Izvorna jezična inačica ove stranice njemački nedavno je izmijenjena. Naši prevoditelji trenutačno pripremaju jezičnu inačicu koju vidite.
Swipe to change

Leġiżlazzjoni nazzjonali

Austrija

Introduzzjoni – Din il-paġna tipprovdi informazzjoni dwar l-ordinament ġuridiku Awstrijak u ħarsa ġenerali lejn il-liġi Awstrijaka.

Sadržaj omogućio
Austrija
Službeni prijevod nije dostupan u jezičnoj verziji koju tražite.
Ovdje možete pristupiti strojnom prijevodu ovog sadržaja. Imajte na umu da je svrha tog prijevoda samo pružiti kontekst. Vlasnik ove stranice ne prihvaća nikakvu odgovornost ni obvezu u pogledu kvalitete strojno prevedenog teksta.

Sorsi ġuridiċi

Il-liġi Awstrijaka hija primarjament liġi miktuba (gesatztes). Min-naħa l-oħra l-liġi konswetudinarja għandha rwol ristrett ferm. Is-sentenzi tal-ogħla qrati jipprovdu gwida importanti għall-applikazzjoni tal-liġi, u huma ta’ importanza kbira, iżda l-liġi żviluppata mill-ġurisprudenza mhijiex formalment rikonoxxuta bħala sors ta’ liġi.

Il-Kostituzzjoni Awstrijaka tiddikjara li n-normi ġeneralment rikonoxxuti tad-dritt internazzjonali jagħmlu parti mil-liġi federali tal-Awstrija, u tipprevedi għall-inkorporazzjoni tat-trattati internazzjonali fl-ordinament ġuridiku Awstrijak (bi jew mingħajr leġiżlazzjoni speċifika). Il-klassifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-trattati fl-ordinament ġuridiku nazzjonali hija determinata mill-kontenut tagħhom.

Sabiex jiġu approvati fin-Nationalrat (il-kamra tad-deputati tal-Parlament Awstrijak), it-trattati internazzjonali li jemendaw jew li jissupplimentaw il-Kostituzzjoni jeħtieġu l-istess maġġoranzi speċjali bħal-liġijiet federali kostituzzjonali. Trattati li jemendaw jew li jissupplimentaw il-liġi statutorja jeħtieġu l-istess kworums bħall-istatuti.

Bħala prinċipju, il-President Federali jikkonkludi trattati internazzjonali fuq talba tal-gvern federali jew tal-ministru federali li jkun ingħata din is-setgħa mill-gvern. It-trattati politiċi u t-trattati li jemendaw jew li jissupplimentaw il-leġiżlazzjoni jeħtieġu l-kunsens minn qabel tan-Nationalrat. Il-President Federali jista’ jagħti s-setgħa lill-gvern federali jew lill-membri rilevanti tal-gvern federali biex jikkonkludu ċerti kategoriji ta’ trattati internazzjonali li mhumiex politiċi u li la jemendaw u lanqas ma jissupplimentaw il-leġiżlazzjoni.

Skont il-Kostituzzjoni tal-Awstrija, id-disa’ provinċji (Bundesländer) huma lkoll soġġetti għad-dritt kostituzzjonali provinċjali tagħhom stess minbarra li huma soġġetti wkoll għad-dritt kostituzzjonali federali. Id-dritt kostituzzjonali provinċjali ma għandux ikun inkonsistenti mad-dritt kostituzzjonali federali, u għalhekk huwa subordinat għalih. Iżda fil-prinċipju m’hemmx din l-ordni ta’ preċedenza bejn il-liġijiet federali u l-liġijiet tal-provinċji. Mill-1988, l-istati jistgħu jikkonkludu wkoll trattati internazzjonali fi kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-ġuriżdizzjoni tagħhom. Madankollu, fil-qasam tal-affarijiet barranin, il-gvern federali jżomm is-supremazija tiegħu.

Tipi ta’ strumenti legali – ġerarkija tan-normi

Biex tgħaddi, leġiżlazzjoni kostituzzjonali Federali teħtieġ maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-voti fin-Nationalrat, b’tal-anqas nofs il-membri preżenti. Barra minn hekk, il-leġiżlazzjoni maħluqa b’dan il-mod għandha tkun speċifikament deżinjata bħala “att kostituzzjonali” jew “dispożizzjoni kostituzzjonali”.

Min-naħa l-oħra, riżoluzzjoni valida dwar dispożizzjoni bbażata fuq liġi statutorja Federali teħtieġ il-preżenza ta’ mill-inqas terz tal-membri tan-Nationalrat u maġġoranza assoluta tal-voti mitfugħa.

1. Prinċipji ta’ gwida tal-Kostituzzjoni

Il-prinċipji gwida li ġejjin (Grundprinzipien) tal-Kostituzzjoni Awstrijaka huma l-aktar dispożizzjonijiet importanti fl-ordinament ġuridiku tal-pajjiż:

  • il-prinċipju demokratiku
  • il-prinċipju tas-separazzjoni tas-setgħat
  • il-prinċipju tal-istat tad-dritt
  • il-prinċipju repubblikan
  • il-prinċipju federali, u
  • il-prinċipju liberali.

Flimkien, dawn il-prinċipji gwida jifformaw dak li jissejjaħ l-ordni kostituzzjonali fundamentali (verfassungsrechtliche Grundordnung).

Huma għandhom importanza kostituzzjonali kbira. Jekk emenda prinċipali tal-Kostituzzjoni twassal għall-abbandun ta’ xi wieħed mill-prinċipji gwida, jew tbiddel b’mod sostanzjali r-relazzjoni bejn dawk il-prinċipji, din titqies bħala reviżjoni komprensiva tal-Kostituzzjoni u teħtieġ tiġi approvata b’referendum.

2. Id-dritt primarju u sekondarju tal-UE

L-adeżjoni tal-Awstrija mal-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Jannar 1995 kienet tirrikjedi reviżjoni komprensiva tal-Kostituzzjoni Awstrijaka. Mill-adeżjoni tal-Awstrija, l-ordinament ġuridiku huwa bbażat mhux biss fuq id-dritt kostituzzjonali Awstrijak iżda wkoll fuq id-dritt tal-Unjoni (duwaliżmu kostituzzjonali). Skont l-opinjoni prevalenti d-dritt tal-Unjoni jipprevali fuq id-dritt nazzjonali kif ukoll fuq id-dritt kostituzzjonali federali ordinarju, iżda mhux fuq il-prinċipji gwida tal-Kostituzzjoni.

3. Dritt kostituzzjonali federali “ordinarju”

Id-dritt kostituzzjonali jistabbilixxi r-regoli tax-xena politika, billi jispeċifika:

  • il-proċedura leġiżlattiva
  • l-istatus tal-ogħla korpi fi ħdan l-istat
  • ir-relazzjoni bejn il-gvern federali u l-provinċji fil-proċess leġiżlattiv u l-applikazzjoni tal-liġi, u
  • il-kontroll tal-azzjoni tal-gvern mill-qrati tal-liġi pubblika.

4. Statut Federali

Il-prinċipju fundamentali tal-istat tad-dritt stabbilit fil-Kostituzzjoni jeħtieġ li l-applikazzjoni tal-liġi fl-amministrazzjoni pubblika u fil-qrati ssir skont il-liġi. Il-Kostituzzjoni taqsam is-setgħat leġiżlattivi bejn il-gvern federali u l-provinċji.

5. Regolamenti

Ir-Regolamenti (Verordnungen) huma dispożizzjonijiet legali ġenerali magħmula minn awtoritajiet amministrattivi li huma vinkolanti fuq il-persuni kollha soġġetti għal-liġi. Il-Kostituzzjoni tikkonferixxi awtorizzazzjoni ġenerali għall-ħruġ ta’ regolamenti ta’ implimentazzjoni bil-għan li jiġu elaborati aktar ir-regoli stabbiliti f’dispożizzjonijiet aktar ġenerali, ħafna drabi liġijiet. Ir-regolamenti jistgħu jemendaw jew jissupplimentaw liġijiet biss meta jkun hemm awtorizzazzjoni espressa fil-Kostituzzjoni.

6. Deċiżjonijiet

Id-Deċiżjonijiet (Bescheide) huma primarjament atti amministrattivi li japplikaw il-liġi li huma indirizzati biss lejn il-persuni msemmija f’dawk id-deċiżjonijiet.

Qafas istituzzjonali

Il-leġiżlatura

Il-Kostituzzjoni taqsam il-poteri bejn il-gvern federali u l-provinċji, b’diversi entitajiet involuti fil-proċess leġiżlattiv.

In-Nationalrat jippromulga l-leġiżlazzjoni federali, ġeneralment bl-involviment tal-Bundesrat (is-senat tal-Parlament Awstrijak). Il-183 membru tan-Nationalrat jiġu eletti direttament mill-poplu. Madankollu, il-Bundesrat jiġi elett mill-kunsilli provinċjali (Landtage). Bħala regola l-Bundesrat huwa awtorizzat biss jippreżenta oġġezzjoni sospensiva għal abbozz ta’ liġi.

Il-liġi provinċjali tiġi promulgata mill-kunsilli provinċjali.

Il-proċedura leġiżlattiva

Abbozzi ta’ liġijiet jistgħu jiġu sottomessi lin-Nationalrat kif ġej:

  • mill-membri tan-Nationalrat innifsu (abbozz ta’ liġi privata)
  • mill-gvern federali (abbozz ta’ liġi tal-gvern), jew
  • mill-Bundesrat.

Barra minn hekk, inizjattiva taċ-ċittadini għandha titressaq quddiem in-Nationalrat għal diskussjoni jekk tkun iffirmata minn 100 000 votant, jew minn wieħed minn kull sitta tal-votanti fi tliet provinċji.

Fil-prattika, il-biċċa l-kbira tal-inizjattivi leġiżlattivi joriġinaw mill-gvern federali. Abbozzi ta’ liġijiet tal-gvern federali jeħtieġu approvazzjoni unanima tal-gvern federali (fil-kabinett). Dawn jiġu abbozzati mill-ministru rilevanti, u qabel ma jiġu approvati mill-gvern jintalbu l-kummenti ta’ korpi oħra, bħall-provinċji jew partijiet interessati oħra.

Wara li jkunu għaddew fin-Nationalrat, l-abbozzi ta’ liġijiet jeħtieġu l-kunsens tal-Bundesrat. (L-abbozzi tal-liġijiet federali tal-finanzi ma għandhomx għalfejn jiġu sottomessi lill-Bundesrat – is-sovranità federali tan-Nationalrat.) Il-Kanċillier imbagħad jissottometti l-abbozzi tal-liġijiet lill-President għall-awtentikazzjoni.

In-Nationalrat jista’ jiddeċiedi li jsir referendum dwar abbozz ta’ liġi. Referendum jista’ jintalab ukoll minn maġġoranza tal-membri tan-Nationalrat. F’dan il-każ, abbozz ta’ liġi li jkun diġà għadda min-Nationalrat għandu mbagħad jiġi approvat permezz ta’ referendum qabel jiġi awtentikat. Barra minn hekk kull reviżjoni komprensiva tal-Kostituzzjoni teħtieġ li tkun soġġetta għal referendum.

Il-President jiċċertifika li att ikun għadda f’konformità mal-Kostituzzjoni billi jiffirmah. Dik l-awtentikazzjoni mbagħad trid tiġi kontrofirmata mill-Kanċillier.

Ladarba l-Kanċillier jikkontrofirmaha, il-leġiżlazzjoni federali tiġi ppubblikata fil-Bundesgesetzblatt (Il-Gazzetta tal-Liġi Federali). Sakemm liġi nnifisha ma tinkludix dispożizzjoni espliċita għal effett retroattiv jew tispeċifika d-data meta għandha tidħol fis-seħħ (vacatio legis), din tidħol fis-seħħ fl-aħħar tal-jum tal-pubblikazzjoni u tad-distribuzzjoni tal-ħarġa tal-Gazzetta tal-Liġi Federali li fiha tiġi ppubblikata.

Att jista’ jiġi abrogat jew b’mod espliċitu (deroga formali) jew bil-mogħdija ta’ leġiżlazzjoni ġdida li l-kontenut tagħha ma jkunx konsistenti mad-dispożizzjoni preċedenti (deroga materjali), mingħajr dikjarazzjoni formali li d-dispożizzjoni preċedenti ma għadhiex fis-seħħ (lex posterior derogat legi priori). Normi speċifiċi jipprevalu fuq dawk ġenerali (lex specialis derogat legi generali). Il-perjodu ta’ validità ta’ liġi jista’ anke jiġi determinat mill-bidu.

Bażijiet ta’ data ġuridiċi

Ir-Rechtsinformationssystem des Bundes (Is-Sistema ta’ Informazzjoni Ġuridika tar-Repubblika tal-Awstrija), operata mill-Ministeru Federali għall-Affarijiet Diġitali u Ekonomiċi, tipprovdi aċċess online għal-leġiżlazzjoni Awstrijaka.

L-aċċess għall-bażi tad-data huwa mingħajr ħlas?

L-aċċess għar-Rechtsinformationssystem des Bundes huwa mingħajr ħlas.

Deskrizzjoni qasira tal-kontenut

Is-Sistema ta’ Informazzjoni Ġuridika tar-Repubblika tal-Awstrija tipprovdi informazzjoni dwar:

Dritt Federali

  1. Dritt Federali (verżjoni konsolidata)
  2. Verżjoni awtorevoli tal-Gazzetta tal-Liġi Federali Awstrijaka (Bundesgesetzblatt) mill-2004
  3. Gazzetta tal-Liġi Federali Awstrijaka 1945-2003
  4. Gazzetti tal-Liġi Federali u Imperjali (Reichs-, Staats- u Bundesgesetzblatt) 1848-1940
  5. Ġabriet ta’ liġijiet u ta’ regolamenti 1740-1848 (estern)
  6. Gazzetti tal-Liġi Ġermaniża (Reichsgesetzblatt) 1919-1945 (estern)
  7. Abbozzi ta’ liġijiet (Begutrachtungsentwürfe)
  8. Abbozzi ta’ liġijiet tal-gvern (Regierungsvorlagen)

Liġi Provinċjali

  1. Liġi Provinċjali (verżjoni konsolidata)
  2. Gazzetti tal-liġi provinċjali awtorevoli u mhux awtorevoli (Landesgesetzblätter) (diversi perjodi ta’ żmien)

Liġi muniċipali: għażla ta’ dispożizzjonijiet legali ta’ muniċipalitajiet tal-provinċji li ġejjin:

  1. Carinthia (il-muniċipalitajiet kollha)
  2. L-Awstrija t’Isfel
  3. L-Awstrija ta’ Fuq
  4. Salzburg
  5. Styria
  6. Vjenna

Sentenzi

  1. Qorti Kostituzzjonali (Verfassungsgerichtshof)
  2. Qorti Amministrattiva (Verwaltungsgerichtshof)
  3. Il-lista ta’ atti leġiżlattivi (Normenliste) imfassla mill-Qorti Amministrattiva Suprema
  4. Sentenzi tal-Qorti Suprema (Oberster Gerchtshof), tal-ogħla qrati reġjonali (Oberlandsgerichte), tal-qrati reġjonali (Landesgerichte), tal-qrati distrettwali (Bezirksgerichte) u tal-Qorti Suprema tal-Privattivi u tat-Trade Marks (Oberste Patent- und Markensenat), u sentenzi internazzjonali
  5. Qorti Amministrattiva Federali (Bundesverwaltungsgericht)
  6. Qrati Amministrattivi Reġjonali (Landesverwaltungsgerichte)
  7. Qorti Fiskali Federali (Bundesfinanzgericht) (estern)
  8. L-awtorità għall-Protezzjoni tad-Data (qabel l-2014: Kummissjoni għall-Protezzjoni tad-Data)
  9. Kummissjonijiet Dixxiplinari, Kummissjoni Dixxiplinari Suprema, Tribunal tal-Appelli (Disziplinarkommissionen, Disziplinaroberkommission, Berufungskommission)
  10. L-awtorità Superviżorja għar-Rappreżentanza tal-Impjegati (Personalvertretungsaufsichtsbehörde) (qabel l-2014: It-Tribunal Superviżorju għar-Rappreżentanza tal-Impjegati (Personalvertretungs-Aufsichtskommission)
  11. Kummissjonijiet għat-Trattament Ugwali (Gleichbehandlungskommissionen) mill-2014
  12. Kummissjonijiet għat-Trattament Ugwali (Gleichbehandlungskommissionen) mill-2008 (estern)
  13. Dokumentazzjoni finanzjarja, Tribunal tal-Finanzi Indipendenti (Unabhängiger Finanzsenat) (estern)
  14. Tribunali Amministrattivi Indipendenti (Unabhängige Verwaltungssenate) – għażla ta’ deċiżjonijiet mill-1991 sal-2013
  15. Qorti tal-Ażil (Asylgerichtshof) – Lulju 2008 sal-2013
  16. Bord Federali Indipendenti tal-Ażil (Unabhängiger Bundesasylsenat) – għażla ta’ deċiżjonijiet mill-1998 sal-aħħar ta’ Ġunju 2008
  17. Tribunal Ambjentali (Umweltsenat) - għażla ta’ deċiżjonijiet mill-1994 sal-2013
  18. Bord Federali tal-Komunikazzjonijiet (Bundeskommunikationssenat) – għażla ta’ deċiżjonijiet mill-2001 sal-2013
  19. Korpi għas-sorveljanza tal-akkwist pubbliku (Vergabekontrollbehörden) – għażla ta’ deċiżjonijiet sal-2013
  20. Deċiżjonijiet tal-Qorti Suprema u tal-Qorti tal-Kassazzjoni f’Materji Ċivili u Kriminali (1885-1897) (estern)
  21. Ġabra tad-deċiżjonijiet tal-Qorti Imperjali Awstrijaka (Reichsgericht) 1869-1918 (estern)
  22. Ġabra tad-deċiżjonijiet tal-Qorti Amministrattiva Awstrijaka (Verfassungsgerichtshof) 1919-1979 (estern)
  23. Ġabra tad-deċiżjonijiet tal-Qorti Amministrattiva Awstrijaka (Verfassungsgerichtshof) 1876-1934 (estern)

Proklamazzjonijiet oħrajn:

  1. Regolamenti għall-eżamijiet ta’ kapumastri u għall-eżamijiet tal-kompetenza professjonali skont il-Kodiċi Industrijali (Gewerbeordnung)
  2. Dispożizzjonijiet uffiċjali tas-sistema tas-sigurtà soċjali – awtorevoli mill-2002
  3. Pjanijiet għall-Infrastruttura fil-Qasam tal-Kura tas-Saħħa (ÖSG, RSG)
  4. Bullettini veterinarji uffiċjali (OVB) mill-15.9.2004

Ċirkulari ġenerali (Erlässe)

  1. Ċirkulari maħruġa minn ministeri federali
  2. Direttivi u ċirkulari maħruġa mill-Ministeru Federali tal-Finanzi (estern)
  3. Ċirkulari maħruġa mill-Ministeru Federali tax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali, is-Saħħa u l-Protezzjoni tal-Konsumatur (Bundesministerium für Arbeit, Soziales, Gesundheit und Konsumentenschutz) fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali (estern)

Il-liġijiet Awstrijaċi

Xi liġijiet Awstrijaċi huma disponibbli wkoll bl-Ingliż.

Aktar informazzjoni

Aktar informazzjoni tista’ tinstab fuq is-sit web tar-Rechtsinformationssystem des Bundes.

L-aħħar aġġornament: 13/09/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.