Negozju u drittijiet tal-bniedem

Ġermanja

Il-kontenut ipprovdut minn
Ġermanja

1. Xi protezzjoni ġudizzjarja jirċievu l-vittmi ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem fl-ekonomija? Dan il-ħarsien jinkludi kumpens?

a. Il-liġi ċivili

Kull min jikkunsidra li d-drittijiet tiegħu nkisru minħabba l-azzjonijiet ta’ impriża Ġermaniża jista’ jieħu azzjoni legali kontra dik l-impriża quddiem il-qrati ċivili Ġermaniżi. Il-qorti kompetenti hija fil-prinċipju l-qorti li fid-distrett ġudizzjarju tagħha l-impriża konvenuta jkollha l-uffiċċju reġistrat tagħha. L-uffiċċju reġistrat ta’ impriża huwa s-sede ddeterminata mill-istatuti tagħha, il-post fejn għandha l-kwartieri ġenerali jew il-post prinċipali tan-negozju tagħha. Il-ġuriżdizzjoni internazzjonali tal-qrati Ġermaniżi hija dderivata mir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġuriżdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (riformolazzjoni tar-Regolament Brussell I). Aktar informazzjoni dwar dan ir-Regolament tinsab hawnhekk.

Jekk l-uffiċċju reġistrat tal-impriża konvenuta ma jkunx jinsab fl-Unjoni Ewropea jew fi Stat kontraenti tal-Konvenzjoni ta’ Lugano dwar il-ġuriżdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali tat-30 ta’ Ottubru 2007, il-ġuriżdizzjoni internazzjonali tal-qrati Ġermaniżi tista’ tiġi dderivata mir-regoli tal-proċedura ċivili tal-Ġermanja, b’mod partikolari mill-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili (Zivilprozessordnung – ZPO). Pereżempju, skont l-Artikolu 32 ZPO, kawża tista’ tiġi ppreżentata quddiem qorti Ġermaniża jekk tal-anqas parti mid-delitt tkun twettqet fil-Ġermanja. Azzjoni titqies li twettqet kemm fil-post fejn tkun aġixxiet il-persuna li tikkawża d-dannu (Handlungsort) kif ukoll fil-post fejn ikun inkiser id-dritt protett legalment tal-persuna li ġġarrab id-dannu (Erfolgsort).

Dawn il-ġuriżdizzjonijiet japplikaw ukoll meta jittieħdu azzjonijiet legali minn ċittadini mhux tal-UE li mhumiex residenti fl-Unjoni Ewropea.

L-ordinament ġuridiku nazzjonali b’ġuriżdizzjoni għal talbiet li jirriżultaw minn delitt huwa ddeterminat mir-Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (ir-Regolament Ruma II). Dan jistipula li, normalment, id-dritt applikabbli huwa d-dritt tal-pajjiż li fih iseħħ id-dannu, irrispettivament mill-pajjiż li fih seħħ l-avveniment li wassal għad-dannu u irrispettivament mill-pajjiż jew mill-pajjiżi fejn iseħħu l-konsegwenzi indiretti ta’ dak l-avveniment (l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Ruma II). Aktar informazzjoni dwar id-dritt applikabbli tinsab hawnhekk.

Ir-regoli Ġermaniżi tal-proċedura ċivili fihom strumenti li jippermettu li azzjonijiet legali meħuda minn rikorrenti differenti jiġu ttrattati kollettivament, eż. is-sejħa ta’ terzi (Streitgenossenschaft) (ara l-Artikolu 59 et seq. ZPO). Skont l-Artikolu 59 ZPO, għadd ta’ persuni jistgħu jieħdu passi jew jittieħdu passi kontrihom b’mod konġunt jekk jifformaw entità ġuridika waħda fir-rigward tas-suġġett tat-tilwima jew jekk ikollhom dritt jew obbligu bbażat fuq l-istess bażi fattwali jew ġuridika.

Fl-2018, il-Ġermanja introduċiet ir-rikors għal sentenza dikjaratorja li tistabbilixxi preċedent (Musterfeststellungsklage) għal każijiet li fihom id-drittijiet ta’ numru kbir ta’ konsumaturi jkunu nkisru minħabba azzjoni ta’ impriża. Assoċjazzjonijiet tal-protezzjoni tal-konsumatur ikkwalifikati b’mod speċjali jistgħu, taħt ċerti kundizzjonijiet, jippreżentaw rikors għal sentenza dikjaratorja li tistabbilixxi preċedent li titlob deċiżjoni tal-qorti dwar kwistjonijiet importanti tal-fatt u tad-dritt li fuqhom ikunu bbażati t-talbiet tal-konsumaturi kollha. Rikors għal sentenza dikjaratorja li tistabbilixxi preċedent timblokka l-preskrizzjoni tat-talbiet individwali tal-konsumaturi mdaħħla fir-reġistru tar-rikorsi (għalhekk, il-konsumaturi jistgħu jistennew l-eżitu tar-rikors għal sentenza dikjaratorja li tistabbilixxi preċedent mingħajr ma jirriskjaw li jitilfu d-drittijiet). Il-konsumaturi jistgħu jippreżentaw it-talbiet tagħhom fir-reġistru tar-rikorsi mingħajr ħlas. Is-sentenza dikjaratorja (dwar il-kwistjonijiet ewlenin tal-fatt u tad-dritt) tkun vinkolanti kemm fuq l-impriża kif ukoll fuq il-konsumaturi mdaħħla fir-reġistru. Wara sentenza dikjaratorja favur il-konsumaturi, probabbilment impriża tkun lesta li tħallas kumpens b’mod volontarju. Jekk l-impriża ma tħallasx b’mod volontarju, il-konsumaturi mdaħħla fir-reġistru tar-rikorsi jistgħu jinfurzaw it-talbiet tagħhom fil-qorti jew barra l-qorti abbażi tas-sentenza dikjaratorja li tistabbilixxi preċedent.

b. Il-liġi dwar reati amministrattivi

Skont l-Att dwar ir-Reati Amministrattivi (Gesetz über Ordnungswidrigkeiten), jistgħu jiġu imposti multi sa EUR 10 miljun fuq impriżi jekk, pereżempju, membru tal-maniġment ta’ impriża jwettaq reat. Dan japplika wkoll għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem relatat man-negozju. Tista’ tiġi imposta multa ogħla jekk din isservi wkoll biex tpatti għall-vantaġġ ekonomiku li l-impriża tkun kisbet mir-reat.

Il-ftehim ta’ koalizzjoni tal-Gvern Ġermaniż għad-19-il perjodu leġiżlattiv jipprevedi riforma tal-liġi li tirregola l-pieni għall-impriżi. L-implimentazzjoni tinsab fl-istadju preparatorju.

2. Hemm regoli speċifiċi li jkopru ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem? Dawn ir-regoli japplikaw ukoll għal reati ambjentali jew għal forom serji ta’ sfruttament ta’ ħaddiema?

Il-liġi Ġermaniża dwar ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali ma fiha l-ebda regola speċifika dwar il-ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem. Madankollu, jekk ksur gravu tad-drittijiet tal-bniedem jikkawża ksur ta’ dritt individwali protett legalment, tista’ tidħol fis-seħħ ir-responsabbiltà ġenerali mhux kuntrattwali. Pereżempju, skont l-Artikolu 823(1) tal-Kodiċi Ċivili (Bürgerliches Gesetzbuch), persuna li, intenzjonalment jew b’negliġenza, toħloq dannu għall-ħajja jew għall-persuna, għas-saħħa, għal-libertà, għall-proprjetà jew għal kwalunkwe dritt ieħor ta’ persuna oħra b’mod illegali, tkun responsabbli li tħallas id-danni. Meta d-dannu jkun ikkawżat għall-ħajja jew għall-persuna, għas-saħħa, għal-libertà, għall-proprjetà jew għal xi dritt ieħor, mhux il-persuna li kkawżat direttament id-dannu biss tkun responsabbli, iżda anki kull min ma jkunx ħa l-passi meħtieġa u raġonevoli sabiex jipprevjeni d-dannu lil partijiet terzi, jekk dik il-persuna tkun ħolqot sors ta’ riskju (Verkehrssicherungspflicht).

Barra minn hekk, fil-qasam tal-liġi dwar ir-responsabbiltà ambjentali privata, hemm reati ta’ responsabbiltà stretta speċjali għal meta jinkisru d-drittijiet legalment protetti tal-individwi, bħall-Artikolu 1 et seq. tal-Att dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali (Umwelthaftungsgesetz), it-Taqsima 25 et seq. tal-Att dwar l-Enerġija Atomika (Atomgesetz), l-Artikolu 32 et seq. tal-Att dwar l-Inġinerija Ġenetika (Gentechnikgesetz) u l-Artikolu 89 tal-Att dwar il-Ġestjoni tal-Ilma (Wasserhaushaltsgesetz).

Mil-lat tal-liġi kriminali, il-ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem huwa kopert ukoll minn reati kriminali ġenerali. Forom serji ta’ sfruttament ta’ ħaddiema jsiru reati punibbli, pereżempju, permezz tal-Artikolu 233 tal-Kodiċi Kriminali (Strafgesetzbuch – StGB) (traffikar ta’ bnedmin għall-isfruttament ta’ ħaddiema).

Sabiex jinżammu kundizzjonijiet tal-għajxien deċenti, speċjalment għall-ġenerazzjonijiet futuri, anki l-ambjent huwa protett mil-liġi kriminali. F’dan ir-rigward, id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Kriminali (l-Artikolu 324 et seq. StGB) jinkludu, bħala liġi kriminali primarja (Kernstrafrecht) fil-Ġermanja, il-protezzjoni komprensiva tal-ilma, tal-arja u tal-ħamrija bħala elementi essenzjali tal-ambjent. Din il-protezzjoni fundamentali hija ssupplimentata minn diversi dispożizzjonijiet tal-liġi kriminali sekondarja (Nebenstrafrecht) u tipprovdi wkoll protezzjoni għall-flora u għall-fawna. Fl-istess ħin, ir-rekwiżiti estensivi tad-dritt tal-UE jitqiesu sabiex ikunu konformi mal-ħarsien ambjentali bħala kompitu transfruntiera.

3. Jien sfajt vittma ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem li seħħ ’il barra mill-Unjoni Ewropea fil-kuntest tal-attivitajiet kummerċjali ta’ korporazzjoni transnazzjonali Ewropea. Bħala persuna li mhijiex ċittadin tal-UE jew li ma tgħixx fl-UE, nista’ nfittex rimedju quddiem il-qrati nazzjonali? Taħt liema kundizzjonijiet nista’ nitlob id-danni għal ksur tad-drittijiet tiegħi? Fejn nista’ nsib xi informazzjoni addizzjonali?

Kull min jikkunsidra li d-drittijiet tiegħu nkisru minħabba l-azzjonijiet ta’ impriża Ġermaniża jista’ jieħu azzjoni legali kontra dik l-impriża quddiem il-qrati ċivili Ġermaniżi. Il-qorti kompetenti hija fil-prinċipju l-qorti li fid-distrett ġudizzjarju tagħha l-impriża konvenuta jkollha l-uffiċċju reġistrat tagħha. L-uffiċċju reġistrat ta’ impriża huwa s-sede ddeterminata mill-istatuti tagħha, il-post fejn għandha l-kwartieri ġenerali jew il-post prinċipali tan-negozju tagħha. Il-ġuriżdizzjoni internazzjonali tal-qrati Ġermaniżi hija dderivata mir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġuriżdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (riformolazzjoni tar-Regolament Brussell I). Aktar informazzjoni dwar dan ir-Regolament tinsab hawnhekk.

Jekk l-uffiċċju reġistrat tal-impriża konvenuta ma jkunx jinsab fl-Unjoni Ewropea jew fi Stat kontraenti tal-Konvenzjoni ta’ Lugano dwar il-ġuriżdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali tat-30 ta’ Ottubru 2007, il-ġuriżdizzjoni internazzjonali tal-qrati Ġermaniżi tista’ tiġi dderivata mir-regoli tal-proċedura ċivili tal-Ġermanja, b’mod partikolari mill-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili (Zivilprozessordnung – ZPO). Pereżempju, skont l-Artikolu 32 ZPO, kawża tista’ tiġi ppreżentata quddiem qorti Ġermaniża jekk tal-anqas parti mid-delitt tkun twettqet fil-Ġermanja. Azzjoni titqies li twettqet kemm fil-post fejn tkun aġixxiet il-persuna li tikkawża d-dannu (Handlungsort) kif ukoll fil-post fejn ikun inkiser id-dritt protett legalment tal-persuna li ġġarrab id-dannu (Erfolgsort).

Dawn il-ġuriżdizzjonijiet japplikaw ukoll għal azzjonijiet legali meħuda minn ċittadini mhux tal-UE li mhumiex residenti fl-Unjoni Ewropea.

L-ordinament ġuridiku nazzjonali b’ġuriżdizzjoni għal talbiet li jirriżultaw minn delitt huwa ddeterminat mir-Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (ir-Regolament Ruma II). Dan jistipula li, normalment, id-dritt applikabbli huwa d-dritt tal-pajjiż li fih iseħħ id-dannu, irrispettivament mill-pajjiż li fih seħħ l-avveniment li wassal għad-dannu u irrispettivament mill-pajjiż jew mill-pajjiżi fejn iseħħu l-konsegwenzi indiretti ta’ dak l-avveniment (l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Ruma II). Aktar informazzjoni dwar id-dritt applikabbli tinsab hawnhekk.

Aktar informazzjoni tinsab hawnhekk.

4. Il-vittmi ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem imwettaq minn korporazzjonijiet transnazzjonali Ewropej barra mill-Unjoni Ewropea jingħataw appoġġ mill-Ombudsmen nazzjonali, mill-korpi nazzjonali tal-ugwaljanza jew mill-organizzazzjonijiet nazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem? Bħala persuna li mhijiex ċittadin tal-UE jew li ma tgħixx fl-UE, nista’ nfittex rimedju quddiem il-qrati nazzjonali? Hemm servizzi pubbliċi oħra (bħall-ispettorat tax-xogħol jew tal-ambjent) li jistgħu jieħdu azzjoni fil-każ tiegħi? Fejn nista’ nsib informazzjoni dwar id-drittijiet tiegħi?

Il-Punt ta’ Kuntatt Nazzjonali tal-Ġermanja għal-Linji Gwida tal-OECD għall-Intrapriżi Multinazzjonali (NCP) jaġixxi bħala korp ta’ lmenti ekstraġudizzjarju. Huwa bbażat fil-Ministeru Federali tal-Ekonomija u tal-Enerġija u għandu l-kompitu li jippromwovi l-għarfien u l-implimentazzjoni effettiva tal-Linji Gwida tal-OECD. Kull min jista’ juri b’mod plawżibbli interess leġittimu jista’ jippreżenta lment quddiem l-NCP dwar ksur possibbli tal-Linji Gwida tal-OECD minn intrapriża multinazzjonali. L-NCP jeżamina l-ilmenti li jaslu u, jekk jiġu aċċettati, joffri l-appoġġ tiegħu lill-partijiet involuti fil-kwistjoni fil-forma ta’ proċedura ta’ konċiljazzjoni jew ta’ medjazzjoni sabiex jgħinhom jilħqu ftehim dwar kwistjonijiet kontenzjużi. L-NCP huwa responsabbli, fost affarijiet oħra, għal ilmenti dwar nuqqas ta’ rispett tad-drittijiet tal-bniedem u kunsiderazzjoni insuffiċjenti tad-drittijiet tal-bniedem fl-eżerċizzju tad-diliġenza dovuta tal-kumpaniji, kif iddefinit fil-Linji Gwida tal-OECD. Il-verżjoni riveduta tal-2011 tal-Linji Gwida tal-OECD, li tinkludi rakkomandazzjonijiet speċifiċi fir-rigward tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem mill-impriżi, hija bbażata b’mod espliċitu fuq il-Prinċipji ta’ Gwida tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem.

L-NCP jikkoordina l-attivitajiet u d-deċiżjonijiet tiegħu b’konsultazzjoni mal-Kumitat Interministerjali (IMC) għal-Linji Gwida tal-OECD. F’dan l-IMC huma rrappreżentati Seba’ Ministeri Federali oħra. Il-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Linji Gwida tal-OECD jipprovdi forum ieħor għall-iskambju. Il-membri tal-Grupp ta’ Ħidma jinkludu, minbarra r-rappreżentanti tal-Ministeri Federali kollha miġbura flimkien fl-IMC għal-Linji Gwida tal-OECD, ir-rappreżentanti tal-assoċjazzjonijiet tan-negozju, tat-trade unions u tal-organizzazzjonijiet nongovernattivi.

Aktar informazzjoni dwar il-proċedura ta’ lmenti quddiem l-NCP (inkluża informazzjoni dwar l-ilmenti li jaslu u l-azzjoni meħuda fuqhom) tinstab mis-sit web tal-NCP Ġermaniż, li jinsab hawnhekk.

5. Il-korporazzjonijiet transnazzjonali Ewropej huma meħtieġa, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, li jistabbilixxu mekkaniżmi tal-ilmenti jew servizzi ta’ medjazzjoni għal ksur fil-kuntest tal-attivitajiet kummerċjali tagħhom? Dawn id-dispożizzjonijiet tal-liġi japplikaw ukoll għal ksur li jseħħ barra mill-Unjoni Ewropea? Min hu inkarigat mis-superviżjoni tal-istabbiliment ta’ dawn il-mekkaniżmi tal-ilmenti jew is-servizzi ta’ medjazzjoni? Hemm rapporti pubbliċi dwar kif jiffunzjonaw dawn il-mekkaniżmi u s-servizzi?

Fil-“Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali 2016-2020 għan-Negozju u għad-Drittijiet tal-Bniedem” (NAP), il-Gvern Federali stipula l-aspettattiva li l-impriżi kollha jridu jintegraw b’mod xieraq il-proċessi tad-diliġenza dovuta tad-drittijiet tal-bniedem fl-attivitajiet kummerċjali tagħhom fil-Ġermanja u madwar id-dinja, jiġifieri barra mill-UE wkoll. Din l-aspettattiva mhijiex dispożizzjoni legali. L-NAP jiddefinixxi d-diliġenza dovuta tad-drittijiet tal-bniedem fuq il-bażi ta’ ħames elementi ewlenin, li wieħed minnhom huwa t-twaqqif ta’ mekkaniżmu tal-ilmenti mill-impriżi.

F’dak il-kuntest, l-NAP jenfasizza r-rwol importanti li l-mekkaniżmi nongovernattivi tal-ilmenti jista’ jkollhom u jħeġġeġ lill-intrapriżi jipparteċipaw fit-tali mekkaniżmi jew jistabbiluhom. L-NAP jimponi numru ta’ rekwiżiti fuq it-twaqqif u l-funzjonament ta’ mekkaniżmi nongovernattivi tal-ilmenti. Pereżempju, jenħtieġ li l-mekkaniżmu tal-ilmenti jkun strutturat b’mod differenti skont il-grupp fil-mira. Fit-twaqqif ta’ mekkaniżmi ġodda u fl-użu ta’ dawk eżistenti, jenħtieġ li tingħata attenzjoni sabiex jiġi żgurat li dawn jiggarantixxu proċedura ġusta, bbilanċjata u prevedibbli li tkun aċċessibbli għal kull min jista’ jiġi affettwat. Jenħtieġ li l-proċedura tippermetti trasparenza kemm jista’ jkun vis-à-vis il-partijiet involuti u jenħtieġ li tkun konformi mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem. Għadd ta’ impriżi Ġermaniżi diġà stabbilew mekkaniżmi interni jew settorjali tal-ilmenti sabiex l-impjegati tagħhom u n-nies barra mill-impriża jkunu jistgħu jasserixxu li seħħ ksur tad-drittijiet tal-bniedem.

Il-Gvern Federali qed jiskrutinizza l-istatus tal-implimentazzjoni tad-diliġenza dovuta tad-drittijiet tal-bniedem mill-impriżi permezz ta’ stħarriġ li jsir kull sena mill-2018 sal-2020 f’konformità mal-istandards xjentifiċi. Dan l-istħarriġ se jipprovdi sejbiet empiriċi dwar jekk l-intrapriżi b’aktar minn 500 impjegat ikunux stabbilew mekkaniżmi tal-ilmenti u jekk dawk il-mekkaniżmi jkunux qed jaqdu l-funzjoni tagħhom. Ir-riżultati tal-monitoraġġ tal-NAP huma importanti wkoll għad-diskussjoni tal-Gvern Federali dwar il-miżuri ta’ segwitu għall-NAP kurrenti. Jekk il-monitoraġġ tal-NAP juri li anqas minn 50% mill-impriżi kkonċernati jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-NAP fir-rigward tad-diliġenza dovuta tal-kumpaniji, il-Gvern Federali, skont l-NAP, jikkunsidra li jieħu aktar passi, inklużi miżuri leġiżlattivi. Il-ftehim ta’ koalizzjoni tal-Gvern Federali kurrenti jistipula wkoll li, skont l-eżitu ta’ rieżami komprensiv u effettiv tal-NAP, il-Gvern Federali jista’ jieħu azzjoni leġiżlattiva u jagħti l-appoġġ tiegħu għal regolamentazzjoni madwar l-UE kollha.

Il-membri tas-Sħubija tal-partijiet ikkonċernati differenti għat-Tessuti Sostenibbli jagħtu importanza kbira lill-iżgurar ta’ mekkaniżmi effettivi tal-ilmenti tul il-ktajjen globali tal-valur u tal-provvista. Għal din ir-raġuni, l-informazzjoni u l-eżempji tal-aħjar prattika minn diversi membri jiġu skambjati fi ħdan il-qafas tal-grupp ta’ esperti dwar il-mekkaniżmi tal-ilmenti. Barra minn hekk, is-Sħubija għat-tessuti daħlet f’kooperazzjoni mal-Fair Wear Foundation, li hija attiva fil-qasam tal-mekkaniżmi tal-ilmenti f’seba’ pajjiżi li jipproduċu t-tessuti.

Il-kooperazzjoni għall-iżvilupp Ġermaniża bħalissa qed tappoġġa proġetti sabiex jitjiebu l-kundizzjonijiet tax-xogħol fis-settur tat-tessuti fil-Bangladexx, fil-Myanmar u fil-Pakistan. L-attivitajiet taħt il-proġetti jinkludu wkoll l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ strateġiji għal mekkaniżmi effettivi tal-ilmenti.

Bħala parti mill-approċċ għad-drittijiet tal-bniedem tal-Ministeru Federali tal-Kooperazzjoni u tal-Iżvilupp Ekonomiċi, l-organizzazzjonijiet governattivi li jimplimentaw l-inizjattivi ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-Ġermanja introduċew mekkaniżmi tal-ilmenti: Deutsche Gesellschaft für Internationale Zusammenarbeit GmbH (GIZ), bħala impriża tal-istat, u KfW Entwicklungsbank bħala istituzzjoni tal-banek promozzjonali u tad-dritt pubbliku, ilhom jistabbilixxu mekkaniżmi tal-ilmenti dwar id-drittijiet tal-bniedem mill-2013. Dawn ġew segwiti fl-2017 minn żewġ awtoritajiet federali superjuri: l-Istitut Federali għall-Ġeoxjenzi u għar-Riżorsi Naturali (Bundesanstalt für Geowissenschaften und Rohstoffe – BGR) u l-Istitut Nazzjonali tal-Metroloġija (Physikalisch-Technische Bundesanstalt – PTB).

Il-mekkaniżmi tal-ilmenti huma aċċessibbli għall-pubbliku u jittrattaw ukoll ilmenti relatati ma’ attivitajiet barra mill-Unjoni Ewropea. Fuq talba, GIZ, KfW, BGF u PTB jipprovdu lill-Ministeru b’informazzjoni dwar l-ilmenti rċevuti.

Deutsche Investitions- und Entwicklungsgesellschaft mbH (DEG), sussidjarja ta’ KfW, stabbiliet ukoll il-mekkaniżmu tal-ilmenti tagħha stess fl-2014.

Il-mekkaniżmi ekstraġudizzjarji għas-soluzzjoni tat-tilwim li ġejjin huma disponibbli fil-Ġermanja (għall-proċeduri quddiem il-Punt ta’ Kuntatt Nazzjonali għal-Linji Gwida tal-OECD għall-intrapriżi Multinazzjonali, ara l-Mistoqsija 4):

  1. Fil-proċeduri ta’ medjazzjoni, parti terza tissejjaħ biss għall-fini ta’ medjazzjoni fit-tilwima; hija ma jkollha l-ebda setgħa li tieħu deċiżjonijiet. Il-medjazzjoni hija metodu ta’ riżoluzzjoni tal-konflitti li huwa faċilment aċċessibbli u li, fil-prinċipju, mhuwiex assoċjat ma’ qasam speċifiku. Għalhekk, din tista’ tiġi applikata fl-oqsma kollha li jistgħu jinqalgħu konflitti fihom.
  2. Il-Ġermanja toffri wkoll il-possibbiltà ta’ soluzzjoni ta’ tilwim, li fiha parti terza tippreżenta lill-partijiet bi proposta (mhux vinkolanti) għal deċiżjoni. Forma speċjali ta’ soluzzjoni ta’ tilwim għall-kuntratti tal-konsumatur hija rregolata bl-Att dwar is-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim fi kwistjonijiet tal-konsumatur (Gesetz über die alternative Streitbeilegung in Verbrauchersachen – VSBG). Dan l-att jipprovdi lill-konsumaturi b’metodu konvenjenti u mingħajr ħlas ta’ soluzzjoni ta’ tilwim; jipprovdi wkoll lill-impriżi b’mekkaniżmu sabiex jittrattaw l-ilmenti tal-konsumaturi b’mod li jtejjeb l-immaġni tagħhom u jgħin sabiex tiġi evitata l-litigazzjoni.
  3. Hemm ukoll il-possibbiltà ta’ rikors għal arbitraġġ (ekstraġudizzjarju), jekk il-partijiet jaqblu dwaru.

Aktar informazzjoni dwar il-possibbiltajiet għall-medjazzjoni tinsab hawnhekk.

6. Għandi xi drittijiet speċifiċi jekk inkun vittma vulnerabbli għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem fl-ekonomija? Taħt liema kundizzjonijiet nista’ nitlob l-għajnuna legali? Liema spejjeż se jkunu koperti mill-għajnuna legali? Bħala xi ħadd li mhuwiex ċittadin tal-UE jew li ma jgħixx fl-UE, għandi l-istess drittijiet bħaċ-ċittadini tal-UE f’termini tal-għajnuna legali?

Il-liġi Ġermaniża dwar il-proċedura ċivili fiha diversi mekkaniżmi li jiffaċilitaw l-aċċess għall-qrati ċivili Ġermaniżi. Pereżempju, ir-rikorrenti jistgħu japplikaw għall-għajnuna legali jekk ma jaffordjawx li jħallsu l-ispejjeż tal-proċeduri (l-Artikolu 114 et seq. ZPO). Wara li jkunu ġew eżaminati ċ-ċirkostanzi personali u finanzjarji tar-rikorrent u l-prospetti ta’ suċċess tal-każ, l-ispejjeż tal-qorti u l-onorarji tal-avukati jkunu parzjalment jew kompletament skont il-ħtieġa tar-rikorrent, dment li l-azzjoni ma tkunx tidher vessatorja. Persuni fiżiċi barranin jistgħu jitolbu wkoll l-għajnuna legali għat-tressiq ta’ kawżi quddiem il-qrati fil-Ġermanja. Il-persuni ġuridiċi li għandhom uffiċċju reġistrat fl-UE – pereżempju l-assoċjazzjonijiet tal-vittmi – jistgħu jirċievu l-għajnuna legali skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili tal-Ġermanja.

Id-Direttiva 2002/8/KE għandha l-għan li ttejjeb l-aċċess għall-ġustizzja f’tilwim transfruntiera billi tistabbilixxi regoli komuni minimi relatati mal-għajnuna legali għal tilwim bħal dan.

L-aħħar aġġornament: 28/07/2020

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.