentali l-Atti kardinali japplikaw pereżempju għaċ-ċittadinanza, għall-knejjes, għad-drittijiet tal-minoranzi nazzjonali li jgħixu fl-Ungerija, għall-istatus ġuridiku u għar-remunerazzjoni tal-Membri tal-Parlament u tal-President tar-Repubblika, għall-Qorti Kostituzzjonali, għall-gvernijiet lokali, ir-regoli dettaljati għall-użu tal-istemma araldika u tal-bandiera, kif ukoll id-dispożizzjonijiet dwar l-onorifiċenzi tal-Istat.

Skont il-Liġi Fundamentali, l-awtorizzazzjoni biex tiġi rikonoxxuta n-natura vinkolanti tat-Trattati kostituttivi u emendatorji tal-Unjoni Ewropea, għad-dikjarazzjoni ta’ stat ta’ gwerra, għall-konklużjoni tal-paċi u għad-dikjarazzjoni ta’ stat ta’ ordinament ġuridiku speċjali, teħtieġ maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-voti tal-Membri Parlamentari kollha.

Qabel l-adozzjoni tal-Att XXXI tal-1989 dwar l-emenda tal-Kostituzzjoni, il-Kunsill Presidenzjali tal-Ungerija kien awtorizzat joħroġ ordnijiet amministrattivi. Mill-perspettiva tal-ġerarkija leġiżlattiva, l-ordnijiet amministrattivi li għadhom fis-seħħ jikkwalifikaw bħala regolamenti fuq l-istess livell tal-Atti.

3. Digrieti

Il-Liġi Fundamentali tirrikonoxxi d-digrieti tal-gvern, id-digrieti tal-Prim Ministru, id-digrieti ministerjali, id-digrieti mill-Gvernatur tal-Bank Nazzjonali tal-Ungerija, id-digrieti mill-kapijiet ta’ korpi regolatorji awtonomi u d-digrieti tal-gvern lokali. Id-digrieti jistgħu jinħarġu wkoll mill-Kunsill Nazzjonali għad-Difiża waqt stat ta’ kriżi nazzjonali, u mill-President tar-Repubblika waqt stat ta’ emerġenza.

3.1. Digriet tal-Gvern

L-awtorità tal-Gvern li jippromulga digrieti tista’ tkun primarja jew ibbażata fuq setgħat iddelegati lilu mill-Atti. Is-setgħat primarji huma stabbiliti mill-Artikolu 15(3) tal-Liġi Fundamentali, li jgħid li l-Gvern jista’ joħroġ digrieti fl-isfera tal-awtorità tiegħu dwar kwalunkwe kwistjoni li ma tkunx regolata minn Att. L-ebda digriet tal-Gvern ma għandu jkun f’konflitt ma’ xi Att ieħor. Dan ma jillimitax is-setgħat tal-Parlament, li jista’ jilleġisla dwar kull qasam regolatorju taħt l-awtorità tiegħu.

Skont il-Liġi Fundamentali u l-Att CXXX tal-2010 dwar il-leġiżlazzjoni, il-Gvern jista’, abbażi wkoll ta’ awtorità leġiżlattiva speċifika, jippromulga digrieti li jimplimentaw Atti. Skont it-Taqsima 5(1) tal-Att CXXX tal-2010, l-awtorizzazzjoni għall-ħruġ ta’ regolamenti ta’ implimentazzjoni għandha tispeċifika d-detentur, is-suġġett u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-awtorità. Id-detentur tal-awtorità ma jistax jgħaddi l-awtorità leġiżlattiva lil xi parti oħra.

3.2. Digrieti tal-Prim Ministru

Skont il-Liġi Fundamentali, anke l-Prim Ministru jista’ joħroġ digrieti, pereżempju jista’ jaħtar b’digriet deputat prim ministru minn fost il-ministri. Id-digrieti tal-prim ministru ministerjali jikklassifikaw fuq l-istess livell tad-digrieti ministerjali fil-ġerarkija tal-leġiżlazzjoni.

3.3. Digrieti ministerjali

Id-digrieti ministerjali jikklassifikaw taħt id-digrieti tal-gvern fil-ġerarkija tal-leġiżlazzjoni. Skont il-Liġi Fundamentali l-ministri jadottaw digrieti permezz tal-awtorità konferita lilhom minn xi Att jew minn xi digriet tal-gvern (maħruġa fil-kompetenza leġiżlattiva oriġinali tagħhom), kemm jekk fuq bażi indipendenti jew bi ftehim ma’ xi ministru ieħor; tali digrieti ma jistgħux ikunu f’konflitt ma’ xi Att, xi digriet tal-gvern jew xi digriet tal-Gvernatur tal-Bank Nazzjonali tal-Ungerija.

3.4. Digrieti tal-Gvernatur tal-Bank Nazzjonali tal-Ungerija

Abbażi tal-kompetenza tiegħu kif definit minn Att kardinali, il-Gvernatur tal-Bank Nazzjonali tal-Ungerija jista’ joħroġ digrieti bis-saħħa ta’ awtorizzazzjoni statutorja, li ma jistgħux ikunu f’konflitt ma’ xi liġi oħra.

3.5. Digrieti tal-kapijiet ta’ korpi regolatorji awtonomi

Skont l-Artikolu 23(4) tal-Liġi Fundamentali, u abbażi tal-kompetenzi tagħhom definiti f’Att kardinali, il-kapijiet ta’ korpi regolatorji awtonomi joħorġu digrieti permezz ta’ awtorizzazzjoni statutorja, li ma jistgħux ikunu f’konflitt ma’ xi Att, digriet tal-gvern, digriet tal-Prim Ministru, digriet ministerjali jew ma’ xi digriet tal-Gvernatur tal-Bank Nazzjonali tal-Ungerija.

3.6. Digrieti tal-gvern lokali

Skont l-Artikolu 32(2) tal-Liġi Fundamentali, u abbażi tal-kompetenzi tagħhom, il-gvernijiet lokali jistgħu jadottaw digrieti lokali sabiex jirregolaw ir-relazzjonijiet soċjali lokali li mhumiex regolati minn xi Att jew bl-awtorità ta’ xi Att. Id-digrieti tal-gvern lokali ma jistgħux ikunu f’konflitt ma’ xi leġiżlazzjoni oħra.

Ir-regoli dettaljati dwar id-digrieti li għandhom jiġu adottati minn korpi rappreżentattivi tal-gvern lokali huma stabbiliti fl-Att CLXXXIX tal-2011 dwar il-gvernijiet lokali tal-Ungerija.

4. Ftehimiet internazzjonali u l-prinċipji fundamentali tad-dritt internazzjonali

Il-Gvern tal-Ungerija jista’ jikkonkludi ftehimiet internazzjonali ma’ stati oħra jew mal-gvernijiet ta’ stati oħra. Fl-Ungerija, ir-relazzjoni bejn il-ftehimiet internazzjonali u l-liġi nazzjonali hija bbażata fuq sistema duwalista; jiġifieri, il-ftehimiet internazzjonali jsiru parti mil-liġi nazzjonali permezz tal-promulgazzjoni tagħhom tramite regolamenti legali.

Prinċipji tad-dritt internazzjonali

Skont l-Artikolu Q(3) tal-Liġi Fundamentali, l-Ungerija taċċetta r-regoli ġeneralment rikonoxxuti tad-dritt internazzjonali. Id-dritt internazzjonali konswetudinarju u l-prinċipji ġenerali tad-dritt internazzjonali jsiru parti mil-liġi nazzjonali mingħajr il-ħtieġa ta’ trasformazzjoni.

II. Sorsi ta’ liġi mhux leġiżlattivi

1. Strumenti legali tal-gvern tal-istat

L-ordinament ġuridiku Ungeriż jinkludi strumenti legali tal-gvern tal-istat li, għalkemm fihom dispożizzjonijiet normattivi, ma jikkwalifikawx bħala leġiżlazzjoni. L-Att dwar il-Leġiżlazzjoni (l-Att CXXX tal-2010) jiddefinixxi żewġ tipi ta’ strumenti legali tal-gvern tal-istat: deċiżjonijiet normattivi u digrieti normattivi. Dawn huma regoli ta’ kondotta li mhumiex vinkolanti fuq livell ġenerali, jiġifieri mhumiex vinkolanti fuq kulħadd. Huma sempliċement dispożizzjonijiet interni, normi organizzattivi u operattivi li jirrigwardaw biss l-emittent jew lill-korpi jew l-persuni subordinati tiegħu. Id-deċiżjonijiet u d-digrieti normattivi ma jistgħux jiddeterminaw id-drittijiet u l-obbligi taċ-ċittadini. L-istrumenti legali tal-gvern tal-istat ma jistgħux ikunu f’konflitt ma’ xi leġiżlazzjoni oħra u ma jistgħux jirrepetu dispożizzjonijiet leġiżlattivi.

Skont l-Att dwar il-Leġiżlazzjoni preċedenti (l-Att XI tal-1987) il-komunikazzjonijiet statistiċi u l-linji gwida legali kienu jikkwalifikaw ukoll bħala sorsi tal-liġi (magħrufa bħala strumenti legali oħra ta’ governanza) li ma jikkwalifikawx bħala leġiżlazzjoni. L-Att dwar il-Leġiżlazzjoni l-ġdid ma għadux isemmihom. Madankollu, filwaqt li l-linji gwida legali tħassru mad-dħul fis-seħħ tal-Att il-ġdid (fl-1 ta’ Jannar 2011), strumenti statistiċi maħruġa qabel dik id-data jibqgħu fis-seħħ sakemm jiġu abrogati. (Il-komunikazzjonijiet statistiċi jinħarġu mill-President tal-Uffiċċju Ċentrali tal-Istatistika u fihom dispożizzjonijiet legalment vinkolanti, li jikkonsistu esklussivament f’termini, f’metodi, fi klassifikazzjonijiet, f’listi u f’ċifri statistiċi.)

1.1. Deċiżjonijiet normattivi

F’deċiżjonijiet normattivi l-Parlament, il-gvern u korpi amministrattivi ċentrali oħra, il-Qorti Kostituzzjonali u l-Kunsill tal-Baġit jistgħu jistabbilixxu l-organizzazzjoni u l-funzjonament kif ukoll l-attivitajiet u l-programmi ta’ azzjoni tagħhom stess.

F’deċiżjonijiet normattivi l-korpi rappreżentattivi tal-gvern lokali jistgħu jistabbilixxu wkoll l-attivitajiet tagħhom stess kif ukoll dawk tal-korpi mmexxija minnhom, kif ukoll il-programmi ta’ azzjoni tagħhom u l-organizzazzjoni u l-funzjonament tal-korpi mmexxija minnhom. Bl-istess mod, f’deċiżjonijiet normattivi l-korp rappreżentattiv ta’ awtonomiji nazzjonali jista’ jistabbilixxi l-organizzazzjoni u l-funzjonament, l-attivitajiet u l-programmi ta’ azzjoni tiegħu stess kif ukoll dawk tal-korpi mmexxija minnhom.

1.2. Digrieti normattivi

Fil-limiti tal-kompetenzi tagħhom u kif previst fil-leġiżlazzjoni, il-President tar-Repubblika, il-Prim Ministru, il-kap tal-korpi amministrattivi ċentrali (minbarra l-gvern), il-President tal-Uffiċċju Ġudizzjarju Nazzjonali, il-Prosekutur Suprem, il-Kummissarju għad-Drittijiet Fundamentali, il-Gvernatur tal-Bank Nazzjonali tal-Ungerija, il-President tal-Uffiċċju tal-Awdituri tal-Istat, il-kap tal-uffiċċju tal-gvern metropolitan jew tal-kontea, is-sindki u s-segretarji tal-belt jistgħu jistabbilixxu, permezz ta’ digrieti normattivi, l-organizzazzjoni, il-funzjonament u l-attivitajiet tal-korpi mmexxija, ġestiti jew sorveljati minnhom.

Barra minn hekk, il-Parlament, il-President tar-Repubblika, il-Qorti Kostituzzjonali, il-Kummissarju għad-Drittijiet Fundamentali, il-korpi regolatorji awtonomi, l-Uffiċċju tal-Prim Ministru u l-kap tal-organizzazzjoni uffiċjali tal-ministeru jistgħu joħorġu digrieti normattivi li huma vinkolanti fuq il-persunal tal-organizzazzjoni.

2. Deċiżjonijiet tal-Qorti Kostituzzjonali

Id-deċiżjonijiet tal-Qorti Kostituzzjonali għandhom rwol importanti fis-sistema leġiżlattiva Ungeriża.

Skont l-Att CLI tal-2011 dwar il-Qorti Kostituzzjonali l-kompiti tal-Qorti Kostituzzjonali huma kif ġej:

  • ir-rieżami ex post tal-konformità tal-leġiżlazzjoni mal-Liġi Fundamentali (il-proċedura ta’ rieżami ex post);
  • ir-rieżami ex ante tal-konformità tal-Atti li ġew adottati iżda li għadhom ma ġewx promulgati u ta’ ċerti dispożizzjonijiet ta’ trattati internazzjonali mal-Liġi Fundamentali;
  • rieżami individwali fuq talba ta’ mħallef: jekk waqt is-smigħ ta’ kawża imħallef ikollu japplika leġiżlazzjoni li jqis li mhijiex kostituzzjonali jew li l-Qorti Kostituzzjonali tkun sabet li mhijiex kostituzzjonali, huwa għandu jissospendi l-proċedimenti u jitlob lill-Qorti Kostituzzjonali tiddikjara l-leġiżlazzjoni jew id-dispożizzjoni leġiżlattiva mhux kostituzzjonali u biex tipprojbixxi l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni mhux kostituzzjonali;
  • il-qtugħ ta’ sentenzi dwar ilmenti kostituzzjonali bbażati fuq ksur tad-drittijiet garantiti fil-Liġi Fundamentali: il-persuna jew l-organizzazzjoni involuta fil-każ individwali tista’ tippreżenta lment kostituzzjonali jekk id-dritt tagħha garantit fil-Liġi Fundamentali jkun inkiser wara l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni mhux kostituzzjonali fil-proċedimenti ġudizzjarji li jkunu għaddejjin fil-kawża, u jekk din tkun eżawriet il-possibbiltajiet kollha ta’ appell jew ma jkollhiex dritt għal appell;
  • l-eżaminar ta’ atti leġiżlattivi sabiex jiġi żgurat li ma jmorrux kontra xi ftehim internazzjonali;
  • ir-rettifika ta’ ommissjonijiet leġiżlattivi mil-leġiżlatur li jmorru kontra l-Liġi Fundamentali;
  • ir-riżoluzzjoni ta’ ċerti kunflitti ta’ kompetenza bejn il-korpi tal-istat jew bejn il-gvernijiet lokali u korpi statali oħrajn;
  • l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Liġi Fundamentali;
  • proċedimenti mixxellanji li jaqgħu taħt il-kompetenza tagħha skont id-dispożizzjonijiet tal-liġi.

Il-Qorti Kostituzzjonali tipprovdi raġunijiet dettaljati għad-deċiżjonijiet tagħha. Id-deċiżjonijiet tal-Qorti Kostituzzjonali ma jistgħux jiġu appellati u huma vinkolanti fuq kulħadd.

3. Ġurisprudenza tal-qrati nazzjonali

Sabiex taqdi r-responsabbiltà tagħha li tiżgura l-applikazzjoni uniformi tal-liġi u li tipprovdi gwida ġudizzjarja lill-qrati inferjuri, il-qorti suprema tal-Ungerija, il-Curia (magħrufa bħala l-Qorti Suprema qabel l-1 ta’ Jannar 2012) toħroġ deċiżjonijiet dwar l-uniformità ġudizzjarja u toħroġ deċiżjonijiet ġudizzjarji ta’ prinċipju.

Jista’ jingħata bidu għal proċedura ta’ uniformità ġudizzjarja jekk l-iżvilupp u l-uniformità tal-prassi ġudizzjarja jeħtieġu l-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar l-uniformità ġudizzjarja fi kwistjoni ta’ prinċipju, u jekk awla tal-Curia tkun beħsiebha tiddevja mid-deċiżjoni li tkun ittieħdet minn awla oħra tal-Curia. Deċiżjoni dwar l-uniformità fil-liġi hija vinkolanti fuq il-qrati.

Id-deċiżjonijiet ta’ prinċipju joħorġu mill-prassi tal-awli ġudizzjarji tal-Curia u jippromwovu wkoll l-uniformità fil-qtugħ ta’ sentenzi

Id-deċiżjonijiet li jittieħdu biex tiġi żgurata l-uniformità fil-liġi u d-deċiżjonijiet ta’ prinċipju jiġu ppubblikati fir-Repertorju Uffiċjali tad-Deċiżjonijiet tal-Qorti Suprema.

III. Kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni

Il-kamp ta’ applikazzjoni ġeografiku tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni jkopri t-territorju tal-Ungerija, filwaqt li dak tad-digrieti tal-gvern lokali jkopri ż-żona amministrattiva tal-gvern lokali. Il-kamp ta’ applikazzjoni personali tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni jkopri lill-persuni fiżiċi, lill-persuni ġuridiċi u lill-organizzazzjonijiet mingħajr personalità ġuridika fit-territorju tal-Ungerija, liċ-ċittadini Ungeriżi barra mit-territorju tal-Ungerija, u fil-każ ta’ digrieti tal-gvern lokali lill-persuni fiżiċi, lill-persuni ġuridiċi u lill-organizzazzjonijiet mingħajr personalità ġuridika fiż-żona amministrattiva tal-gvern lokali.

L-Att dwar il-Leġiżlazzjoni jipprojbixxi l-validità retroattiva, u jiddikjara li leġiżlazzjoni ma tistax tistabbilixxi obbligi jew tagħmilhom aktar onerużi, tirtira jew tirrestrinġi d-drittijiet jew tiddikjara mġiba bħala illegali fil-perjodu ta’ qabel id-dħul fis-seħħ tagħha.

Il-leġiżlazzjoni għandha dejjem tistabbilixxi d-data tad-dħul fis-seħħ tagħha b’tali mod li jkun hemm biżżejjed żmien disponibbli biex isiru t-tħejjijiet għall-applikazzjoni tagħha.

Il-leġiżlazzjoni u r-regolamenti ta’ implimentazzjoni tagħha għandhom jidħlu fis-seħħ fl-istess ħin. Parti minn leġiżlazzjoni (jew dispożizzjoni leġiżlattiva) ma tibqax valida jekk titħassar jew – jekk ikun fiha biss dispożizzjonijiet emendatorji jew abrogattivi – abbażi tal-Att dwar il-Leġiżlazzjoni.

IV. Bażijiet ta’ data ġuridiċi

Fl-Ungerija l-Gazzetta Uffiċjali hija l-Magyar Közlöny, li tiġi ppubblikata f’forma elettronika u li t-test tagħha għandu jitqies awtentiku.

Il-Gazzetta Uffiċjali Ungeriża fiha l-leġiżlazzjoni Ungeriża (minbarra d-digrieti tal-gvern lokali), li tinkludi:

  • id-digrieti u d-deċiżjonijiet tal-Qorti Kostituzzjonali, li għandhom jiġu ppubblikati fil-Gazzetta Uffiċjali tal-Ungerija f’konformità mad-dispożizzjonijiet legali jew abbażi ta’ deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali;
  • id-deċiżjonijiet tal-Parlament;
  • id-deċiżjonijiet dwar l-uniformità ġudizzjarja tal-Curia;
  • l-opinjonijiet tal-Kumitat Elettorali Nazzjonali;
  • l-annessi, inkluża l-Ġabra ta’ Deċiżjonijiet;
  • ir-Rapport Uffiċjali.

Il-Bażi tad-Data tal-Leġiżlazzjoni Nazzjonali (Nemzeti Jogszabálytár) fiha l-leġiżlazzjoni kollha (minbarra digrieti tal-gvern lokali) u l-istrumenti legali tal-gvern tal-istat fis-seħħ fid-data tat-tfittxija. Din tiġi ppreżentata f’verżjoni konsolidata, flimkien ma’ emendi u tibdil ieħor.

Tista’ tfittex din l-informazzjoni skont it-titolu u n-numru, u tista’ wkoll tfittex it-test.

L-aċċess għal dawn il-bażijiet ta’ data huwa mingħajr ħlas, mingħajr ebda restrizzjoni.

Links relatati

Gazzetta Uffiċjali Elettronika Awtentika

Bażi tad-Data tal-Leġiżlazzjoni Nazzjonali

L-aħħar aġġornament: 17/07/2020

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.