Negozju u drittijiet tal-bniedem

Ċipru

Il-kontenut ipprovdut minn
Ċipru

1. X’tip ta’ ħarsien ġudizzjarju għandi f’pajjiżek bħala vittma ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem relatati man-negozju? Dan il-ħarsien jinkludi kumpens?

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Liġi 174/1989 dwar ir-Responsabbiltà tal-Impjegatur (Assigurazzjoni Obbligatorja), kif emendata, l-impjegati li jisfaw vittmi ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem relatat man-negozju huma intitolati għal kumpens fil-każ ta’ inċident fuq il-post tax-xogħol (mewt jew korriment) ikkawżat mill-impjieg tagħhom u matulu, jew fil-każ ta’ marda okkupazzjonali kkawżata minn xogħolhom. Dik il-Liġi tirrikjedi li l-impjegaturi kollha jieħdu polza tal-assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà għal inċident fuq il-post tax-xogħol jew mard okkupazzjonali li jsofri minnu kwalunkwe impjegat. Dan ir-rekwiżit ikopri wkoll l-impjiegi ta’ residenti permanenti f’Ċipru, li huma impjegati barra mill-pajjiż u li jsofru inċident jew marda okkupazzjonali. Il-Liġi tispeċifika l-ammont minimu ta’ kopertura għal kull inċident jew marda okkupazzjonali għal kull impjegat (mija u sittin elf euro, EUR 160 000.00), kif ukoll għal kull każ jew serje ta’ każijiet li jirriżultaw mill-istess avveniment operattiv ( EUR 3 415 000.00), inklużi l-ispejjeż u l-imgħax.

Sabiex jiġi żgurat il-ħlas tal-kumpens lill-impjegat, li jaqbeż il-kumpens previst mil-Liġi, trid tinfetaħ kawża legali rilevanti quddiem il-qorti.

Waqt l-ispezzjonijiet fil-fergħat tal-impjegaturi / fin-negozji għall-kontroll tal-konformità tagħhom mal-leġiżlazzjoni dwar is-sikurezza u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol, l-ispetturi mid-Dipartiment tax-Xogħol jivverifikaw ukoll jekk hemmx dokument li jiċċertifika l-assigurazzjoni obbligatorja fuq ir-responsabbiltà tal-impjegatur.

2. Għandkom xi regoli speċifiċi għal ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem? Dawn ir-regoli japplikaw għal reati ambjentali jew ta’ sfruttament qawwi tal-forza tax-xogħol?

Ara t-tweġiba għall-mistoqsija 1 aktar ’il fuq.

3. Jiena vittma ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem li rriżulta minn attivitajiet ta’ korporazzjoni transnazzjonali Ewropea li seħħew ’il barra mill-Unjoni Ewropea. Għandi aċċess għall-qrati f’pajjiżek jekk m’iniex ċittadin tal-UE jew jekk ma ngħixx fl-UE? X’inhuma r-rekwiżiti biex jintalbu d-danni għal ksur tad-drittijiet tiegħi? Fejn nista’ nsib xi informazzjoni addizzjonali?

Le, mhuwiex ipprovdut aċċess. Skont l-informazzjoni u d-data disponibbli, kif deskritt fil-mistoqsija, ma jidher li hemm l-ebda rabta sabiex tiġi stabbilita l-ġuriżdizzjoni mal-qrati Ċiprijotti.

4. L-istituzzjonijiet tal-Ombudsman, il-korpi tal-ugwaljanza jew l-istituzzjonijiet nazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem jistgħu jappoġġaw lill-vittmi ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem relatati man-negozju mwettaq minn korporazzjonijiet transnazzjonali Ewropej barra mill-Unjoni Ewropea? Dawn il-korpi jistgħu jinvestigaw il-każ tiegħi jekk jien m’iniex ċittadin tal-UE jew ma ngħixx fl-UE? Hemm servizzi pubbliċi oħra (bħall-ispettorat tax-xogħol jew tal-ambjent) f’pajjiżek li jistgħu jinvestigaw il-każ tiegħi? Fejn nista’ nsib informazzjoni dwar id-drittijiet tiegħi?

Le. Ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jasserixxu li huma vittmi ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem jingħataw il-protezzjoni korrispondenti minn istituzzjonijiet indipendenti, dment li l-ksur ikun twettaq f’Ċipru.

5. Pajjiżek jimponi obbligi fuq il-korporazzjonijiet transnazzjonali Ewropej biex jistabbilixxu mekkaniżmi ta’ lment jew servizzi ta’ medjazzjoni għal ksur li jirriżulta mill-attivitajiet tan-negozju tagħhom? Dawn l-obbligi japplikaw ukoll għal ksur li seħħ barra l-Unjoni Ewropea? Min hu inkarigat mill-monitoraġġ ta’ dawn l-attivitajiet f’pajjiżek? Hemm rapporti pubbliċi disponibbli li jipprovdu informazzjoni dwar il-funzjonament tas-sistema?

Ir-Regolament (UE) Nru 524/2013 dwar is-soluzzjoni online għal tilwim mal-konsumaturi jeħtieġ li l-kumpaniji bi ħwienet online jipprovdu informazzjoni dwar il-pjattaforma online għas-soluzzjoni tat-tilwim fuq is-siti web tagħhom.

6. Għandi xi drittijiet speċifiċi jekk inkun vittma vulnerabbli li tfittex rimedju għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem relatati man-negozju? Jista’ jkolli aċċess għall-għajnuna legali u taħt liema kundizzjonijiet?

L-aċċess għall-għajnuna legali jingħata lil kull persuna fiżika li d-drittijiet tal-bniedem tagħha jkunu nkisru jekk il-persuna tirrisjedi fit-territorju tar-Repubblika ta’ Ċipru, irrispettivament minn jekk tkunx ċittadin tar-Repubblika ta’ Ċipru jew ċittadin tal-UE.

Liema spejjeż se jkunu koperti mill-għajnuna legali?

L-għajnuna legali hija pprovduta għal:

  • aċċess għal avukat,
  • pariri legali u
  • rappreżentazzjoni fil-qorti.

Għandi aċċess għall-għajnuna legali taħt l-istess kundizzjonijiet jekk m’iniex ċittadin tal-UE jew jekk ma ngħixx fl-UE?

Le.

L-aħħar aġġornament: 11/04/2022

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.