Negozju u drittijiet tal-bniedem

Greċja

Il-kontenut ipprovdut minn
Greċja

1. X’tip ta’ ħarsien ġudizzjarju għandi f’pajjiżek bħala vittma ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem relatati man-negozju? Dan il-ħarsien jinkludi kumpens?

F’konformità mal-artikolu 8 tal-Liġi 4443/2016, «1. Fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità mal-prinċipju ta’ trattament ugwali fil-kuntest ta’ azzjoni amministrattiva, minbarra l-protezzjoni ġudizzjarja, il-partijiet li jkunu ġarrbu dannu jingħataw ukoll protezzjoni skont l-Artikoli 24 sa 27 tal-Kodiċi tal-Proċedura Amministrattiva (il-Liġi 2690/1999, Serje I, Nru 45). 2. It-terminazzjoni tar-relazzjoni li fil-kuntest tagħha twettaq il-ksur ma teskludix il-protezzjoni mill-ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali. 3. Entitajiet ġuridiċi, assoċjazzjonijiet jew organizzazzjonijiet, inklużi sħab soċjali u trade unions, li għandhom l-għan – inter alia – li jiżguraw konformità mal-prinċipju ta’ trattament ugwali irrispettivament mir-razza, mill-kulur, mill-oriġini nazzjonali jew etnika, mid-dixxendenza, mir-reliġjon jew minn twemmin ieħor, minn diżabilità jew mard kroniku, mill-età, mill-istatus tal-familja jew soċjali, mill-orjentazzjoni sesswali, mill-identità tal-ġeneru jew mill-karatteristiċi tal-ġeneru, jistgħu jirrappreżentaw lill-partijiet li jkunu ġarrbu dannu quddiem il-qrati u quddiem kwalunkwe awtorità jew korp amministrattivi, dment li l-parti kkonċernata tkun tat il-kunsens minn qabel permezz ta’ dokument notarili, fejn meħtieġ, jew permezz ta’ dokument privat, bl-awtentikazzjoni tal-firma mehmuża miegħu”.

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 11 intitolat “Pieni” tal-istess liġi, «1. Kull persuna li, meta tbigħ oġġetti jew tipprovdi servizzi, tikser il-projbizzjoni taħt din il-liġi ta’ diskriminazzjoni fuq il-bażi tar-razza, tal-kulur, tal-oriġini nazzjonali jew etnika, tad-dixxendenza, tar-reliġjon jew ta’ twemmin ieħor, ta’ diżabilità jew mard kroniku, tal-età, tal-istatus familjari jew soċjali, tal-orjentazzjoni sesswali, tal-identità tal-ġeneru jew ta’ karatteristiċi tal-ġeneru, teħel terminu ta’ priġunerija ta’ bejn sitt (6) xhur u tliet (3) snin u multa ta’ bejn elf (1 000) u ħamest elef (5 000) euro. Tixlija dwar l-atti msemmija f’dan il-paragrafu ssir ex officio. 2. Kwalunkwe diskriminazzjoni – bi ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-Parti – ibbażata fuq ir-razza, il-kulur, l-oriġini nazzjonali jew etnika, id-dixxendenza, ir-reliġjon jew twemmin ieħor, id-diżabilità jew mard kroniku, l-età, l-istatus tal-familja jew soċjali, l-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru jew karatteristiċi tal-ġeneru, minn persuna li taġixxi bħala impjegatur fi kwalunkwe stadju tal-aċċess għax-xogħol u għall-impjieg, mad-dħul jew maċ-ċaħda tad-dħul f’relazzjoni ta’ impjieg, jew matul it-terminu, il-validità, il-progress jew it-terminazzjoni ta’ dan, tikkostitwixxi ksur tal-liġi industrijali, u f’dak il-każ l-Ispettorat tax-Xogħol tal-Greċja (SEPE) jimponi pieni amministrattivi skont l-Artikolu 24 tal-Liġi 3996/2011 (Serje I, Nru 170)”.

Fl-aħħar nett, fil-każ ta’ ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bbażat fuq ir-razza, il-kulur, l-oriġini nazzjonali jew etnika, id-dixxendenza, ir-reliġjon jew twemmin ieħor, id-diżabilità jew mard kroniku, l-età, l-istatus familjari jew soċjali, l-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru jew karatteristiċi tal-ġeneru, il-parti opposta jew l-awtorità amministrattiva jkollha l-oneru tal-provi li turi lill-qorti li ma kien hemm l-ebda ċirkustanza li tikkostitwixxi ksur ta’ dan il-prinċipju. Il-parti li ġġarrab id-dannu hija protetta wkoll kontra t-tkeċċija jew it-trattament ħażin b’mod ġenerali b’reazzjoni għal ilment jew għal talba għal protezzjoni legali.

2. Għandkom xi regoli speċifiċi għal ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem? Dawn ir-regoli japplikaw għal reati ambjentali jew ta’ sfruttament qawwi tal-forza tax-xogħol?

Fuq il-bażi tal-Artikolu 78(i) tal-Liġi 4052/2012 “kundizzjonijiet tax-xogħol partikolarment abbużivi huma kundizzjonijiet tax-xogħol, inklużi dawk li jirriżultaw minn diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru jew diskriminazzjoni oħra, meta jkun hemm sproporzjon ċar meta mqabbel mat-termini tal-impjieg ta’ ħaddiema impjegati legalment, u li, pereżempju, jaffettwaw is-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema, u li jmorru kontra d-dinjità tal-bniedem.” F’konformità mal-Artikolu 89(3), “fil-każ ta’ impjieg illegali ta’ minorenni mhux akkumpanjat li jkun ċittadin ta’ pajjiż terz, is-servizz tal-prosekuzzjoni pubblika kompetenti jieħu l-passi meħtieġa kollha sabiex jiddetermina l-identità u n-nazzjonalità tal-minorenni, u sabiex jistabbilixxi jekk dan huwiex akkumpanjat. Dan jagħmel kull sforz possibbli sabiex isib fil-pront il-familja tiegħu u jieħu minnufih il-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura r-rappreżentazzjoni legali tiegħu u, jekk meħtieġ, ir-rappreżentazzjoni tiegħu fi proċeduri kriminali. Il-prosekutur pubbliku kompetenti għall-minorenni jew, meta dan ma jkunx jeżisti, il-prosekutur pubbliku kompetenti fil-Qorti tal-Prim’Istanza jista’ – jekk il-familja tal-minorenni ma tinstabx jew jekk il-prosekutur pubbliku jsib li fiċ-ċirkustanzi kurrenti r-ripatrijazzjoni ma tkunx fl-interessi tal-minorenni – jordna li tittieħed kull miżura xierqa sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-minorenni sakemm tittieħed deċiżjoni mill-qorti, li l-prosekutur pubbliku jeħtieġlu jippreżenta talba għaliha fi żmien tletin jum, dwar il-ħatra ta’ tutur, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 1532, 1534 u 1592 tal-Kodiċi Ċivili. 4. Dawn il-persuni jingħataw kundizzjonijiet tal-għajxien xierqa jekk ma jkollhomx riżorsi adegwati u jekk dan jitqies neċessarju mill-prosekutur pubbliku kompetenti fil-Qorti tal-Prim’Istanza. 5. Is-servizzi kompetenti tal-prosekuzzjoni pubblika, l-awtoritajiet ġudizzjarji u l-awtoritajiet tal-pulizija għandhom ir-responsabbiltà, bħala kwistjoni ta’ prijorità, li jipproteġu u jissalvagwardjaw lill-vittmi msemmija hawn fuq, f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti, li jipprovdu servizzi ta’ traduzzjoni u ta’ interpretazzjoni lil dawn il-persuni jekk ma jitkellmux bil-Grieg, sabiex jinformawhom dwar id-drittijiet legali tagħhom u dwar is-servizzi disponibbli għalihom, u dwar kwalunkwe għajnuna legali meħtieġa disponibbli għalihom”.

3. Jiena vittma ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem li rriżulta minn attivitajiet ta’ korporazzjoni transnazzjonali Ewropea li seħħew ’il barra mill-Unjoni Ewropea. Għandi aċċess għall-qrati f’pajjiżek jekk m’iniex ċittadin tal-UE jew jekk ma ngħixx fl-UE? X’inhuma r-rekwiżiti sabiex nagħmel talba ta’ ksur tad-drittijiet tiegħi? Fejn nista’ nsib xi informazzjoni addizzjonali?

Din il-possibbiltà mhijiex disponibbli.

4. L-istituzzjonijiet tal-Ombudsman, il-korpi tal-ugwaljanza jew l-istituzzjonijiet nazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem jistgħu jappoġġaw lill-vittmi ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem relatati man-negozju mwettaq minn korporazzjonijiet transnazzjonali Ewropej barra mill-Unjoni Ewropea? Dawn il-korpi jistgħu jinvestigaw il-każ tiegħi jekk jien m’iniex ċittadin tal-UE jew ma ngħixx fl-UE? Hemm servizzi pubbliċi oħra (bħall-ispettorat tax-xogħol jew tal-ambjent) f’pajjiżek li jistgħu jinvestigaw il-każ tiegħi? Fejn nista’ nsib informazzjoni dwar id-drittijiet tiegħi?

Din il-possibbiltà mhijiex disponibbli.

5. Pajjiżek jimponi obbligi fuq il-korporazzjonijiet transnazzjonali Ewropej biex jistabbilixxu mekkaniżmi ta’ lment jew servizzi ta’ medjazzjoni għal ksur li jirriżulta mill-attivitajiet tan-negozju tagħhom? Dawn l-obbligi japplikaw ukoll għal ksur li seħħ barra l-Unjoni Ewropea? Min hu inkarigat mill-monitoraġġ ta’ dawn l-attivitajiet f’pajjiżek? Hemm rapporti pubbliċi disponibbli li jipprovdu informazzjoni dwar il-funzjonament tas-sistema?

Il-Greċja ma timponix obbligi fuq korporazzjonijiet transnazzjonali Ewropej sabiex jistabbilixxu mekkaniżmi tal-ilmenti jew servizzi ta’ medjazzjoni għal ksur li jirriżulta mill-attivitajiet kummerċjali tagħhom.

6. Għandi xi drittijiet speċifiċi jekk inkun vittma vulnerabbli li tfittex rimedju għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem relatati man-negozju? Jista’ jkolli aċċess għall-għajnuna legali u taħt liema kundizzjonijiet? Liema spejjeż se jkunu koperti mill-għajnuna legali? Għandi aċċess għall-għajnuna legali taħt l-istess kundizzjonijiet jekk m’iniex ċittadin tal-UE jew jekk ma ngħixx fl-UE?

Fuq il-bażi tal-Artikolu 78(i) tal-Liġi 4052/2012 “kundizzjonijiet tax-xogħol partikolarment abbużivi huma kundizzjonijiet tax-xogħol, inklużi dawk li jirriżultaw minn diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru jew diskriminazzjoni oħra, meta jkun hemm sproporzjon ċar meta mqabbel mat-termini tal-impjieg ta’ ħaddiema impjegati legalment, u li, pereżempju, jaffettwaw is-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema, u li jmorru kontra d-dinjità tal-bniedem.” F’konformità mal-Artikolu 89(3), “fil-każ ta’ impjieg illegali ta’ minorenni mhux akkumpanjat li jkun ċittadin ta’ pajjiż terz, is-servizz tal-prosekuzzjoni pubblika kompetenti jieħu l-passi meħtieġa kollha sabiex jiddetermina l-identità u n-nazzjonalità tal-minorenni, u sabiex jistabbilixxi jekk dan huwiex akkumpanjat. Dan jagħmel kull sforz possibbli sabiex isib fil-pront il-familja tiegħu u jieħu minnufih il-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura r-rappreżentazzjoni legali tiegħu u, jekk meħtieġ, ir-rappreżentazzjoni tiegħu fi proċeduri kriminali. Il-prosekutur pubbliku kompetenti għall-minorenni jew, meta dan ma jkunx jeżisti, il-prosekutur pubbliku kompetenti fil-Qorti tal-Prim’Istanza jista’ – jekk il-familja tal-minorenni ma tinstabx jew jekk il-prosekutur pubbliku jsib li fiċ-ċirkustanzi kurrenti r-ripatrijazzjoni ma tkunx fl-interessi tal-minorenni – jordna li tittieħed kull miżura xierqa sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-minorenni sakemm tittieħed deċiżjoni mill-qorti, li l-prosekutur pubbliku jeħtieġlu jippreżenta talba għaliha fi żmien tletin jum, dwar il-ħatra ta’ tutur, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 1532, 1534 u 1592 tal-Kodiċi Ċivili. 4. Dawn il-persuni jingħataw kundizzjonijiet tal-għajxien xierqa jekk ma jkollhomx riżorsi adegwati u jekk dan jitqies neċessarju mill-prosekutur pubbliku kompetenti tal-Prim’Istanza. 5. Is-servizzi kompetenti tal-prosekuzzjoni pubblika, l-awtoritajiet ġudizzjarji u l-awtoritajiet tal-pulizija għandhom ir-responsabbiltà, bħala kwistjoni ta’ prijorità, li jipproteġu u jissalvagwardjaw lill-vittmi msemmija hawn fuq, f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti, li jipprovdu servizzi ta’ traduzzjoni u ta’ interpretazzjoni lil dawn il-persuni jekk ma jitkellmux bil-Grieg, sabiex jinformawhom dwar id-drittijiet legali tagħhom u dwar is-servizzi disponibbli għalihom, u dwar kwalunkwe għajnuna legali meħtieġa disponibbli għalihom”.

Id-dispożizzjonijiet tal-Liġi 3226/2004 jippermettu li titqiegħed għad-dispożizzjoni għajnuna legali għal ċittadini b’introjtu baxx tal-Istati Membri tal-UE, kif ukoll għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi u persuni mingħajr Stat b’introjtu baxx jekk ikunu legalment domiċiljati jew abitwalment residenti fl-UE. L-għajnuna legali ma tistax tiġi pprovduta lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi u persuni mingħajr Stat jekk ma jkunux legalment domiċiljati jew abitwalment residenti fl-UE.

L-għoti tal-għajnuna legali jfisser eżenzjoni mill-obbligu li jitħallsu parti mill-ispejjeż jew l-ispejjeż kollha għall-proċeduri u, jekk tintalab speċifikament, mill-ħatra ta’ avukat, ta’ nutar u ta’ marixxall, permezz ta’ ordnijiet sabiex jiddefendu lill-benefiċjarju, jirrappreżentawh fil-qorti u jipprovdulu l-assistenza meħtieġa sabiex jitwettqu l-azzjonijiet meħtieġa.

L-aħħar aġġornament: 20/08/2020

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.