Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna il-Grieg ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Swipe to change

Leġiżlazzjoni nazzjonali

Greċja

Din il-paġna tipprovdilek tagħrif dwar is-sistema legali tal-Greċja.

Il-kontenut ipprovdut minn
Greċja

Sorsi tad-dritt

  • Leġiżlazzjoni
  • Id-Dritt Internazzjonali konswetudinarju
  • Regoli tad-dritt internazzjonali li huma ġeneralment aċċettati
  • Id-dritt tal-Unjoni Ewropea
  • Il-konvenzjonijiet internazzjonali
  • Ġurisprudenza

Tipi ta’ strumenti legali - deskrizzjoni

  • Il-Kostituzzjoni (Σύνταγμα)
  • Il-liġi formali (Τυπικός νόμος)
  • Atti oħra b'kontenut leġiżlattiv (Πράξεις νομοθετικού περιεχομένου)
  • Digriet tal-President tar-Repubblika (Προεδρικό διάταγμα)
  • Miżuri amministrattivi (Διοικητικές πράξεις)
  • Trattati fundaturi tal-UE
  • Regolamenti tal-UE
  • Direttivi tal-UE
  • Il-konvenzjonijiet internazzjonali

Ġerarkija tas-sorsi

Is-Σύνταγμα (il-Kostituzzjoni) tippreċedi l-istrumenti legali domestiċi kollha u hija segwita, f’ordni ta’ importanza, mil-liġi, mid-Digriet Presidenzjali u l-miżuri amministrattivi. It-Trattati fundaturi tal-Unjoni Ewropea qegħdin fuq l-istess livell formali tal-Kostituzzjoni, filwaqt li strumenti legali internazzjonali oħra jippreċedu l-istrumenti legali domestiċi kollha minbarra l-Kostituzzjoni.

Il-qafas istituzzjonali

L-istituzzjonijiet responsabbli għall-promulgazzjoni tar-regoli legali

Meta jkun hemm il-bżonn li tiġi emendata jew supplimentata l-leġiżlazzjoni eżistenti, jew biex jiġu stabbiliti regoli tad-dritt ġodda, jew biex jiġu inkorporati regoli tad-dritt internazzjonali fil-leġiżlazzjoni domestika:

Il-Ministru kompetenti jitlob lill-kumitat leġiżlattiv speċjali biex ifassal abbozz ta' liġi.

Il-proċess leġiżlattiv

L-abbozz ta’ liġi mħejji mill-kumitat leġiżlattiv speċjali jintbagħat lill-kumitat leġiżlattiv ċentrali fi ħdan is-Segretarjat Ġenerali tal-Gvern, li jassigura illi l-abbozz ikun ġie mfassal sew, u jista' jagħmel aktar osservazzjonijiet fuq affarijiet bħall-konformità mal-Kostituzzjoni u mad-dritt internazzjonali.

Imbagħad l-abbozz tal-liġi jiġi ppreżentat lill-Parlament akkumpanjat minn memorandum ta' spjegazzjoni li jfisser il-ħsieb u l-għan tad-dispożizzjonijiet proposti. Jekk l-abbozz jinkludi nefqa mill-baġit tal-Istat, jiġu mħejjija rapport speċjali dwar l-infiq u rapport komparattiv mill-Uffiċċju Ġenerali Nazzjonali dwar il-Kontabilità (Γενικό Λογιστήριο του Κράτους). L-abbozzi tal-liġi għandhom jiġu akkumpanjati wkoll minn rapport li jevalwa miżuri li setgħu ttieħdu għal dan il-għan u rapport fuq il-konsultazzjoni pubblika ta' qabel il-preżentazzjoni tal-abbozz, ħlief f'każijiet eċċezzjonali. .

Il-President tal-Parlament jirreferi l-abbozz tal-liġi għad-dibattitu jew fis-sessjoni plenarja, jew mill-kumitati permanenti jew mill-kumitati supplimentari tal-Parlament. Ordnijiet għall-implimentazzjoni ta' Atti tal-Parlament isiru mill-President tar-Repubblika fuq proposta mill-ministri responsabbli. Dispożizzjonijiet speċifiċi legali jagħtu s-setgħa lill-awtoritajiet amministrattivi biex jieħdu miżuri li jirregolaw kwistjonijiet speċifiċi jew ta' interess lokali, tekniku jew minuri.

Skont l-Artikolu 28 tal-Kostituzzjoni, il-konvenzjonijiet internazzjonali, fil-mument ta' ratifikazzjoni tagħhom b'Att tal-Parlament, jsiru parti integrali mil-liġi domestika Griega u jipprevalu fuq kwalunkwe dispożizzjoni oħra li tmur kontra tagħhom li saret qabel, ħlief għad-dispożizzjonijiet tal-Kostituzzjoni.

Ir-regolamenti tal-UE huma universalment validi mal-Unjoni kollha; huma vinkolanti u direttament effettivi f’kull Stat Membru.

Id-direttivi tal-UE huma inkorporati fil-liġi domestika permezz tal-liġi, ta' digriet Presidenzjali jew ta' deċiżjoni ministerjali.

Fi żmien xahar mill-approvazzjoni tal-Att mill-Parlament, dan jiġi ffirmat mill-ministri responsabbli u mbagħad iffirmat u ppromulgat mill-President tar-Repubblika.

L-Att innifsu jispeċifika ż-żmien meta jidħol fis-seħħ. F'każ li ma jispeċifikax, huwa iidħol fis-seħħ 10 ijiem wara li jkun ġie ppubblikat fil-Gazzetta tal-Gvern (Εφημερίδα της Κυβερνήσεως) skont l-Artikolu 103 tal-Att Introduttorju tal-Kodiċi Ċivili.

Att li jirratifika Konvenzjoni jidħol fis-seħħ, bħala regola ġenerali, mal-pubblikazzjoni fil-Gazzetta tal-Gvern, u l-Konvenzjoni tidħol fis-seħħ fid-data speċifikata fil-Konvenzjoni.

Il-websajt tal-Βουλή των Ελλήνων (il-Parlament Grieg) turi l-Atti kollha promulgati mit-22 ta' Ottubru 1993 'il quddiem. Barra minn hekk, fuq il-websajt tal-Εθνικό Τυπογραφείο (l-Istamperija Nazzjonali), tista’ tuża s-sezzjoni 'Fittex'(‘Αναζητήσεις’) biex issib listi annwali sa mill-1890 tal-Atti u l-ordnijiet li jkunu saru, li juru s-suġġett u d-dettalji tagħhom fil-Gazzetta tal-Gvern li fiha ġew ippubblikati.

L-inizjattiva għal kull emenda ta' Att tal-Parlament tinsab f'idejn il-ministru responsabbli għall-qasam partikolari.

Att tal-Parlament jibqa' fis-seħħ sakemm ma jiġix abrogat minn Att ġdid.

Bażijiet tad-Dejta Ġuridiċi

  1. Il-Bażi tad-dejta ġuridika sħiħa hija l-proprjetà ta’ u tiġi ġestita mill-Istamperija Nazzjonali Griega.

L-aċċess huwa mingħajr ħlas (Artikolu 7 tal-Att Nru 3861/2010, ippubblikat fil-Gazzetta tal-Gvern FEK A/112/13-7-10)..

  1. Il-Bażi tad-dejta ġuridika sħiħa hija l-proprjetà ta’ Intracom u HOL u tiġi ġestita minnhom.

L-aċċess huwa soġġett għal ħlas.

  1. Is-sit tal-internet tan-Νομικό Συμβούλιο του Κράτους (Kunsill Legali tal-Istat)

L-aċċess huwa mingħajr ħlas.

Ħoloq relatati

Βουλή των Ελλήνων (Il-Parlament Grieg)

Εθνικό Τυπογραφείο (L-Istamperija Nazzjonali)

L-aħħar aġġornament: 04/07/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.