Izvorna jezična inačica ove stranice njemački nedavno je izmijenjena. Naši prevoditelji trenutačno pripremaju jezičnu inačicu koju vidite.
Swipe to change

Leġiżlazzjoni nazzjonali

Njemačka

Din il-paġna tagħtik informazzjoni dwar is-sistema legali fil-Ġermanja.

Sadržaj omogućio
Njemačka
Službeni prijevod nije dostupan u jezičnoj verziji koju tražite.
Ovdje možete pristupiti strojnom prijevodu ovog sadržaja. Imajte na umu da je svrha tog prijevoda samo pružiti kontekst. Vlasnik ove stranice ne prihvaća nikakvu odgovornost ni obvezu u pogledu kvalitete strojno prevedenog teksta.

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja hija Stat kostituzzjonali demokratiku, federali u soċjali. Flimkien mad-drittijiet bażiċi, il-prinċipji ta’ Stat kostituzzjonali, demokratiku, federali u soċjali jifformaw il-qalba invjolabbli tal-kostituzzjoni Ġermaniża, li l-osservanza tagħha hija ssalvagwardjata mill-Qorti Federali Kostituzzjonali.

Sorsi tal-liġi

Il-bażi tas-sorsi kollha tal-liġi hija l-kostituzzjoni Ġermaniża: il-Liġi Bażika għar-Repubblika Federali tal-Ġermanja (Liġi Bażika - Grundgesetz), li:

  • Tistabbilixxi l-istruttura fundamentali u l-prinċipji strutturali essenzjali tal-Istat u tal-ogħla organi tiegħu
  • Tiddefinixxi l-prinċipji li permezz tagħhom isiru l-elezzjonijiet għall-Bundestag (il-Parlament Federali Ġermaniż)
  • Tipprovdi l-bażi għall-istatus u għad-drittijiet tal-membri eletti liberament tal-Bundestag
  • Tiddeskrivi fil-qosor kif inhu organizzat il-Bundestag u kif iwettaq xogħlu.

Tipi ta' strumenti legali - deskrizzjoni

Is-sorsi miktubin prinċipali tal-liġi domestika Ġermaniża huma l-Liġi Bażika, il-leġiżlazzjoni, l-istrumenti statutorji u l-ordinamenti. Barra minn hekk, hemm sorsi mhux miktubin tal-liġi, fost l-oħrajn il-prinċipji ġenerali inklużi fil-liġi internazzjonali, il-liġi konswetudinarja u l-ġurisprudenza (speċjalment id-deċiżjonijiet tal-Qorti Federali Kostituzzjonali).

Il-Ġermanja hija Stat federali magħmul minn 16-il Stat kostitwent – il-Länder. Għaldaqstant, hemm liġijiet federali li japplikaw mat-territorju kollu tal-Federazzjoni, u liġijiet tal-Land li huma validi biss fil-Land inkwistjoni. Kull Land għandu l-kostituzzjoni tiegħu, u fil-qafas legali stabbilit mil-Liġi Bażika, għandu wkoll is-setgħa li jadotta kemm leġiżlazzjoni kif ukoll strumenti statutorji u ordinamenti.

Il-kompetenzi leġiżlattivi tal-Federazzjoni u tal-Länder jiġu rregolati b’mod dettaljat mil-Liġi Bażika. L-Artikoli 71 sa 74 jelenkaw is-setgħat leġiżlattivi tal-Federazzjoni. Fil-każijiet l-oħra kollha, ir-responsabbiltà hija tal-Länder.

Is-setgħa leġiżlattiva esklużiva tal-Federazzjoni

F’oqsma suġġetti għas-setgħa leġiżlattiva esklużiva tal-Federazzjoni, il-Länder għandhom is-setgħa li jadottaw leġiżlazzjoni biss fejn liġi federali espliċitament tagħtihom is-setgħa biex jagħmlu dan (Artikolu 71 tal-Liġi Bażika).

Skont l-Artikolu 73 tal-Liġi Bażika, il-Federazzjoni għandha setgħa leġiżlattiva esklużiva fl-oqsma li ġejjin (fost l-oħrajn): il-kwistjonijiet kollha marbuta mal-politika barranija, id-difiża (inkluża l-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili), iċ-ċittadinanza, il-libertà ta’ moviment, il-passaporti, ir-reġistrazzjoni tar-residenza u l-karti tal-identità, l-immigrazzjoni, l-emigrazzjoni u l-estradizzjoni, il-valuta u l-flus, l-għaqda doganali u ż-żona tal-kummerċ, it-trasport bl-ajru, il-kooperazzjoni bejn il-Federazzjoni u l-Länder rigward il-ħidma tal-pulizija f’kuntest kriminali, u l-liġi dwar l-armi u l-isplussivi.

Setgħat leġiżlattivi konkurrenti

F’oqsma suġġetti għal leġiżlazzjoni konkurrenti, il-Länder għandhom id-dritt li jadottaw il-leġiżlazzjoni bil-patt li, u sakemm, il-Federazzjoni ma teżerċitax is-setgħat leġiżlattivi tagħha fl-istess qasam (Artikolu 72 tal-Liġi Bażika). L-oqsma legali suġġetti għal leġiżlazzjoni konkurrenti jinkludu l-liġi ċivili, il-liġi kriminali u l-liġi dwar it-traffiku fit-toroq, kif ukoll il-liġi ta’ assoċjazzjoni, il-liġi dwar ir-residenza u l-istabbiliment taċ-ċittadini barranin, il-liġi dwar kwistjonijiet ekonomiċi, il-liġi dwar l-impjiegi, u ċerti aspetti tal-protezzjoni tal-konsumatur. Rigward ċerti kwistjonijiet li fl-Artikolu 74 tal-Liġi Bażika ġew elenkati bħala li jaqgħu fl-ambitu tal-leġiżlazzjoni konkurrenti, il-Federazzjoni għandha d-dritt li tadotta leġiżlazzjoni biss jekk u sakemm l-istabbiliment ta’ kundizzjonijiet ta’ għajxien ekwivalenti fit-territorju federali kollu jew iż-żamma ta’ għaqda legali jew ekonomika jagħmel ir-regolamentazzjoni federali meħtieġa fl-interess nazzjonali.

Il-liġijiet tal-Land ma jistgħux jidħlu f’kunflitt mal-liġijiet federali. L-Artikolu 31 tal-Liġi Bażika jistabbilixxi li: “Il-liġi federali għandha tieħu l-preċedenza fuq il-liġi tal-Land”. Dan il-prinċipju japplika irrispettivament mill-istatus ġerarkiku tar-regoli tal-liġi kunfliġġenti biex, pereżempju, statut federali jipprevali fuq il-kostituzzjoni ta’ Land.

Ġerarkija tan-normi

Il-Liġi Bażika tinsab fil-quċċata tal-ġerarkija tar-regoli domestiċi. Hija superjuri għas-sorsi l-oħra kollha tal-liġi domestika u, bħall-Kostituzzjoni, hija l-istrument li fuqu tiddependi s-sistema legali Ġermaniża kollha. Kull dispożizzjoni legali li tiġi adottata fil-Ġermanja trid tkun kompatibbli mal-Liġi Bażika, kemm fl-ispirtu kif ukoll fl-ittra. Għal dan il-għan, l-Artikolu 20(3) tal-Liġi Bażika jispeċifika li l-leġiżlatura hija marbuta mill-ordni kostituzzjonali filwaqt li l-eżekuttiv u l-ġudikatura huma marbuta mil-liġi u mill-ġustizzja. Barra minn hekk, il-leġiżlatura, l-eżekuttiv u l-ġurikatura huma partikolarment marbuta bid-drittijiet bażiċi stabbiliti fl-Artikoli 1 sa 19 tal-Liġi Bażika, li huma liġi direttament applikabbli (Artikolu 1(3)). Fl-aħħar mill-aħħar, il-preċedenza tal-Liġi Bażika hija ssalvagwardjata mill-Qorti Federali Kostituzzjonali.

L-Artikolu 79(2) jistipula li l-Liġi Bażika tista’ tiġi emendata biss b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri tal-Bundestag u b’żewġ terzi tal-voti tal-Bundesrat, li huwa l-organu li permezz tiegħu l-Länder jipparteċipaw fl-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni fi ħdan, u fl-amministrazzjoni tal-Federazzjoni, u fi kwistjonijiet li jikkonċernaw l-Unjoni Ewropea. Ċerti komponenti prinċipali tal-Liġi Bażika – jiġifieri d-diviżjoni tal-Federazzjoni f’Länder, il-parteċipazzjoni tagħhom, fil-prinċipju, fil-proċess leġiżlattiv u l-prinċipji stabbiliti fl-Artikoli 1 u 20 – bl-ebda mod ma jistgħu jiġu emendati (Artikolu 79(3)).

F’din il-ġerarkija, ir-regoli ġenerali tal-liġi internazzjonali jinsabu fi skaluna taħt il-Kostituzzjoni imma fuq il-liġijiet tal-Federazzjoni u tal-Länder. Il-Liġi Bażika tipprovdi espliċitament li dawn ir-regoli ġenerali huma parti integrali mil-liġi federali, li jieħdu preċedenza fuq tali liġijiet u li joħolqu direttament drittijiet u dmirijiet għall-abitanti tat-territorju federali (Artikolu 25). Dawn ir-regoli ġenerali tal-liġi internazzjonali b’effett legali għall-individwi (jiġifieri mhumiex regoli li huma rilevanti biss għall-Istat), jinkludu, pereżempju, il-garanzija ta’ forma xierqa ta’ protezzjoni legali għall-barranin jew ir-“regola tal-ispeċjalità”, fejn il-proċedimenti kriminali jkunu suġġetti għat-termini tal-awtorizzazzjoni għall-estradizzjoni tal-Istat barrani li qed jagħmel l-estradizzjoni.

Fil-ġerarkija, il-leġiżlazzjoni tinsab fuq skaluna taħt il-Kostituzzjoni. Is-setgħat leġiżlattivi tal-Federazzjoni b’relazzjoni għal-Länder huma enumerati b’mod dettaljat mil-Liġi Bażika (Artikoli 71-74). Il-Bundestag flimkien mal-Bundesrat jgħaddu l-liġijiet. L-abbozzi ta’ liġijiet jistgħu jiġu introdotti fil-Bundestag mill-Gvern Federali, mill-Bundesrat, jew mill-membri tal-Bundestag (minn grupp parlamentari jew minn 5% tal-membri tiegħu). Il-Liġi Bażika tispeċifika l-każijiet fejn l-approvazzjoni finali ta’ liġi mill-Bundestag teħtieġ il-kunsens tal-Bundesrat (bħalissa – skont il-materjal statistiku ppubblikat mill-Bundesrat fis-sit elettroniku tiegħu – madwar 45% mil-liġijiet kollha). Rigward il-bqija tal-liġijiet li jgħaddi l-Bundestag, il-Bundesrat jista’ biss joġġezzjona għal abbozz ta’ liġi adottat mill-Bundestag, li min-naħa tiegħu jista’ jiġi rrifjutat mill-Bundestag. Fejn ikun hemm differenzi ta’ opinjoni bejn il-Bundestag u l-Bundesrat, jista’ jitlaqqa’ kumitat komuni għall-kunsiderazzjoni konġunta tal-abbozzi tal-liġijiet (dak li jissejjaħ Kumitat ta’ Medjazzjoni) magħmul minn numru ndaqs ta’ membri tal-Bundestag u tal-Bundesrat (bħalissa 16-il membru minn kull wieħed). Ir-rwol tal-Kumitat ta’ Medjazzjoni huwa li jipproduċi proposti sabiex tintlaħaq l-unanimità, għalkemm huwa ma jistax jieħu deċiżjonijiet f’isem il-Bundestag u l-Bundesrat.

L-istrumenti statutorji huma subordinati għal-leġiżlazzjoni u jistgħu jinħarġu mill-Gvern Federali, minn ministru federali jew mill-gvernijiet tal-Länder. L-ordinamenti jinsabu fuq skaluna taħt l-istrumenti statutorji u jistgħu jinħarġu minn entità korporattiva organizzata skont il-liġi pubblika (eż. muniċipalità).

Qafas istituzzjonali

Istituzzjonijiet responsabbli għall-adozzjoni ta' regoli legali

Il-liġijiet Ġermaniżi jsiru mill-parlamenti tal-pajjiż. Il-Bundestag għalhekk huwa l-iktar organu leġiżlattiv importanti. Huwa jiddeċiedi dwar il-liġijiet kollha li jaqgħu fl-isfera ta’ kompetenza tal-Federazzjoni Ġermaniża fi proċess leġiżlattiv li jeħtieġ anki l-parteċipazzjoni tal-Bundesrat.

Il-Bundesrat, il-Gvern Federali u l-membri u l-grupp parlamentari tal-Bundestag huma intitolati jintroduċu biċċiet ġodda jew riveduti ta’ leġiżlazzjoni fil-Bundestag bħala abbozzi. Rigward dawn l-abbozzi isiru dibattiti, deliberazzjonijiet u votazzjonijiet fil-Parlament skont proċedura li hija rregolata b’mod preċiż.

Fis-sistema federali tal-Ġermanja, il-Länder għandhom sehem konsiderevoli mis-setgħat tal-Istat, u għalhekk il-Bundesrat jipparteċipa wkoll fl-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni. L-atti kollha jitressqu quddiem il-Bundesrat biex tittieħed votazzjoni dwarhom u – jiddependi min-natura tal-leġiżlazzjoni proposta – dan jista’ anki jwassal biex uħud mill-proposti ma jiġux aċċettati.

Għal iktar dettalji, jekk jogħġbok irreferi għas-sit elettroniku tal-Bundestag.

Proċess deċiżjonali

Adozzjoni tal-leġiżlazzjoni

Il-parti l-kbira tal-abbozzi tal-liġijiet u tal-punti għad-diskussjoni jiġu ppreparati mill-Gvern Federali. Bħala l-livell ċentrali tal-eżekuttiv, huwa għandu l-iktar esperjenza fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni flimkien ma’ għarfien dirett ta’ fejn, fil-prattika, ikunu meħtieġa dispożizzjonijiet statutorji ġodda.

Madankollu, mhux biss il-Gvern Federali imma anki l-Bundesrat u l-membri tal-Bundestag Ġermaniż huma intitolati jippreżentaw l-abbozzi li jirriżultaw f’atti legali ġodda.

Inizjattivi introdotti mill-Gvern Federali jew mill-Bundesrat

Jekk il-Gvern Federali jixtieq jemenda jew jintroduċi liġi, l-ewwel nett il-Kanċillier Federali jrid jibagħat l-abbozz quddiem il-Bundesrat.

Bħala regola, il-Bundesrat imbagħad għandu perjodu ta’ sitt ġimgħat biex jagħti l-kummenti tiegħu dwar l-abbozz, li min-naħa tiegħu l-gvern jista’ jirrispondihom permezz ta’ dikjarazzjoni bil-miktub. Il-Kanċillier Federali mbagħad jgħaddi l-abbozz, flimkien mal-kummenti tal-Bundesrat, lill-Bundestag. Eċċezzjoni waħda għal din il-proċedura hija l-abbozz tal-Att tal-Baġit, li jiġi trażmess fl-istess ħin lill-Bundesrat u lill-Bundestag.

Meta l-inizjattivi leġiżlattivi jiġu introdotti mill-Bundesrat tapplika proċedura simili. Wara li maġġoranza tal-membri tal-Bundesrat ikunu vvutaw favur abbozz, dan l-ewwel imur għand il-Gvern Federali, li jehmeż il-kummenti tiegħu miegħu, ġeneralment fi żmien sitt ġimgħat, u mbagħad jgħaddi għand il-Bundestag.

Inizjattivi introdotti mill-membri tal-Bundestag

L-abbozzi tal-liġijiet jistgħu wkoll jiġu ppreżentati mill-membri tal-Bundestag, f’liema każ iridu jkunu appoġġjati jew minn għall-inqas wieħed mill-gruppi parlamentari jew minn għall-inqas 5% tal-membri tal-Bundestag.

L-abbozzi introdotti b’dan il-mod m’hemmx għalfejn jitressqu l-ewwel quddiem il-Bundesrat. Għal din ir-raġuni, il-gvern xi drabi jagħmel arranġamenti biex abbozzi partikolarment urġenti jiġu introdotti mill-gruppi parlamentari tiegħu fil-Bundestag.

Distribuzzjoni ta' karti stampati

Qabel ma jistgħu jibdew id-deliberazzjonijiet dwar abbozz ta’ liġi fil-Bundestag, l-ewwel irid jintbagħat għand il-President tal-Bundestag, u mbagħad irid jiġi rreġistrat u stampat mill-Amministrazzjoni.

Wara jitqassam lill-membri kollha tal-Bundestag u tal-Bundesrat, kif ukoll lill-ministeri federali, bħala karta stampata tal-Bundestag.

Malli l-abbozz jitqiegħed fuq l-aġenda tas-sessjoni plenarja, l-ewwel stadju tal-adozzjoni tiegħu mill-Parlament tkun lesta; imbagħad jista’ jiġi introdott uffiċjalment fil-forum pubbliku tal-Bundestag.

Tliet tipi ta' qari fis-sessjoni plenarja

Bħala regola, isiru tliet dibattiti dwar l-abbozzi tal-liġijiet fis-sessjoni plenarja tal-Bundestag – dawn id-dibattiti huma magħrufa bħala qari.

Matul l-ewwel qari, isir dibattitu biss jekk ikun intlaħaq qbil dwar dan fil-Kunsill tal-Anzjani (jiġifieri, entità eżekuttiva speċjali tal-Bundestag) jew jekk dan jintalab minn wieħed mill-grupp parlamentari. Fil-parti l-kbira, dan jiġri meta l-proġetti leġiżlattivi jkunu partikolarment kontroversjali jew ta’ interess speċjali għall-pubbliku.

L-għan primarju tal-ewwel qari huwa li jinħatar kumitat wieħed jew diversi kumitati sabiex jikkunsidra l-abbozz ta’ liġi u jippreparah għat-tieni qari tiegħu. Dan isir fuq il-bażi tar-rakkomandazzjonijiet li jagħmel il-Kunsill tal-Anzjani.

Jekk jinħatru diversi kumitati, kumitat wieħed jingħata r-responsabbiltà ġenerali għad-deliberazzjoni dwar l-abbozz, u jkun responsabbli biex l-abbozz ta’ liġi jgħaddi mill-Parlament. Il-kumitati l-oħra jintalbu jagħtu l-opinjonijiet tagħhom dwar l-abbozz.

Ħidma leġiżlattiva fil-kumitati

Il-ħidma dettaljata dwar il-leġiżlazzjoni ssir fil-kumitati permanenti, li huma magħmula minn membri tal-gruppi parlamentari kollha. Il-membri tal-kumitat jiffamiljarizzaw irwieħhom mal-materjal u jiddeliberaw dwaru fil-laqgħat tagħhom. Huma jistgħu wkoll jistiednu xi esperti u rappreżentanti ta’ gruppi ta’ interess għal seduti pubbliċi.

Parallelament għall-ħidma li ssir mill-kumitati, il-gruppi parlamentari jifformaw gruppi ta’ ħidma, fejn jeżaminaw il-kwistjonijiet ikkonċernati u jiddefinixxu l-pożizzjonijiet tagħhom.

Xi minn daqqiet jista’ jiġri li fil-kumitati jinbnew relazzjonijiet siewja bejn il-gruppi parlamentari. Il-parti l-kbira tal-abbozzi jiġu riveduti, sa ċertu punt, bħala riżultat ta’ kollaborazzjoni bejn il-gruppi parlamentari tal-Gvern u tal-Oppożizzjoni.

Wara li jintemmu d-deliberazzjonijiet, il-kumitat bir-responsabbiltà ġenerali għall-abbozz ta’ liġi jippreżenta rapport lis-sessjoni plenarja dwar l-andament u r-riżultati tad-deliberazzjonijiet tiegħu. Id-deċiżjoni li jirrakkomanda tkun il-bażi għat-tieni qari li issa jkun imiss fis-sessjoni plenarja.

Dibattitu waqt it-tieni qari

Qabel it-tieni qari, il-membri kollha jirċievu r-rakkomandazzjoni għal deċiżjoni ppubblikata f’forma stampata. Għalhekk, ikunu ppreparati sew għad-dibattitu. Qabel dan id-dibattitu, il-gruppi parlamentari anki jerġgħu jikkoordinaw il-pożizzjoni tagħhom f’laqgħat interni, sabiex jippreżentaw front maqgħud fit-tieni qari pubbliku.

Wara d-dibattitu ġenerali, id-dispożizzjonijiet kollha stabbiliti fl-abbozz ta’ liġi jistgħu jiġu kkunsidrati b’mod individwali. Bħala regola, però, is-sessjoni plenarja tgħaddi direttament għal votazzjoni fuq l-abbozz ta’ liġi kollu.

Kwalunkwe membru tal-Bundestag jista’ jqiegħed fuq il-medja tal-kamra mozzjonijiet għal emendi, li mbagħad jiġu ttrattati immedjatament fis-sessjoni plenarja. Jekk is-sessjoni plenarja tadotta l-emendi, il-verżjoni l-ġdida tal-abbozz ta’ liġi l-ewwel trid tiġi stampata u mqassma. Madankollu, din il-proċedura tista’ titqassar bil-kunsens ta’ żewġ terzi tal-membri preżenti. B’hekk it-tielet qari ikun jista’ jibda immedjatament.

Votazzjoni matul it-tielet qari

Matul it-tielet qari isir dibattitu ieħor biss jekk dan jintalab minn grupp parlamenari jew minn għall-inqas 5% tal-membri tal-Bundestag.

F’dan l-istadju, il-membri individwali ma jistgħux iqiegħdu iktar mozzjonijiet għal emendi fuq il-mejda tal-kamra; dan jista’ jsir biss minn wieħed mill-grupp parlamentari jew minn 5% mill-membri tal-Bundestag. Barra minn hekk, fuq il-mejda tal-kamra jistgħu jitqiegħdu biss mozzjonijiet għal emendi li ġew adottati waqt it-tieni qari.

Il-votazzjoni finali ssir fi tmiem it-tielet qari. Meta l-President tal-Bundestag isaqsi għall-voti favur l-abbozz ta’ liġi, għall-voti kontra tiegħu u għall-astensjonijiet, il-membri jirrispondu billi jqumu bilwieqfa.

Hekk kif abbozz ta’ liġi jikseb il-maġġoranza meħtieġa fis-sessjoni plenarja tal-Bundestag, dan jgħaddi għand il-Bundesrat bħala att.

Kunsens tal-Bundesrat

Permezz tal-Bundesrat, il-Länder ikunu involuti fit-tiswir ta’ kull biċċa leġiżlazzjoni. F’dan ir-rigward, id-drittijiet tal-Bundesrat li jipparteċipa fil-proċess leġiżlattiv huma ddefiniti b’mod preċiż.

Il-Bundesrat ma jistax jagħmel emendi għal att li ġie adottat mill-Bundestag. Madankollu, jekk ma jagħtix il-kunsens tiegħu għal att, jista’ jitlob li jitlaqqa’ l-Kumitat ta’ Medjazzjoni. Il-Kumitat ta’ Medjazzjoni huwa magħmul minn numru ndaqs ta’ membri tal-Bundestag u tal-Bundesrat.

Għal uħud mill-abbozzi ta’ liġijiet, il-kunsens tal-Bundesrat huwa rekwiżit obbligatorju. Dawn jinkludu, pereżempju, l-atti li jaffetwaw il-finanzi u l-kompetenzi amministrattivi tal-Länder.

Fejn għandhom x’jaqsmu l-abbozzi tal-liġijiet li l-Bundesrat jista’ joġġezzjona għalihom, il-Bundestag jista’ jdaħħal fis-seħħ att anki jekk ma jkun intlaħaq l-ebda ftehim fil-Kumitat ta’ Medjazzjoni. Madankollu, dan jeħtieġ votazzjoni oħra fejn il-Bundestag jgħaddi l-abbozz b’maġġoranza assoluta.

Dħul fis-seħħ

Hekk kif abbozz ta’ liġi jkun ġie approvat mill-Bundestag u mill-Bundesrat, dan irid jgħaddi minn numru ta’ stadji oħrajn qabel ma jista’ jidħol fis-seħħ.

Att li jkun ġie adottat, l-ewwel jiġi stampat u mbagħad jintbagħat lill-Kanċillier Federali u lill-ministru federali kompetenti, li jikkontrofirmawh.

Il-President Federali mbagħad jirċievi l-att biex bil-firma tiegħu jsir liġi. Huwa jeżamina jekk l-att ikunx ġie adottat skont il-Kostituzzjoni u jekk hux ħieles minn ksur materjali evidenti tal-Liġi Bażika. Hekk kif jitwettqu dawn il-kontrolli, il-President Federali jiffirma l-att u jordna li jiġi ppubblikat fil-Gazzetta tal-Liġijiet Federali (Bundesgesetzblatt).

F’dan il-punt, jiġi ppromulgat l-att. Jekk fl-att ma tissemma l-ebda data speċifika meta għandu jidħol fis-seħħ, dan iseħħ fl-14-il jum mill-pubblikazzjoni fil-Gazzetta tal-Liġijiet Federali.

Għal iktar dettalji jekk jogħġbok irreferi għas-sit elettroniku tal-Parlament Ġermaniż (Bundestag)

Bażijiet tad-dejta legali

Fil-bażi tad-dejta legali Ġermaniża tiegħu, JURIS, il-Ministeru Federali tal-Ġustizzja jipprovdi, fost l-oħrajn, il-liġi federali fil-verżjoni valida u aġġornata tagħha. Huwa inkluż sett komplut ta’ verżjonijiet preċedenti flimkien ma’ liġijiet li ġew ippubblikati imma li għadhom ma daħlux fis-seħħ.

Il-bażi tad-dejta tinkludi wkoll it-Trattat ta’ Unifikazzjoni u r-regolamenti ta’ dik li kienet ir-Repubblika Demokratika Ġermaniża li għadhom japplikaw fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

Il-liġi tal-Istati federali (Länder) hija kompluta u aġġornata.

Ċerti biċċiet ta’ leġiżlazzjoni huma wkoll disponibbli bl-Ingliż, pereżempju:

L-aċċess għall-bażi tad-dejta huwa bi ħlas.

Għaċ-ċittadini interessati, fis-sit tal-Gesetze im Internet u fis-sit tal-Ministeru Federali tal-Ġustizzja ġew ipprovduti, mingħajr ħlas, żewġ bażijiet tad-dejta legali li jinkludu kważi l-Liġi Federali attwali kollha (inklużi l-ordnijiet statutorji). Iż-żewġ bażijiet tad-dejta jiġu pprovduti mill-Ministeru Federali tal-Ġustizzja flimkien ma’ Juris GmbH.

Barra minn hekk, il-Ministeru Federali tal-Intern – b’kooperazzjoni ma’ Juris GmbH – stabbilixxa bażi tad-dejta għall-pubblikazzjoni tar-regolamenti federali.

Links relatati

Gvern Federali Ġermaniż

Pubblikazzjoni tar-regolamenti federali

Att Introduttiv għall-Kodiċi Ċivili

Kodiċi Kriminali

Kodiċi Ċivili

Bundestag

Organi

L-aħħar aġġornament: 20/02/2013

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Povratne informacije

Koristite se obrascem u nastavku kako biste podijelili svoje komentare i povratne informacije o našoj novoj internetskoj stranici