Leġiżlazzjoni nazzjonali

Finlandja

Din il-paġna tagħtik informazzjoni dwar is-sistema legali fil-Finlandja.

Il-kontenut ipprovdut minn
Finlandja

Sorsi tal-liġi

It-terminu “sorsi tal-liġi” jfisser is-sorsi fejn jinstabu r-regoli legali. Fil-Finlandja, uħud mis-sorsi tal-liġi huma nazzjonali u wħud huma internazzjonali. Uħud mis-sorsi huma miktubin, oħrajn mhumiex. Iktar ’l isfel għandek issib sommarju tas-sorsi kollha tal-liġi.

Tipi ta' strumenti legali – deskrizzjoni

Sorsi nazzjonali tal-liġi

L-iktar sorsi nazzjonali importanti tal-liġi huma l-liġijiet miktubin. F’dan il-kuntest, it-terminu “liġijiet” għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’ bħala li jfisser il-Kostituzzjoni, l-atti ordinarji (magħrufa wkoll bħala l-Atti tal-Parlament), id-digrieti – kemm jekk jinħarġu mill-President tar-Repubblika, mill-Kunsill tal-Ministri jew mill-ministeri – u r-regoli legali maħruġa mill-awtoritajiet ta’ grad inferjuri. Ir-regoli legali maħruġa mill-awtoritajiet ta’ grad inferjuri u d-digrieti jistgħu jinħarġu biss taħt l-awtorità tal-Kostituzzjoni jew ta’ Att ordinarju, li normalment jispeċifika l-entità jew l-awtorità Statali li ngħatat is-setgħa biex toħroġ tali regola.

F’ċirkustanzi fejn m’hemm l-ebda liġi miktuba, is-Sezzjoni 11 tal-Kapitolu 1 tal-Kodiċi ta’ Proċedura jipprovdi li d-drawwa tista’ tkun is-sors tal-liġi. Biex id-drawwa tkun vinkolanti, trid tkun ekwa. Ir-regola tad-drawwa tmur lura ħafna fiż-żmien u l-kunċett kurrenti tagħha mhux wisq speċfiku. Prinċipalment illum “drawwa” tfisser ċerti prattiki stabbiliti li jiġru, pereżempju, fl-attivivitajiet kummerċjali. Minħabba li r-regolamenti pprovduti fil-liġi miktuba issa huma pjuttost komprensivi, id-drawwa llum relattivament rari hija ta’ importanza bħala sors tal-liġi. F’uħud mill-oqsma, madankollu, bħal-liġi tal-kuntratti, il-liġi abitwali għadha pjuttost f’saħħitha anki llum.

Il-ħidma leġiżlattiva preparatorja u d-deċiżjonijiet tal-qrati huma wkoll sorsi tal-liġi. Il-ħidma leġiżlattiva preparatorja tipprovdi informazzjoni dwar l-intenzjoni tal-leġiżlatur u, għal dik ir-raġuni, tali dokumenti jintużaw fl-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni. Mid-diversi deċiżjonijiet tal-qrati, l-iktar importanti bħala sorsi tal-liġi huma dawk tal-ogħla qrati, jiġifieri l-Qorti Suprema u l-Qorti Amministrattiva Suprema. Id-deċiżjonijiet ta’ dawn iż-żewġ qrati jissejħu preċedenti. Għalkemm il-preċedenti mhumiex legalment vinikolanti, fil-prattika huma ferm importanti. Id-deċiżjonijiet tal-qrati l-oħra jistgħu wkoll ikunu importanti bħala sorsi tal-liġi. Tabilħaqq, f’ċirkustanzi fejn id-deċiżjoni ta’ qorti inferjuri tkun waħda finali, il-prassi tal-qrati inferjuri tista’ tkun ta’ importanza prattika kbira.

Il-ġurisprudenza, il-prinċipji legali ġenerali u l-argumenti fattwali huma wkoll sorsi nazzjonali tal-liġi. Il-kompitu speċifiku tal-ġurisprudenza huwa li tistħarreġ il-kontenut tas-sistema legali – l-interpretazzjoni u l-klassifikazzjoni tar-regoli legali – u għal dik ir-raġuni hija wkoll hija sinifikanti bħala sors tal-liġi. Il-prinċipji legali ġenerali u l-argumenti prattiċi jista’ wkoll ikollhom importanza bħala sorsi tal-liġi. Kif se jintwera iktar ’l isfel, il-pożizzjoni ta’ dawn is-sorsi tal-liġi fil-ġerarkija tas-sorsi tal-liġi hija iktar dgħajfa minn dik tas-sorsi l-oħra msemmija iktar ’il fuq.

Sorsi internazzjonali tal-liġi u l-liġi tal-Unjoni Ewropea

Il-ftehimiet internazzjonali u obbligi internazzjonali oħrajn li daħlet għalihom il-Finlandja huma sorsi vinkolanti tal-liġi fil-Finlandja. Il-prattika tal-korpi internazzjonali li japplikaw tali ftehimiet hija wkoll importanti bħala sors tal-liġi. Eżempju wieħed ta’ sors tal-liġi f’din il-kategorija hija l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar id-Drittijiet tal-Bniedem; b’hekk il-prattika tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem hija rilevanti għall-interpretazzjoni tal-Konvenzjoni.

Bħala membru tal-Unjoni Ewropea, il-Finlandja hija wkoll marbuta bil-liġijiet, bir-regolamenti u bid-direttivi tal-Unjoni. Dawn huma fost l-iktar leġiżlazzjoni importanti tal-Unjoni Ewropea. Ir-regolamenti huma direttament applikabbli għall-Istati Membri kollha u l-Istati Membri jridu jimplimentaw id-direttivi tagħha. Il-ħidma preliminari fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni, għalhekk, tista’ tkun ta’ ċerta importanza fl-interpretazzjoni tal-liġi tal-Unjoni, għalkemm dik l-importanza hija ferm iċken milli huwa l-każ għall-ħidma preparatorja għal-leġiżlazzjoni nazzjonali.

Strumenti regolatorji oħrajn tal-UE jorbtu lill-Finlandja daqskemm jorbtu lil Stati Membri oħrajn. Id-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej huma wkoll importanti bħala sors tal-liġi, għaliex dawn huma parti mill-korp tal-liġi tal-UE.

Ġerarkija ta' normi

Is-sorsi tal-liġi Finlandiża ġeneralment jinqasmu f’sorsi ferm vinkolanti, f’sorsi ftit vinkolanti u f’sorsi ammissibbli. L-atti u d-drawwa huma sorsi ferm vinkolanti. Għalhekk, dawn jokkupaw l-ogħla pożizzjoni fil-ġerarkija. Huwa d-dmir uffiċjali tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġijiet li japplikawhom; jekk iwarrbuhom jitqies li dawn ikunu ħajta ta’ kondotta uffiċjali ħażina. Il-ġerarkija tal-leġiżlazzjoni nazzjonali hija kif ġej:

  1. Il-Kostituzzjoni
  2. Atti ordinarji (Atti tal-Parlament)
  3. Digrieti maħruġa mill-President tar-Repubblika, mill-Kunsill tal-Ministri u mill-ministeri
  4. Regoli legali maħruġa minn awtoritajiet ta’ grad inferjuri.

Is-sorsi tal-liġi li huma ftit vinkolanti, jiġfieri dawk li jinsabu fi grad inferjuri tal-ġerarkija, jikkonsistu fil-ħidma leġiżlattiva preparatorja u fid-deċiżjonijiet tal-qrati. In-nuqqas ta’ kunsiderazzjoni ta’ dawn is-sorsi ma jirriżultax f’sanzjoni għal kondotta uffiċjali ħażina fil-konfront tal-awtorità tal-infurzar, imma tiżdied il-probabbiltà li deċiżjoni tkun ikkontestata f’qorti ogħla. Il-kategoriji tas-sorsi ammissibbli tal-liġi jinkludu l-ġurisprudenza, il-prinċipji legali ġenerali u l-argumenti fattwali. Is-sorsi ammissibbli tal-liġi mhumiex vinkolanti, imma jistgħu jintużaw sabiex isostnu argument u b’hekk isaħħu l-motivi li fuqhom tkun ibbażata deċiżjoni.

Il-ftehimiet internazzjonali għandhom l-istess grad fil-ġerarkija bħall-istrument li jintuża biex jimplimentahom fil-Finlandja. B’hekk, jekk ftehim internazzjonali jiġi implimentat minn Att, id-dispożizzjonijiet ta’ dak il-ftehim għandhom l-istess grad fil-ġerarkija bħad-dispożizzjonijiet tal-Att. Jekk, però, obbligu internazzjonali jiġi implimentat skont digriet, id-dispożizzjonijiet tiegħu jkollhom l-istess grad fil-ġerarkija bħad-dispożizzjonijiet tad-digriet. Id-dispożizzjonijiet implimentattivi, għalhekk, huma analogi għad-dispożizzjonijiet nazzjonali tal-istess grad fil-ġerarkija.

Qafas istituzzjonali

Istituzzjonijiet responsabbli mill-adozzjoni tar-regoli legali

Skont il-Kostituzzjoni Finlandiża, huwa l-Parlament li għandu s-setgħa leġiżlattiva fil-Finlandja. Il-Parlament jippromulga l-Atti ordinarji kollha u jiddetermina wkoll l-emendi għall-Kostituzzjoni. L-Atti jew il-liġijiet bażiċi ppromulgati mill-Parlament jistgħu jagħtu lil ċerti korpi l-awtorità li joħroġu regoli legali dwar ċerti kwistjonijiet. Fuq il-bażi ta’ din l-awtorizzazzjoni, il-President tar-Repubblika, il-gvern u ministeru jistgħu joħorġu digriet. Fejn ma jkun hemm l-ebda dispożizzjoni li tispeċifika min għandu joħroġ digriet, dan jinħareġ mill-gvern. F’ċerti ċirkustanzi, awtorità ta’ grad inferjuri tista’ wkoll tkun awtorizzata minn Att biex tistabbilixxi regoli legali dwar kwistjonijiet partikolari. Dan jiġri fejn ikun hemm raġunijiet speċifiċi marbuta mas-suġġett tar-regoli kkonċernati, u fejn l-importanza materjali ta’ dawk ir-regoli ma teżiġix li dawn ikunu stabbiliti minn Att jew digriet. Barra minn hekk, l-ambitu ta’ tali awtorizzazzjoni jrid ikun iddefinit b’mod ċar. L-ebda korp għajr dawk imsemmija iktar ’il fuq ma għandu l-awtorità li joħroġ regoli legali ġeneralment vinkolanti.

Proċess deċiżjonali

Promulgazzjoni u dħul fis-seħħ tar-regoli legali

Sabiex leġiżlazzjoni tkun ippromulgata, din trid tkun ippreżentata lill-Parlament għal kunsiderazzjoni bħal proposta mill-gvern jew fuq inizjattiva ta’ Membru tal-Parlament. Il-proposti tal-gvern jiġu ppreprati fil-ministeri u wara jiġu diskussi waqt is-sessjoni plenarja tal-gvern. Imbagħad, id-deċiżjoni dwar jekk il-proposta tal-gvern għandhiex titressaq quddiem il-Parlament jew le tittieħed waqt is-sessjoni presidenzjali.

Fil-Parlament, proposta tal-gvern l-ewwel tkun suġġetta għal dibattitu preliminari, u wara tiġi assenjata lil kumitat parlamentari biex tkun ikkunsidrata. Il-kumitat jisma’ esperti u jabbozza rapport dwar il-proposta tal-gvern. Il-kwistjoni mbagħad tmur quddiem sessjoni plenarja tal-Parlament, fejn ir-rapport tal-kumitat parlamentari jagħmilha ta’ bażi għad-diskussjoni. Id-deċiżjoni jekk l-Abbozz ta’ liġi għandux jgħaddi jew le tittieħed waqt sessjoni plenarja tal-Parlament wara t-tieni qari. Il-Parlament jista’ jgħaddi abbozz mingħajr ma jemendah, jista’ jemendah jew inkella jiċħdu. Id-deċiżjoni finali dwar id-destin ta’ Abbozz ta’ liġi għalhekk tinsab f’idejn il-Parlament. L-Abbozzi Ordinarji jgħaddu fil-Parlament permezz ta’ maġġoranza sempliċi, filwaqt li emenda għall-Kostituzzjoni teħtieġ maġġoranza stipulata.

Hekk kif Abbozz jgħaddi mill-Parlament, dan jintbagħat lill-President tar-Repubblika biex japprovah. Att jidħol fis-seħħ fiż-żmien speċifikat fl-Abbozz, imma mhux qabel ma jkun ġie ppubblikat fil-gazzetta legali, “Statuti tal-Finlandja”.

Id-digrieti maħruġa mill-President tar-Repubblika, mill-gvern jew minn ministeru jiġu ppreparati fil-ministeru li jieħu ħsieb il-kwistjoni. Fejn għandhom x’jaqsmu d-digrieti presidenzjali, il-President tar-Repubblika jieħu deċiżjoni biex joħroġ digriet fuq il-bażi tal-proposti ppreżentati mill-gvern. Il-ħruġ tad-digrieti tal-gvern jiġi ddeterminat waqt is-sessjonijiet plenarji tal-gvern, u l-ħruġ tad-digrieti ministerjali jiġi ddeterminat mill-ministeru kkonċernat. Id-digrieti kollha jiġu ppubblikati fl-“Istatuti tal-Finlandja”. Digriet jidħol fis-seħħ fiż-żmien speċifikat fid-digriet innifsu, imma, ikun xi jkun il-każ, ma jidħolx fis-seħħ qabel mad-digriet ikun ġie ppubblikat fl-“Istatuti tal-Finlandja”.

Ir-regoli legali stabbiliti minn awtoritajiet ta’ grad inferjuri – li, fil-prattika, ġeneralment jissejħu jew deċiżjonijiet jew regoli u regolamenti – jiġu ppreparati mill-awtorità kkonċernata, li tiddeċiedi wkoll dwar l-adozzjoni tagħhom. Ir-regolamenti li jiġu adottati minn awtoritajiet ta’ grad inferjuri jidħlu fis-seħħ fiż-żmien ipprovdut u jiġu ppubblikati fil-kompendju tar-regoli u tar-regolamenti tal-awtorità kkonċernata.

Bażijiet tad-dejta legali

Finlex

Finlex hija bażi tad-dejta legali b’iktar minn 30 bażi tad-dejta. L-informazzjoni leġiżlattiva f’Finlex hija organizzata f’sitt bażijiet tad-dejta. Fost l-oħrajn, hija tinkludi:

  • Il-bażi tad-dejta tat-traduzzjonijiet tal-atti u tad-digrieti Finlandiżi, inklużi t-traduzzjonijiet tal-Atti tal-Parlament Finlandiżi (fil-parti l-kbira bl-Ingliż)
  • It-testi konsolidati tal-atti u tad-digrieti (bil-Finlandiż u bl-Iżvediż)
  • Bażi tad-dejta ta’ referenza li tinkludi lista ta’ emendi li saru lil kwalunkwe att jew digriet
  • Atti u digrieti bil-lingwa Sámi.

It-traduzzjonijiet tal-Atti u tad-digrieti Finlandiżi (fil-parti l-kbira bl-Ingliż) jinsabu f’bażi tad-dejta waħda. It-testi oriġinali tal-Atti u tad-digrieti jinsabu f’bażijiet tad-dejta separati. L-iktar Atti reċenti jinsabu fl-istatuti elettroniċi tal-Finlandja.

Il-ġurisprudenza f’Finlex tikkonsisti f’iktar minn għaxar bażijiet tad-dejta. Dawn jinkludu l-preċedenti stabbiliti mill-Qorti Suprema u l-kawżi tal-Qorti Amministrattiva Suprema, il-qrati tal-appell, il-qrati amministrattivi u l-qrati speċjali.

Bażijiet tad-dejta oħrajn ta’ Finlex jinkludu t-trattati internazzjonali, il-leġiżlazzjoni sekondarja u l-abbozzi tal-liġijiet tal-gvern.

L-aċċess għall-bażi tad-dejta huwa mingħajr ħlas.

Bażijiet tad-dejta oħrajn

Minbarra Finlex, fil-Finlandja huma disponibbli wkoll bażijiet tad-dejta dwar il-leġiżlazzjoni, il-ġurisprudenza, l-abbozzi tal-liġijiet tal-gvern u l-letteratura legali. Edilex u Suomen laki jipprovdu servizzi komprensivi ta’ informazzjoni legali onlajn. Kemm Edilex kif ukoll Suomen laki jinkludu bażijiet tad-dejta tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, tal-ġurisprudenza u materjal ieħor. Għall-parti l-kbira tas-servizzi huwa meħtieġ l-abbonament. WSOYPro hija t-tielet servizz ta’ informazzjoni legali kummerċjali fil-Finlandja. Il-parti l-kbira tal-materjal huwa ristrett għall-abbonati.

L-aħħar aġġornament: 02/02/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.