Fil-qasam tal-ġustizzja ċivili, il-proċeduri u l-proċedimenti pendenti mibdija fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni se jkomplu skont il-liġi tal-UE. Il-Portal tal-e-Ġustizzja, abbażi tal-ftehim reċiproku mar-Renju Unit, se jżomm l-informazzjoni rilevanti marbuta mar-Renju Unit sa tmiem l-2024.

Negozju u drittijiet tal-bniedem

Skozja

Il-kontenut ipprovdut minn
Skozja

1. X’tip ta’ ħarsien ġudizzjarju għandi f’pajjiżek bħala vittma ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem relatati man-negozju? Dan il-ħarsien jinkludi kumpens?

L-Att dwar l-Iskozja (Scotland Act) tal-1998 jirrikjedi li l-leġiżlazzjoni kollha mgħoddija mill-Parlament Skoċċiż u l-atti kollha tal-membri tal-Gvern Skoċċiż ikunu kompatibbli mad-drittijiet li jinsabu fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB). L-Att dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (Human Rights Act) tal-1998 jagħmilha illegali għall-awtoritajiet pubbliċi fl-Iskozja li jaġixxu b’mod mhux kompatibbli mad-drittijiet tal-Konvenzjoni. Jekk iseħħ ksur tad-drittijiet tal-bniedem, il-qrati Skoċċiżi għandhom is-setgħa li jisimgħu l-kawżi u jipprovdu rimedji.

L-Att dwar il-Kumpaniji (Companies Act) tal-2006 jistabbilixxi l-bażi ġuridika li abbażi tagħha jiġu fformati u jitmexxew il-kumpaniji. L-Uffiċċju tal-Kuruna u l-Prosekutur (Crown Office and Procurator Fiscal Service (COPFS)) jista’ jibda proċeduri kontra negozji Skoċċiżi fil-qrati Skoċċiżi meta jkun hemm evidenza li twettaq reat.

L-Att tal-Iskozja dwar it-Traffikar u l-Isfruttament tal-Bnedmin (Human Trafficking and Exploitation (Scotland) Act) tal-2015 jikkonsolida u jsaħħaħ il-liġi kriminali eżistenti tar-Renju Unit kontra t-traffikar u l-isfruttament tal-bnedmin, u jsaħħaħ l-istatus tal-vittmi u l-appoġġ għalihom.

L-Att fih dispożizzjonijiet dwar il-ħolqien ta’ reat wieħed ta’ traffikar tal-bnedmin għat-tipi kollha ta’ sfruttament kemm ta’ adulti kif ukoll ta’ tfal; jistabbilixxi gravanti statutorji tat-traffikar tal-bnedmin għall-użu ma’ reati oħrajn; u jfassal approċċ ġdid għar-reat preċedenti awtonomu ta’ skjavitù, ta’ servitù u ta’ xogħol furzat jew obbligatorju.

L-Artikolu 4 tal-Att tal-2015 jipprevedi ir-reat ta’ skjavitù, ta’ servitù u ta’ xogħol furzat jew obbligatorju, li jrid jiġi interpretat f’konformità mal-Artikolu 4 tal-KEDB.

Korpi korporattivi (pereżempju kumpanija), assoċjazzjonijiet mhux inkorporati u sħubijiet jistgħu jkunu ħatja ta’ reat ta’ traffikar tal-bnedmin jew ta’ reat skont l-Artikolu 4 tal-Att tal-2015. L-Artikolu 39 tal-Att tal-2015 jipprevedi li individwi rilevanti fi ħdan tali korp (bħal direttur) jistgħu wkoll ikunu ħatja ta’ reat deskritt hawn fuq.

Kif meħtieġ mill-Att tal-2015, il-Lord Advocate ppubblika struzzjonijiet għall-prosekuturi dwar il-prosekuzzjoni ta’ vittmi ssuspettati jew ikkonfermati tar-reat ta’ traffikar tal-bnedmin u tar-reat skont l-Artikolu 4 (skjavitù, servitù u xogħol furzat jew obbligatorju). Is-COPFS ikompli japplika dawn l-istruzzjonijiet sabiex jiżgura li l-vittmi ma jiġux imħarrka għal reati mwettqa bħala konsegwenza ta’ dawn.

L-Ombudsman Skoċċiż tas-Servizzi Pubbliċi (Scottish Public Services Ombudsman (SPSO)) għandu mandat wiesa’. Huwa l-istadju finali għall-ilmenti dwar l-aktar servizzi pubbliċi devoluti fl-Iskozja. L-SPSO jipprovdi wkoll servizz ta’ rieżami indipendenti għall-Fond Skoċċiż tal-Protezzjoni Soċjali, bil-poter li jdawwar u jissostitwixxi deċiżjonijiet meħuda minn kunsilli dwar applikazzjonijiet għal Kura Komunitarja u għal Għotjiet ta’ Kriżi. L-SPSO għandu rwol limitat ħafna fil-kumpens. Normalment, l-eżiti jkunu fil-forma ta’ rakkomandazzjonijiet lis-servizzi pubbliċi li ikun qed isir l-ilment dwarhom. Is-setgħat u d-dmirijiet huma stabbiliti fl-Att dwar l-Ombudsman Skoċċiż tas-Servizzi Pubbliċi (Scottish Public Services Ombudsman Act) tal-2002.

Meta individwu jemmen li d-drittijiet tal-bniedem tiegħu jkunu nkisru, jaf ikun jixtieq jitlob parir legali indipendenti.

2. Għandkom xi regoli speċifiċi għal ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem? Dawn ir-regoli japplikaw għal reati ambjentali jew ta’ sfruttament qawwi tal-forza tax-xogħol?

Id-Dikjarazzjoni Skoċċiża dwar id-Drittijiet u r-Responsabbiltajiet tal-Art (Scottish Land Rights and Responsibilities Statement), ippubblikata mill-Gvern Skoċċiż kif meħtieġ mill-Att tal-Iskozja dwar ir-Riforma tal-Artijiet (Land Reform (Scotland) Act) tal-2016, tistabbilixxi sitt prinċipji sabiex jgħinu fit-tiswir tal-politika dwar kwistjonijiet relatati mal-art fl-Iskozja. L-ewwel wieħed minn dawn il-prinċipji huwa li: “Jenħtieġ li l-qafas ġenerali tad-drittijiet tal-art, tar-responsabbiltajiet u tal-ordni pubbliku jippromwovi, jissodisfa u jirrispetta d-drittijiet tal-bniedem rilevanti fir-rigward tal-art, jikkontribwixxi għall-interess u għall-benesseri pubbliċi, u jibbilanċja l-interessi pubbliċi ma’ dawk privati. Jenħtieġ li l-qafas jappoġġa l-iżvilupp ekonomiku sostenibbli, jipproteġi u jtejjeb l-ambjent, jgħin fil-kisba tal-ġustizzja soċjali u jibni soċjetà aktar ġusta.”

L-Att tal-2016 jirrikjedi li l-Ministri Skoċċiżi jirrieżaminaw b’mod regolari d-Dikjarazzjoni u jirrapportaw lill-Parlament.

It-tweġiba għall-mistoqsija 1 fiha informazzjoni dwar it-traffikar u l-isfruttament tal-bnedmin.

3. Jiena vittma ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem li rriżulta minn attivitajiet ta’ korporazzjoni transnazzjonali Ewropea li seħħew ’il barra mill-Unjoni Ewropea. Għandi aċċess għall-qrati f’pajjiżek jekk m’iniex ċittadin tal-UE jew jekk ma ngħixx fl-UE? X’inhuma l-kundizzjonijiet biex jintalbu d-danni għal ksur tad-drittijiet tiegħi? Fejn nista’ nsib xi informazzjoni addizzjonali?

Ir-rimedji ġudizzjarji partikolari disponibbli għal ksur ta’ dritt tal-bniedem jiddependu minn jekk id-dritt huwiex kopert mid-dritt komuni jew mil-liġi miktuba.

L-Artikolu 2 tal-Att tal-Iskozja dwar it-Traffikar u l-Isfruttament tal-Bnedmin 2015 tipprovdi għall-applikazzjoni tar-reat ta’ traffikar tal-bnedmin għal aġir fir-Renju Unit u fi bnadi oħra, li jirrifletti l-fatt li l-attività ta’ traffikar tal-bnedmin tista’ tinvolvi attività li sseħħ kompletament jew parzjalment barra mill-Iskozja.

L-Att tal-2015 jipprevedi wkoll li ċittadin tar-Renju Unit, persuna li fiż-żmien tar-reat kienet abitwalment residenti fl-Iskozja, jew korp inkorporat skont il-liġi ta’ parti mir-Renju Unit, iwettqu reat ta’ sfruttament tal-bniedem irrispettivament minn fejn isseħħ l-azzjoni rilevanti. Jekk persuna tkunx abitwalment residenti fl-Iskozja jiġi ddeterminat fid-dawl tal-fatti u taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ. Kwalunkwe persuna oħra twettaq ir-reat ta’ traffikar tal-bnedmin biss jekk kwalunkwe parti mill-azzjoni rilevanti sseħħ fir-Renju Unit jew l-azzjoni rilevanti tittieħdet bil-ħsieb li persuna tasal jew tidħol fir-Renju Unit, titlaq mir-Renju Unit jew inkella tivvjaġġa ġor-Renju Unit.

4. L-istituzzjonijiet tal-Ombudsman, il-korpi tal-ugwaljanza jew l-istituzzjonijiet nazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem jistgħu jappoġġaw lill-vittmi ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem relatati man-negozju mwettaq minn korporazzjonijiet transnazzjonali Ewropej barra mill-Unjoni Ewropea? Dawn il-korpi jistgħu jinvestigaw il-każ tiegħi jekk m’iniex ċittadin tal-UE u ma ngħixx fl-UE? Hemm servizzi pubbliċi oħra (bħall-ispettorat tax-xogħol jew tal-ambjent) f’pajjiżek li jistgħu jinvestigaw il-każ tiegħi? Fejn nista’ nsib informazzjoni dwar id-drittijiet tiegħi?

Il-kuntest regolatorju għan-negozju fl-Iskozja huwa simili f’ħafna modi għall-bqija tar-Renju Unit u tal-Ewropa, u varjetà ta’ regolaturi jiffokaw fuq attivitajiet tan-negozju. Is-setgħat ta’ eżekuzzjoni tagħhom huma mmirati lejn is-sanzjonar tan-negozju aktar milli l-appoġġar tal-vittmi, iżda minkejja dan hemm fis-seħħ mekkaniżmi permezz tal-pulizija u ta’ aġenziji governattivi oħra jekk ikun hemm element kriminali relatat mal-attività.

L-Iskozja għandha żewġ Istituzzjonijiet Nazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem (NHRIs):

L-SHRC u l-EHRC għandhom mandat kondiviż dwar id-drittijiet tal-bniedem u t-tnejn għandhom rwoli importanti, għalkemm differenti, fil-promozzjoni u fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem rikonoxxuti internazzjonalment fil-livell nazzjonali. Is-setgħat rispettivi ta’ kull Kummissjoni huma deskritti fis-siti web tagħhom.

L-Ombudsman Skoċċiż tas-Servizzi Pubbliċi (SPSO) jittratta l-ilmenti tal-aħħar stadju dwar l-aktar servizzi pubbliċi devoluti fl-Iskozja. L-Ombudsman huwa uffiċċju indipendenti u, fl-eżerċizzju tal-karigi tiegħu, mhuwiex soġġett għad-direzzjoni jew għall-kontroll ta’ xi membru tal-Gvern Skoċċiż jew tal-Parlament Skoċċiż. L-SPSO jista’ jikkunsidra ksur allegat tad-drittijiet tal-bniedem bħala parti mill-kunsiderazzjoni tiegħu ta’ lment. Huwa improbabbli li korporazzjoni transnazzjonali Ewropea tkun tifforma wieħed mill-korpi elenkati li l-SPSO jista’ jirċievi lmenti dwarhom. L-SPSO jista’ jeżamina l-ilmenti dwar is-servizzi mogħtija mis-setturi privati jew volontarji jekk dawn jiġu pprovduti f’isem korp taħt il-ġuriżdizzjoni tiegħu.

Barra minn hekk, l-Artikolu 9(4) u (5) tal-Att dwar l-Ombudsman Skoċċiż tas-Servizzi Pubbliċi tal-2002 tkopri min jista’ jressaq ilment lill-SPSO. Dawn jeħtiġilhom ikunu residenti fir-Renju Unit fiż-żmien meta jsir l-ilment, jew l-azzjonijiet li jsir ilment dwarhom iridu jkunu seħħew waqt li l-persuna kienet preżenti fir-Renju Unit.

5. Pajjiżek jimponi obbligi fuq il-korporazzjonijiet transnazzjonali Ewropej biex jistabbilixxu mekkaniżmi ta’ lment jew servizzi ta’ medjazzjoni għal ksur li jirriżulta mill-attivitajiet tan-negozju tagħhom? Dawn l-obbligi japplikaw ukoll għal ksur li seħħ barra l-Unjoni Ewropea? Min hu inkarigat mill-monitoraġġ ta’ dawn l-attivitajiet f’pajjiżek? Hemm rapporti pubbliċi disponibbli li jipprovdu informazzjoni dwar il-funzjonament tas-sistema?

Ir-Renju Unit stabbilixxa Punt ta’ Kuntatt Nazzjonali (NCP) għal-Linji Gwida tal-OECD għall-Intrapriżi Multinazzjonali, li huma sett ta’ rakkomandazzjonijiet għal imġiba responsabbli fin-negozju li jkopri, fost affarijiet oħra, id-drittijiet tal-bniedem. Bħala parti mid-Dipartiment għall-Kummerċ Internazzjonali (Department for International Trade), l-NCP tar-Renju Unit huwa responsabbli biex iżid l-għarfien dwar il-Linji Gwida tal-OECD u sabiex jimplimenta l-mekkaniżmu assoċjat tal-ilmenti. Jekk kumpanija tkun qed tikser il-Linji Gwida tal-OECD, jista’ jsir ilment lill-NCP minn kwalunkwe parti interessata, u dan jinkludi l-impjegati tagħha jew it-trade unions tagħhom, u l-komunitajiet affettwati mill-attivitajiet tal-kumpanija. L-NCP ifittex li jagħmilha ta’ medjatur bejn il-partijiet, iżda fejn dan ma jkunx possibbli, tiġi ppubblikata u magħmula disponibbli għat-tixrid mal-pubbliku deċiżjoni dwar jekk il-kumpanija aġixxietx b’mod inkonsistenti mal-Linji Gwida. Informazzjoni dwar ilment tista’ tinkiseb mis-sit web tal-NCP.

Sorsi oħra ta’ servizzi ta’ pariri u ta’ medjazzjoni fir-Renju Unit jinkludu l-Uffiċċju tal-Pariri liċ-Ċittadini (Citizens Advice Bureaux) u s-Servizz ta’ Pariri, Konċiljazzjoni u Arbitraġġ (Advisory, Conciliation and Arbitration Service).

6. Għandi xi drittijiet speċifiċi jekk inkun vittma vulnerabbli li tfittex rimedju għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem relatati man-negozju? Jista’ jkolli aċċess għall-għajnuna legali u taħt liema kundizzjonijiet? Liema spejjeż se jkunu koperti mill-għajnuna legali? Għandi aċċess għall-għajnuna legali taħt l-istess kundizzjonijiet jekk m’iniex ċittadin tal-UE jew jekk ma ngħixx fl-UE?

L-għajnuna legali ffinanzjata mill-fondi pubbliċi tippermetti li n-nies jieħdu azzjoni sabiex jiddefendu d-drittijiet tagħhom jew iħallsu għad-difiża tagħhom meta ma jkunux jistgħu jagħmlu dan b’xi mod ieħor.

Ma hemm l-ebda rekwiżit li wieħed ikun residenti fl-Iskozja meta japplika għal għajnuna legali skont l-Att tal-Iskozja dwar l-Għajnuna Legali (Legal Aid (Scotland) Act) tal-1986. Hemm żewġ tipi ta’ għajnuna legali ċivili:

i. Permezz ta’ pariri u assistenza, avukat jista’ jipprovdi pariri, jagħmel domandi u jikkorrispondi ma’ oħrajn f’isem klijent. Pariri u assistenza huma disponibbli għal kwistjonijiet tal-Ordinament Ġuridiku tal-Iskozja (inkluż id-dritt tar-Renju Unit li japplika fl-Iskozja) iżda ġeneralment ma jistgħux jintużaw sabiex il-kwistjonijiet jiġu ppreżentati l-qorti.

ii. L-għajnuna legali ċivili hija disponibbli għal proċeduri quddiem il-qrati Skoċċiżi.

Iż-żewġ tipi ta’ għajnuna legali ċivili huma soġġetti għal kriterji ta’ eliġibbiltà statutorji. Il-pariri u l-assistenza huma disponibbli soġġetti għal kriterji ta’ eliġibbiltà finanzjarji. Il-kriterji ta’ eliġibbiltà għal dawk li jaċċessaw l-għajnuna legali ċivili huma konsistenti u trasparenti, bit-talbiet ikunu soġġetti għal testijiet statutorji. L-ewwel żewġ testijiet jiġu applikati għall-merti legali tat-talba. Irid jintwera li hemm bażi ġuridika għall-każ li fih tintalab għajnuna legali (“kawża probabbli”) u li huwa raġonevoli li jintużaw fondi pubbliċi sabiex isostnu l-każ. It-tielet test jiġi applikat għaċ-ċirkustanzi finanzjarji tal-applikant.

Aktar informazzjoni tinsab mis-sit web tal-Bord Skoċċiż tal-Għajnuna Legali (Scottish Legal Aid Board).

L-Artikolu 9 tal-Att tal-Iskozja dwar it-Traffikar u l-Isfruttament tal-Bnedmin 2015 jagħti s-setgħa lill-Ministri Skoċċiżi sabiex jispeċifikaw il-perjodu li matulu l-adulti jeħtiġilhom jiġu pprovduti b’appoġġ u b’assistenza, meta jkun hemm motivazzjonijiet raġonevoli biex wieħed jemmen li jkunu vittmi ta’ reat ta’ traffikar u ta’ sfruttament tal-bnedmin. Ir-Regolamenti li daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ April 2018 stabbilew dan il-perjodu ta’ appoġġ għal 90 jum u jinkludu l-għoti ta’ appoġġ u ta’ assistenza b’rabta ma’ (iżda mhux limitat għal):

  • akkomodazzjoni
  • il-ħajja ta’ kuljum
  • pariri u kura mediċi (inklużi valutazzjoni u kura psikoloġiċi)
  • traduzzjoni u interpretazzjoni tal-lingwi
  • għoti ta’ pariri
  • konsulenza legali
  • informazzjoni dwar servizzi oħra disponibbli għall-adulti
  • ripatrijazzjoni

L-Artikolu 10 tal-Att tal-2015 fiha setgħat għall-Ministri Skoċċiżi sabiex jagħmlu regolamenti dwar l-appoġġ u l-assistenza li jistgħu jiġu pprovduti lil adult li jkun, jew li jidher li jkun, vittma ta’ skjavità, ta’ servitù u ta’ xogħol furzat jew obbligatorju. Ir-regolamenti daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ April 2018 u stabbilew li l-proċess sabiex jiġi ddeterminat jekk adult ikunx vittma ta’ tali reat; li l-appoġġ u l-assistenza pprovduti; u li l-perjodu li jiġu pprovduti għalih jenħtieġ li jkunu identiċi għal dawk ta’ vittma ta’ reat ta’ traffikar u ta’ sfruttament tal-bnedmin.

Il-Gvern Skoċċiż għandu fis-seħħ ftehimiet ta’ finanzjament ma’ Migrant Help (li tappoġġja lil vittmi adulti ta’ traffikar u ta’ sfruttament, għajr vittmi nisa ta’ traffikar għall-finijiet ta’ sfruttament sesswali kummerċjali) u t-Trafficking Awareness Raising Alliance (li tappoġġa lill-vittmi nisa ta’ traffikar għall-finijiet ta’ sfruttament sesswali kummerċjali). The Anchor Service, li huwa parti mill-NHS Greater Glasgow and Clyde, huwa ffinanzjat ukoll sabiex jipprovdi servizz psikoloġiku lill-vittmi adulti kollha ta’ traffikar u ta’ sfruttament tal-bnedmin identifikati fl-Iskozja.

L-aħħar aġġornament: 30/07/2020

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.