Leġiżlazzjoni nazzjonali

Estonja

Din il-paġna tagħtik informazzjoni dwar is-sistema legali Estonjana u deskrizzjoni ġenerali tal-liġi Estonjana.

Il-kontenut ipprovdut minn
Estonja

Sorsi tal-liġi

L-Estonja hija parti mis-sistema legali tal-Ewropa Kontinentali (sistema tad-dritt ċivili). L-iktar sorsi importanti tal-liġi huma strumenti legali bħall-Kostituzzjoni, il-Liġi tal-Unjoni Ewropea, il-ftehimiet internazzjonali, l-Atti u r-Regolamenti.

L-interpretazzjonijiet legali mogħtija mill-ogħla qorti – il-Qorti Suprema – u kummenti tal-esperti wkoll iservu ta’ punti ta’ referenza (pereżempju l-edizzjoni kkummentata tal-Kostituzzjoni). Is-Sentenzi tal-qorti ma joħolqux drittijiet, u b'mod ġenerali sentenzi maqtugħa minn qrati superjuri ma jorbtux qrati inferjuri. Madankollu, il-Qorti Suprema, li hija wkoll il-qorti ta’ stħarriġ kostituzzjonali, hija awtorizzata tiddikjara strumenti legali invalidi jekk dawn ma jkunux konformi mal-Kostituzzjoni jew ma' strumenti legali li jieħdu preċedenza fuqhom. Meta jiġu indirizzati każijiet partikolari, l-ebda qorti ma tista' tapplika strument bħal dan, u l-qrati huma awtorizzati ma japplikaw l-ebda strument legali li jkun f’kunflitt mal-Kostituzzjoni. Il-Qorti Suprema, bħala l-qorti ta’ stħarriġ kostituzzjonali, imbagħad teżamina l-każ aktar u hija awtorizzata tiddikjara kwalunkwe strument bħal dan anti kostituzzjonali (iżda mhux invalidu).

Il-prinċipji rikonoxxuti b’mod ġenerali u r-regoli tad-dritt internazzjonali huma parti inseparabbli mis-sistema legali Estonjana.

Tipi ta' strumenti legali – deskrizzjoni

L-istrumenti legali huma maqsuma fi strumenti ta’ applikazzjoni ġenerali, pereżempju atti leġiżlattivi, u strumenti ta’ applikazzjoni individwali, jiġifieri atti ta’ implimentazzjoni.

Strumenti ta’ applikazzjoni ġenerali

Il-Kostituzzjoni – skont l-Artikolu 3(1) tal-Kostituzzjoni, l-awtorità tal-Istat tiġi eżerċitata biss skont il-Kostituzzjoni u l-Atti li huma konformi magħha.

Att – skont l-Artikolu 65 tal-Kostituzzjoni, l-Atti jiġu adottati mill-Parlament Estonjan (ir-Riigikogu), li huwa investit bis-setgħa leġiżlattiva. L-atti jiġu adottati skont il-Kostituzzjoni u huma pubblikati bil-mod stipulat fir-Riigi Teataja (Il-Gazzetta tal-Istat). Huma biss Atti li ġew ippubblikati li huma eżegwibbli.

Digriet – strument legali li għandu s-saħħa ta’ liġi. Skont l-Artikolu 109 tal-Kostituzzjoni, jekk ma jkunx possibbli li jitlaqqa’ l-Parlament, il-President tar-Repubblika jista’, f'każ ta’ ħtieġa nazzjonali urġenti, joħroġ Digrieti li jkollhom is-saħħa ta’ liġi. Digrieti bħal dawn iridu jiġu kontrofirmati mill-President (l-Ispeaker) tal-Parlament u mill-Prim Ministru. Skont il-Kostituzzjoni, il-President jista' joħroġ:

  • digrieti speċjali fil-każ ta’ bżonn nazzjonali urġenti u jekk ikun impossibbli li jitlaqqa' l-Parlament;
  • digrieti ta’ emerġenza f’każ ta’ bżonn nazzjonali urġenti, fejn il-Gvern ikun iddikjara stat ta' emerġenza u jekk ikun impossibbli li jitlaqqa' l-Parlament jew ma jkunx hemm ħin biżżejjed biex jitlaqqa' l-Parlament.

Digriet maħruġ mill-President tar-Repubblika jidħol fis-seħħ fl-għaxar jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fir- Riigi Teataja, ħlief jekk ikun previst mod ieħor fid-Digriet.

Ladarba jiltaqa’ l-Parlament, il-President tar-Repubblika jqiegħed id-Digrieti quddiem il-Parlament, li fil-pront jadotta Att sabiex japprovahom jew jirrevokahom. Skont l-Artikolu 110 tal-Kostituzzjoni, il-President tar-Repubblika ma jistax juża Digriet biex jippromulga, jemenda jew iħassar il-Kostituzzjoni, l-Atti msemmija fl-Artikolu 104 tal-Kostituzzjoni, l-Atti li jistabbilixxu taxxi nazzjonali jew il-baġit tal-Istat.

Regolament – skont l-Artikoli 87 u 94 tal-Kostituzzjoni, il-Gvern tar-Repubblika u l-Ministri huma awtorizzati joħorġu Regolamenti fuq il-bażi ta’ Att u biex ikun hemm konformità miegħu. Sabiex jittrattaw kwistjonijiet ta' importanza lokali jew f'każijiet stabbiliti f’Att, il-kunsilli tal-gvern lokali wkoll huma awtorizzati joħorġu Regolamenti. Barra minn hekk, ir-Regolamenti jistgħu jinħarġu mill-President tal-Eesti Pank (il-Bank tal-Estonja), l-Awditur Ġenerali u l-kunsilli tal-universitajiet pubbliċi. Regolamenti jistgħu jinħarġu biss fuq il-bażi ta’ u fi ħdan kamp ta' applikazzjoni stabbilit f’Att.

Il-Gvern tar-Repubblika u l-Ministri huma awtorizzati joħorġu Regolamenti fuq il-bażi ta' Att u biex ikun hemm konformità miegħu. Ir-Regolamenti jidħlu fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tagħhom fir-Riigi Teataja, ħlief jekk ikun previst mod ieħor f’dan ir-Regolament.

Strumenti ta’ applikazzjoni ġenerali

Ordni Amministrattiva – att amministrattiv individwali li permezz tiegħu amministrazzjoni regolata mid-dritt pubbliku tiddeċiedi dwar kwistjonijiet legali individwali u torganizzahom. Skont l-Artikolu 87(6) tal-Kostituzzjoni, il-Gvern tar-Repubblika joħroġ Ordnijiet Amministrattivi fuq il-bażi ta’ Att u għal konformità miegħu. Il-Prim Ministru, il-gvernaturi tal-kontej u l-gvernijiet lokali wkoll huma awtorizzati joħorġu Ordnijiet Amministrattivi.

Deċiżjoni – att amministrattiv individwali maħruġ fuq il-bażi ta’ kontestazzjonijiet amministrattivi jew ta’ appelli jew li permezz tiegħu jiġu imposti sanzjonijiet. Il-Parlament, il-kunsilli tal-gvernijiet lokali, il-Kumitat Elettorali Nazzjonali u l-qrati wkoll jadottaw Deċiżjonijiet.

Ordni – skont l-Artikolu 94 tal-Kostituzzjoni, il-Ministri joħorġu Ordnijiet fuq il-bażi ta’ Att u biex ikun hemm konformità miegħu. Ordni tinkludi kodiċi ta’ kondotta mandatorju ġenerali għal kwistjonijiet relatati ma’ servizz f’Ministeru jew sabiex tkun iddeterminata l-istruttura u jiġu organizzati l-operazzjonijiet ta’ korpi tal-Istat li joperaw taħt il-ġuriżdizzjoni ta’ Ministeru.

Ġerarkija tal-istrumenti legali

Il-ġerarkija tal-istrumenti legali hija kif ġej: il-Kostituzzjoni, il-liġi tal-Unjoni Ewropea, il-ftehimiet internazzjonali, Atti u Digrieti, ir-Regolamenti tal-Gvern tar-Repubblika u r-Regolamenti maħruġa mill-Ministri. Minbarra l-istrumenti legali ta’ applikazzjoni ġenerali, hemm ukoll strumenti legali ta’ applikazzjoni individwali li jinħarġu fuq il-bażi ta’ Att u fil-ġerarkija jinsabu taħt l-Atti u r-Regolamenti. L-istrumenti legali fuq kull livell iridu jimxu skont dawk f’livell ogħla.

Qafas istituzzjonali

L-istituzzjonijiet responsabbli għall-adozzjoni ta’ strumenti legali

L-organizzazzjoni istituzzjonali Estonjana ssegwi l-prinċipju tas-separazzjoni u tal-bilanċ tas-setgħat (l-Artikolu 4 tal-Kostituzzjoni).

Is-setgħa leġiżlattiva qiegħda f'idejn il-Parlament. Skont l-Artikolu 103 tal-Kostituzzjoni, id-dritt li joħorġu proposti leġiżlattivi huwa f'idejn il-Membri Parlamentari, il-gruppi politiċi Parlamentari, il-kumitati Parlamentari, il-Gvern tar-Repubblika u l-President tar-Repubblika. Madankollu, il-President tar-Repubblika jista’ biss jagħti bidu għal emendi fil-Kostituzzjoni. Il-Parlament jiddibatti l-abbozz leġiżlattiv u jiddeċiedi jekk jadottahx bħala Att jew jirrifjutahx.

Fuq il-bażi ta' deċiżjoni meħuda b'maġġoranza assoluta tal-Membri tiegħu, il-Parlament għandu d-dritt jagħmel proposta lill-Gvern tar-Repubblika għal abbozz leġiżlattiv li l-Parlament jixtieq li jingħata bidu.

Il-Parlament għandu d-dritt isejjaħ referendum dwar abbozz ta' Att jew kwistjoni ta’ importanza nazzjonali. Ir-riżultat tar-referendum jiġi deċiż mill-maġġoranza tal-voti ta' dawk li jieħdu sehem. Atti adottati permezz ta' referendum jiġu promulgati mill-ewwel mill-President tar-Repubblika. Deċiżjonijiet meħuda fir-referenda huma vinkolanti fuq l-awtoritajiet pubbliċi kollha. Jekk abbozz ta' Att li dwaru jissejjaħ referendum ma jirċevix maġġoranza ta' voti favurih, il-President tar-Repubblika jiddikjara elezzjonijiet straordinarji tal-Parlament. Kwistjonijiet li jikkonċernaw il-baġit, it-taxxi, l-obbligi finanzjarju tal-Istat, ir-ratifika jew denunzja ta' ftehimiet internazzjonali, id-dikjarazzjoni jew tneħħija ta' stat ta' emerġenza u d-difiża nazzjonali ma jistgħux ikunu soġġetti għal referendum.

Is-setgħat eżekuttivi jiġu eżerċitati mill-Gvern tar-Repubblika. Fil-parti l-kbira tal-każijiet l-abbozz leġiżlattiv jitressaq quddiem il-Parlament mill-Gvern tar-Repubblika. L-abbozzi tal-Atti jiġu sottomessi lill-Gvern mill-Ministeri, u jrid jkun diġà seħħ stadju ta' konsultazzjoni bejn il-ministeri.

Il-Kanċillier tal-Ġustizzja u l-Awditur Ġenerali jipparteċipaw fil-laqgħat tal-Gvern u għandhom id-dritt li jitkellmu matulhom. Is-suġġerimenti tagħhom ma jorbtux lill-Gvern imma r-rakkomandazzjonijiet u s-suġġerimenti tagħhom ta’ spiss jiġu kkunsidrati. Jekk il-Kanċillier tal-Ġustizzja u l-Awditur Ġenerali jemmnu li hekk meħtieġ, huma jistgħu jressqu s-suġġerimenti tagħhom direttament quddiem il-kumitat Parlamentari xieraq li jkun qed jittratta l-abbozz leġiżlattiv. Skont l-Artikolu 139 tal-Kostituzzjoni, il-Kanċillier tal-Ġustizzja janalizza s-suġġerimenti kollha mogħtija lilu dwar l-emendi leġiżlattivi, l-adozzjoni ta’ Atti ġodda u x-xogħol ta’ korpi tal-gvern u, fejn meħtieġ, jippreżenta rapport lill-Parlament. Jekk il-Kanċillier tal-Ġustizzja jsib illi att legali adottat mill-leġiżlatura, mill-fergħa eżekuttiva jew minn awtorità lokali jmur kontra l-Kostituzzjoni jew Att, huwa jipproponi lill-korp li jkun adottah biex isir konformi mal-Kostituzzjoni jew mal-Att fi żmien għoxrin jum. Jekk l-att ma jsirx konformi mal-Kostituzzjoni jew mal-Att f’dak il-perjodu speċifiku, il-Kanċillier tal-Ġustizzja jippreżenta proposta lill-Qorti Suprema biex jiġi ddikjarat invalidu skont l-Artikolu 142 tal-Kostituzzjoni.

Il-President tar-Repubblika jew jaċċetta li jippromulga Atti adottati mill-Parlament jew le. F’każ li jirrifjuta, il-President tar-Repubblika jibgħat lura l-Att, flimkien mar-raġunijiet tiegħu, lill-Parlament għal dibattitu u deċiżjoni ġdida.

Il-Ministeru tal-Ġustizzja jippubblika l-Atti adottati ppromulgati mill-President tar-Repubblika fil-pubblikazzjoni uffiċjali tal-Estonja Riigi Teataja (Gazzetta tal-Gvern).

Proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet

Il-proċess leġiżlattiv fil-Parlament Estonjan jinkludi l-istadji li ġejjin:

  • l-istadju inizjali tal-abbozz tal-liġi;
  • l-eżaminazzjoni tal-abbozz tal-liġi;
  • l-adozzjoni tal-abbozz tal-liġi.

L-istadju inizjali

Skont l-Artikolu 103 tal-Kostituzzjoni, il-Gvern tar-Repubblika, il-membri Parlamentari, il-gruppi politiċi Parlamentari, il-kumitati Parlamentari u l-President tar-Repubblika għandhom id-dritt joħorġu proposti leġiżlattivi. Madankollu, il-President jista’ jipproponi biss abbozz ta’ emendi lill-Kostituzzjoni. L-abbozz tal-liġi jrid jissodisfa r-regoli tekniċi adottati mill-Bord tal-Parlament u r-regoli leġiżlattivi u tekniċi adottati mill-Gvern tar-Repubblika. Il-Bord tal-Parlament jibgħat l-abbozz tal-liġi lill-kumitat permanenti Parlamentari responsabbli għall-abbozz.

L-eżaminazzjoni tal-abbozz tal-liġi

L-abbozz tal-liġi jitħejja għas-sessjoni plenarja tal-Parlament minn kumitat permanenti Parlamentari (il-Kumitat għall-Affarijiet Legali, il-Kumitat Kostituzzjonali, il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi, eċċ). Fuq proposta tal-kumitat responsabbli, l-abbozz tal-liġi jiġi nkluż fl-aġenda għas-sessjoni plenarja tal-Parlament.

Skont l-Att dwar ir-Regoli Interni u r-Regoli ta’ Proċedura tar-Riigikogu, l-ewwel qari tal-abbozz tal-liġi jrid iseħħ fi żmien seba’ ġimgħat tax-xogħol tal-plenarja tal-Parlament li jkun ġie aċċettat. L-abbozzi tal-liġijiet jiġu diskussi mis-sessjoni plenarja tal-Parlament bi 3 stadji ta’ qari, bl-ewwel wieħed jinkludi dibattitu dwar il-prinċipji ġenerali wara l-abbozz tal-Att. Jekk ma jkun hemm l-ebda mozzjoni li tiċħad l-abbozz mill-kumitat responsabbli jew minn xi grupp politiku matul in-negozjati, l-ewwel qari jintemm mingħajr vot. Wara l-ewwel qari, il-Membri Parlamentari, il-kumitati Parlamentari u l-gruppi politiċi għandhom 10 ijiem xogħol biex jippreżentaw emendi. Il-President tal-Parlament jista’ jistabbilixxi skadenza differenti għall-preżentazzjoni ta’ emendi jekk il-kumitat responsabbli hekk jipproponi.

Fid-diskussjoni dwar abbozz, il-Kumitat jinvolvi l-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha li kienu involuti fit-tħejjija tal-abbozz u li jixtiequ jipparteċipaw fid-diskussjoni.

Il-kumitat responsabbli jirrevedi l-emendi proposti kollha u jiddeċiedi jekk jikkunsidrahomx meta jkun qiegħed ifassal it-test il-ġdid tal-abbozz. Il-kumitat ifassal verżjoni ġdida tal-abbozz għat-tieni qari, inkluż l-emendi aċċettati kollha u kull emenda magħmula mill-kumitat innifsu. Ifassal ukoll memorandum ta’ spjegazzjoni għat-tieni qari, li jinkludi informazzjoni marbuta mal-ipproċessar tal-abbozz tal-liġi, bħal pereżempju r-raġunijiet għall-aċċettazzjoni jew rifjut ta’ emendi proposti u l-pożizzjoni tal-persuna li bdiet jew ippreżentat l-abbozz tal-liġi, l-esperti involuti fil-proċess u persuni oħra.

L-abbozz tal-liġi jitqiegħed fuq l-aġenda għat-tieni qari fuq proposta tal-kumitat responsabbli. Fuq proposta tal-Bord tal-Parlament, il-kumitat responsabbli jew il-persuna li ħarġet bl-abbozz tal-liġi, il-Parlament jissospendi t-tieni qari tal-abbozz tal-liġi mingħajr vot. Jekk il-grupp politiku jipproponi li l-qari għandu jiġi sospiż, irid jittieħed vot. Jekk it-tieni qari ta’ abbozz leġiżlattiv jiġi sospiż, xorta jkunu jistgħu jitressqu emendi. Jekk it-tieni qari fil-Parlament ma jiġix sospiż, dan jitqies li ġie fi tmiemu u l-abbozz leġiżlattiv jintbagħat għat-tielet qari.

L-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Parlament jista’ jitqiegħed għal votazzjoni wara t-tmiem tat-tieni qari.

Il-kumitat responsabbli jfassal it-test finali tal-abbozz leġiżlattiv għat-tielet qari billi jagħmel titjib lingwistiku u tekniku hekk kif jintemm it-tieni qari. Il-kumitat jista’ jfassal memorandum ta’ spjegazzjoni għat-tielet qari, fejn jipprovdi deskrizzjoni ġenerali tal-bidliet li saru wara li jkun intemm it-tieni qari. Fit-tielet qari tal-abbozz leġiżlattiv jinfetħu n-negozjati li matulhom rappreżentanti mill-gruppi politiċi jippreżentaw dikjarazzjonijiet. Fit-tielet qari tiegħu, l-abbozz leġiżlattiv jitqiegħed għall-votazzjoni finali.

Adozzjoni

Atti u Deċiżjonijiet Parlamentari jiġu adottati permezz ta' vot miftuħ fil-Parlament. Il-votazzjoni finali ssir waqt it-tielet qari tal-abbozzi tal-Atti. L-għadd tal-Membri Parlamentari meħtieġ biex jivvutaw favur li Att jiġi adottat huwa stipulat fl-Artikoli 73 u 104 tal-Kostituzzjoni, li skonthom l-Atti huma kkategorizzati bħala:

  • atti kostituzzjonali, jiġifieri Atti li jeħtieġu maġġoranza assoluta tal-Membri Parlamentari (aktar minn nofs il-101 Membru Parlamentari jridu jivvotaw favur l-addozzjoni tal-Att); jew
  • Atti ordinarji, jiġifieri Atti li jeħtieġu maġġoranza sempliċi (aktar Membri Parlamentari jridu jivvotaw favur l-addozzjoni tal-Att milli kontrih).

L-Atti li ġejjin jistgħu jiġu adottati jew emendati biss permezz ta' maġġoranza assoluta tal-Membri Parlamentari:

  • l-Att dwar iċ-Ċittadinanza;
  • l-Att dwar l-Elezzjoni tar-Riigikogu;
  • l-Att dwar l-Elezzjoni tal-President tar-Repubblika;
  • l-Att dwar l-Elezzjoni tal-Kunsill tal-Gvern Lokali;
  • l-Att dwar ir-Referendum;
  • l-Att dwar ir-Regoli ta’ Proċedura tar- Riigikogu u l-Att dwar ir-Regoli Interni tar- Riigikogu;
  • l-Att dwar ir-Rimunerazzjoni tal-President tar-Repubblika u tal-Membri tar-Riigikogu;
  • l-Att dwar il-Gvern tar-Repubblika;
  • l-Att dwar il-Ftuħ ta’ Proċedimenti fil-Qrati kontra l-President tar-Repubblika u l-Membri tar-Riigikogu;
  • l-Att dwar l-Awtonomija Kulturali tal-Minoranzi Nazzjonali;
  • l-Att tal-Baġit tal-Istat;
  • l-Att dwar l- Eesti Pank;
  • l-Att dwar l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Awditjar;
  • l-Att dwar l-Organizzazzjoni tal-Qorti u l-Atti dwar il-proċedimenti tal-qorti;
  • l-Atti li jikkonċernaw is-self barrani u domestiku u l-obbligi proprjetarji tal-Istat;
  • l-Att dwar l-Istat ta' Emerġenza;
  • l-Att dwar id-Difiża Nazzjonali fi Żmien ta' Paċi u l-Att dwar id-Difiża Nazzjonali fi Żmien ta' Gwerra.

Malli Att jew Deċiżjoni tal-Parlament jiġi adottat, dan jiġi ffirmat mill-Ispeaker tal-Parlament, jew jekk l-Ispeaker ikun assenti, mid-Deputat Speaker tal-Parlament li jkun ippreseda s-sessjoni, mhux iktar tard mill-ħames jum tax-xogħol wara li jkun ġie adottat.

Promulgazzjoni

Wara li Att jiġi adottat u ffirmat, jintbagħat lill-President tar-Repubblika biex jiġi ppromulgat. Il-President tar-Repubblika jista' jirrifjuta li jippromulga Att adottat mill-Parlament u jista', fi żmien 14-il jum minn meta jirċevih jirritornah, flimkien mar-raġunijiet tiegħu, lill-Parlament għal dibattitu ġdid u deċiżjoni. Jekk Att li ġie ritornat mill-President tar-Repubblika jiġi adottat mill-Parlament għat-tieni darba f'forma mhux emendata, il-President tar-Repubblika jew jippromulga l-Att jew jipproponi lill-Qorti Suprema biex tiddikjara li l-att huwa anti kostituzzjonali. Jekk il-Qorti Suprema ssib li l-Att huwa skont il-Kostituzzjoni, il-President tar-Repubblika irid jippromulgah.

L-Att jidħol fis-seħħ fl-għaxar jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fir-Riigi Teataja, sakemm ma jkunx previst mod ieħor fl-Att innifsu.

Pubblikazzjoni tal-istrumenti legali

L-iktar strumenti legali u ftehimiet internazzjonali importanti jiġu ppubblikati fir-Riigi Teataja. L-Atti u r-Regolamenti jiksbu saħħa legali biss ladarba jkunu ġew ippubblikati fir-Riigi Teataja.

Ir-Riigi Teataja hija l-pubblikazzjoni uffiċjali online Estonjana u l-bażi ta' data ċentrali tal-istrumenti legali. Mill-1 ta’ Ġunju 2010, ir-Riigi Teataja bdiet tiġi ppubblikata fuq l-Internet biss, bħala pubblikazzjoni online uffiċjali.

Mill-1 ta' Jannar 2011, ir-Riigi Teataja bdiet tiġi ppubblikata mill-Ministeru tal-Ġustizzja.

Deskrizzjoni fil-qosor tal-kontenut

Atti, Regolamenti, ftehimiet internazzjonali, Deċiżjonijiet Parlamentari u l-Ordnijiet tal-Gvern tar-Repubblika jiġu ppubblikati fir-Riigi Teataja, u informazzjoni oħra importanti bħal traduzzjonijiet ta’ strumenti legali u informazzjoni proċedurali li tirrigwarda l-verżjonijiet tal-abbozzi ta’ strumenti jistgħu jsiru disponibbli fiha.

Il-maġġoranza tal-istrumenti li ġew adottati mill-1990 huma disponibbli fir-Riigi Teataja.

Mill-1 ta’ Ġunju 2002, verżjonijiet uffiċjali konsolidati ta' Atti, Digrieti tal-President tar-Repubblika, ir-Regolamenti u l-Ordnijiet tal-Gvern, ir-Regolamenti ministerjali, ir-Regolamenti tal-President tal-Eesti Pank u r-Regolamenti tal-Kumitat Elettorali Nazzjonali bdew jiġu ppubblikati fir-Riigi Teataja. Verżjonijiet konsolidati tad-Deċiżjonijiet Parlamentari bdew jiġu ppubblikati mill-1 ta' Ġunju 2010 u l-verżjonijiet konsolidati tar-regolamenti tal-awtorità lokali sa minn tmiem l-2011.

Kull darba li strumenti bħal dawn jiġu emendati, titfassal verżjoni konsolidata u aġġornata li tinkludi l-emendi u tiġi ppubblikata flimkien mal-istrument ta’ emenda, flimkien mal-informazzjoni dwar meta se tidħol fis-seħħ. It-testi konsolidati huma uffiċjali u jistgħu jiġu invokati meta tiġi eżegwita l-liġi. Dawn għandhom saħħa legali.

L-istrumenti legali kollha li ġew ippubblikati jiġu ttimbrati b’mod diġitali meta jiġu ppubblikati. Kulħadd jista’ jiċċekkja t-timbru diġitali u dan jiżgura li l-istrument baqa’ l-istess minn meta ġie pubblikat. L-istrumenti pubblikati kollha huma wkoll marbuta ma’ timbru ta' żmien, li jippermetti li jinkixef kwalunkwe każ ta’ proċessar mhux awtorizzat.

Tista’ tara l-verżjonijiet konsolidati li huma/kienu fis-seħħ fi kwalunkwe data partikolari. Tista' taċċessa wkoll verżjonijiet futuri ta' dawn l-istrumenti, fejn dawn ikunu magħrufa. Kull verżjoni konsolidata għandha ħoloq għall-verżjonijiet preċedenti u sussegwenti. Dan jagħtik il-possibbiltà li kronoloġikament minn verżjoni tat-test konsolidat għal dik li jmiss u vice versa. Inti għandek l-opportunità tqabbel il-verżjonijiet konsolidati differenti tal-istess strument sabiex tara x’emendi sarulu.

Il-ħoloq preżenti fil-verżjoni konsolidata jippermettulek tiftaħ ir-Regolamenti adottati fuq il-bażi tal-Att u biex minn dawk ir-Regolamenti tasal għad-dispożizzjonijiet tal-Att li fuq il-bażi tiegħu jkunu ġew adottati r-Regolamenti.

Fl-istrumenti ppubblikati fir-Riigi Teataja ssir referenza wkoll għall-informazzjoni proċedurali, li tgħinek issib il-memoranda ta’ spjegazzjoni (il-ħoloq għall-bażi tad-data ta’ konsultazzjoni u għall-proċedimenti Parlamentari), il-ħoloq għal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea, it-traduzzjonijiet u informazzjoni addizzjonali oħra meħtieġa sabiex tkun tista’ tifhem l-istrument legali.

Fil-websajt tar-Riigi Teataja tista’ tfittex il-ġurisprudenza tal-qrati tal-kontea, tal-qrati distrettwali u tal-Qorti Suprema. Hija disponibbli wkoll informazzjoni dwar il-post u l-ħin tas-seduti tal-qorti.

Taqsiriet u ħarsiet ġenerali lejn id-deċiżjonijiet tal-Qorti Suprema u s-sentenzi kollha mogħtija mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB) huma ppubblikati wkoll. It-taqsiriet ġew sistematizzati, u tista' tfittex it-taqsiriet ta’ sentenzi tal-Qorti Suprema permezz ta' kelma ewlenija jew b'referenza għal strumenti legali. Is-sentenzi tal-QEDB jistgħu jiġu mfittxija skont l-Artikolu.

Punti varji tal-aħbarijiet rigward l-Atti u l-liġi b'mod ġenerali huma wkoll ippubblikati fir-Riigi Teataja.

Fit-30 ta’ Ottubru 2013 tnieda il-verżjoni Ingliża tas-sit elettroniku tar-Rigi Teataja. Din fiha traduzzjonijiet bl-Ingliż aġġornati tat-testi konsolidati ta’ Atti. It-traduzzjonijiet bl-Ingliż tat-testi konsolidati tal-Atti kollha (bl-eċċezzjoni tal-Atti ta’ ratifika) ilhom disponibbli sa mill-aħħar tal-2014. L-Atti jiġu tradotti minn tradutturi li jkunu ħadu l-ġurament. Il-proċess ta’ traduzzjoni tat-testi lejn l-Ingliż beda fl-2011 u ġie organizzat mill-Ministeru tal-Ġustizzja. Għalkemm it-traduzzjonijiet ma għandhomx saħħa tal-liġi, jinżammu aġġornati. Kulħadd jista’ jkollu l-aħħar traduzzjonijiet mibgħuta fl-indirizz tal-posta elettronika tiegħu billi jabbona għas-servizz My RT.

Hemm ukoll funzjoni ta' tfittxija għall-abbozzi tal-istrumenti legali li tippermettilek tfittex id-diversi stadji proċedurali li minnhom ikunu għaddew l-istrumenti adottati u li jkunu għadhom qed jgħaddu minnhom l-abbozz tal-istrumenti. Minn hemm tista' taċċessa l-informazzjoni kollha dwar il-proċeduri leġiżlattivi u d-dokumenti rilevanti li jkunu tfasslu.  Tista’ wkoll titlob informazzjoni proċedurali dwar il-passaġġ ta’ diversi abbozzi ta’ strumenti legali minn pass proċedurali wieħed għal ieħor. Din tintbagħatlek fl-indirizz tal-posta elettronika tiegħek jekk tabbona għas-servizz Minu RT tal-lingwa Estonjana.

Permess tas-servizz Minu RT kulħadd għandu l-opportunità jistabbilixxi l-portal tal-utent tiegħu fejn jista’ jżid l-istrumenti mal-ġabra tal-ħoloq tiegħu u jitlob permezz tal-portal biex ikun informat dwar strumenti ġodda u kwalunkwe informazzjoni addizzjonali bil-posta elettronika.

L-aċċess għall-bażi tad-data tal-leġiżlazzjoni Estonjana huwa mingħajr ħlas?

L-aċċess għar-Riigi Teataja u għas-servizzi kollha ta’ informazzjoni legali huwa mingħajr ħlas għall-utenti.

L-aċċess bla ħlas għar-Riigi Teataja fil-bini tal-gvernijiet lokali u fil-libreriji pubbliċi (bejn wieħed u ieħor 600) huwa disponibbli lil kull min huwa interessat. Tingħata wkoll assistenza biex wieħed ifittex l-istrumenti rilevanti. L-utenti jridu jitħallew jistampaw sa 20 paġna mingħajr ħlas.

L-istorja tal-bażi tad-data tal-leġiżlazzjoni Estonjana

Ir-Riigi Teataja hija l-pubblikazzjoni uffiċjali tar-Repubblika tal-Estonja u ilha tiġi ppubblikata mis-27 ta’ Novembru 1918. Il-pubblikazzjoni tar-Riigi Teataja kienet sospiża fl-1940 u reġgħet inbdiet fl-1990.

Ir-Riigi Teataja ilha tiġi ppubblikata fuq l-internet mill-1996, u fl-1 ta’ Ġunju 2002 il-verżjoni online ingħatat status uffiċjali.

Mill-1 ta’ Ġunju 2010, ir-Riigi Teataja bdiet tiġi ppubblikata fuq l-Internet biss, bħala pubblikazzjoni online uffiċjali. Minn dak iż-żmien il-quddiem ma ġietx ippubblikata iktar fuq il-karta.

F’Novembru 2010, kienet introdotta sistema tal-IT iktar faċli għall-utent li toffri iktar informazzjoni legali. Is-sistema tal-IT ġiet żviluppata taħt il-gwida tal-Uffiċċju tal-Gvern bl-użu ta' finanzjament mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali.

Taqsiriet tas-sentenzi tal-Qorti Suprema u tal-QEDB, diversi aħbarijiet li jikkonċernaw il-liġi b’mod ġenerali u informazzjoni dwar is-seduti tal-qorti u l-ġurisprudenza ilhom disponibbli fuq il-websajt tar-Riigi Teataja mill-20 ta' Jannar 2012.

Fl-aħħar tal-2012 ġiet introdotta funzjoni ta' tiftix għal abbozzi ta' strumenti.

Mill-2013, il-verżjonijiet konsolidati aġġornati tar-Regolamenti kollha adottati mill-awtoritajiet lokali bdew jiġu ppubblikati fir-Riigi Teataja.

Mill-24 ta’ Settembru 2013, l-istrumenti legali kollha qed jingħatalhom it-timbru diġitali tal-korp tal-ħruġ u timbru tal-ħin meta jiġu ppubblikati fir-Riigi Teataja.

Il-websajt bl-Ingliż tar-Riigi Teataja tnediet fit-30 ta’ Ottubru 2013.

Se tinħoloq konnessjoni mal-portal Ewropew N-Lex bħala parti mill-proċess tal-iżvilupp tas-sistema elettronika tal-IT il-ġdida tar-Riigi Teataja.

L-aħħar aġġornament: 14/09/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.