Parti 1 - Protezzjoni tad-Drittijiet Fundamentali fl-Unjoni Ewropea

Il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea

1. L-Unjoni Ewropea, id-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet fundamentali

L-Unjoni Ewropea (UE) hija msejsa fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem (ara l-Artikolu 2 tat-TUE).

Wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-UE huwa l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem jew ‘fundamentali’ kemm internament u madwar id-dinja.

Fit-Trattati wieħed jista’ jsib kemm it-terminu ‘drittijiet tal-bniedem’ u ‘drittijiet fundamentali’. Ir-raġuni għaliex daqqa jintuża terminu wieħed u daqqa l-ieħor mhijiex ċara. Madankollu, jidher li l-espressjoni ‘drittijiet tal-bniedem’ hija ppreferuta f’dispożizzjonijiet dwar ir-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni (jiġifieri r-relazzjonijiet tagħha ma’ Stati mhux Membri u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali). B’kuntrast, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jittrattaw id-dimensjoni interna (jiġifieri l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fi ħdan l-UE) jużaw l-espressjoni ‘drittijiet fundamentali’. Dan it-tutorial jiffoka fuq id-dimensjoni interna tal-protezzjoni tad-drittijiet. Għaldaqstant, se tintuża l-espressjoni ‘drittijiet fundamentali’.

Kull meta l-istituzzjonijiet tal-UE jeżerċitaw is-setgħat u l-kompiti konferiti fuqhom mit-Trattati, huma għandhom jirrispettaw id-drittijiet fundamentali tal-UE. Barra minn hekk għandhom jippromwovu l-applikazzjoni ta’ dawn id-drittijiet fundamentali, sakemm dan ma jinvolvix żieda fis-setgħat tagħhom kif stabbilit fit-Trattati.

L-Istati Membri għandhom l-obbligu li jirrispettaw id-drittijiet fundamentali tal-UE meta jimplimentaw id-dritt tal-UE. Fil-Parti II ta’ din it-tutorial tingħata għajnuna biex jiġu identifikati sitwazzjonijiet li fihom l-UE u l-Istati Membri tagħha huma obbligati li jipproteġu d-drittijiet fundamentali tal-UE.

Qabel ma nħarsu lejn dawk l-aspetti, it-taqsimiet li ġejjin juru d-drittijiet fundamentali protetti fl-UE u l-istrumenti li permezz tagħhom individwi jistgħu jfittxu għad-danni għall-ksur ta’ dawk id-drittijiet.

2. Id-drittijiet fundamentali protetti fl-UE

Bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona fl-1 ta’ Diċembru 2009, l-UE akkwistat Karta tad-Drittijiet kif suppost, jew karta bi drittijiet espliċiti, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem ‘il-Karta’).

Il-Karta fiha Preambolu u 54 Artikolu, organizzati f’seba’ Titoli. It-Titoli I sa VI (Dinjità, Libertajiet, Ugwaljanza, Solidarjetà, Drittijiet taċ-ċittadini, u Ġustizzja) jistabbilixxu d-drittijiet fundamentali kkonċernati, filwaqt li t-Titolu VII (Dispożizzjonijiet ġenerali li jirregolaw l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-Karta) jistabbilixxi serje ta’ regoli dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni ta’ dawk id-drittijiet fundamentali.

Il-Karta u l-kontenut tagħha ser jiġu eżaminati f’aktar dettall fit-taqsimiet 2.1 u 2.2 tal-Parti I tat-tutorial. Madankollu, ir-regoli ewlenin fit-Titolu VII huma indirizzati fil-Parti III.

Il-Karta għandha l-istess valur ġuridiku bħat-Trattati li fuqhom hija bbażata l-UE (it-TUE u t-TFUE). Għalhekk dawn it-tlieta huma meqjusa bħala l-liġi primarja tal-UE u, għalhekk, jikklassifikaw l-ewwel fost is-sorsi tad-dritt tal-UE. Għal din ir-raġuni, l-istituzzjonijiet tal-UE, kif ukoll l-Istati Membri, huma obbligati jirrispettaw il-Karta meta jkunu qed jimplimentaw id-dritt tal-UE. Din l-espressjoni tfisser li l-Karta ma tiħux post il-kostituzzjonijiet nazzjonali, għalkemm f’ċerti każijiet tista’ tieħu preċedenza (dwar ir-relazzjoni bejn il-Karta u s-sorsi nazzjonali tad-drittijiet fundamentali, ara l-Parti III, it-taqsima 2).

Madankollu, il-Karta mhijiex l-unika sors li jipproteġi d-drittijiet fundamentali fl-UE.

Fin-nuqqas ta’ karta tad-drittijiet bil-miktub, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ilha mill-1970 tiżgura l-protezzjoni tad-drittijiet individwali billi elevathom għal-livell ta’ prinċipji ġenerali tad-dritt tal-UE. Permezz tat-Trattat ta’ Lisbona, dawn il-prinċipji ġew ikkonfermati fost is-sorsi tad-drittijiet fundamentali tal-UE (aktar informazzjoni dwar dan il-punt qed tingħata fit-taqsima 2.3).

Barra minn hekk, l-UE tista’ ssir parti għal trattati internazzjonali dwar il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali. L-Unjoni ilha parti għall-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità mit-22 ta’ Novembru 2011, l-ewwel strument internazzjonali legalment vinkolanti li jistabbilixxi standards minimi għall-protezzjoni tal-persuni b’diżabilità. Din hija wkoll l-ewwel trattat dwar id-drittijiet tal-bniedem li għalih l-UE saret parti.

Barra minn hekk, skont it-Trattat ta’ Lisbona, l-UE għandha obbligu legali li taderixxi mal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, magħrufa aħjar bħala l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB). Il-KEDB, li daħlet fis-seħħ fl-1953, inħolqot mill-Kunsill tal-Ewropa, organizzazzjoni internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem li, attwalment, għandu 47 Stat Membru, li 28 minnhom huma Stati Membri tal-UE.

Il-KEDB kienet l-ewwel strument li miegħu grupp ta’ Stati qablu li jkunu marbuta fir-rigward ta’ firxa ta’ drittijiet, essenzjalment drittijiet ċivili u politiċi. Ta’ min jinnota li l-KEDB tippermetti lill-individwi jfittxu rimedju għall-ksur tad-drittijiet fundamentali kkonċernati minn Stat parti għall-Konvenzjoni quddiem qorti supranazzjonali, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, ibbażata fi Strasburgu.

Għalkemm it-Trattat ta’ Lisbona stabbilixxa l-obbligu fuq l-UE li taderixxi mal-KEDB, l-UE s’issa għadha ma għamlitx dan. Madankollu, dan ma jfissirx li l-KEDB ma għandha l-ebda rwol fis-sistema tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tal-UE. Dwar dan il-punt ara t-taqsima 2.4.

2.1 L-oriġini tal-Karta tal-UE

F’Ġunju 1999, il-Kunsill Ewropew ta’ Cologne ikkonkluda li d-drittijiet fundamentali applikabbli fil-livell tal-UE għandhom jiġu kkonsolidati f’dokument uniku biex tiġi żgurata viżibilità akbar.

Il-Kapijiet tal-Istat u tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, li ltaqgħu f’Cologne, riedu li fil-Karta jiġu inklużi l-prinċipji ġenerali stabbiliti fil-KEDB fl-1950 u dawk li jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni tal-pajjiżi tal-UE. Barra minn hekk, il-Karta kellha suppost tinkludi d-drittijiet fundamentali li japplikaw għaċ-ċittadini tal-UE bħad-drittijiet ekonomiċi u soċjali li jinsabu fil-Karta Soċjali Ewropea tal-Kunsill tal-Ewropa u fil-Karta Komunitarja tad-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema. Kellha tirrifletti wkoll il-prinċipji derivati mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

Il-Karta ġiet imfassla minn Konvenzjoni magħmula minn rappreżentant minn kull pajjiż tal-UE u l-Kummissjoni Ewropea, kif ukoll minn membri tal-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali.

Din ġiet ipproklamata formalment f’Nizza f’Diċembru 2000 mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni. Fl-2007 saret it-tieni proklamazzjoni tal-Karta, fi Strasburgu, sabiex jiġi rikonoxxut sett ta’ emendi li saru għall-verżjoni inizjali.

F’Diċembru 2009, bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, il-Karta tal-UE ngħatat effett legali vinkolanti ugwali għal dak tat-Trattati.

2.2. Il-Karta: kontenut

Il-karta tiġbor flimkien f’dokument uniku, id-drittijiet li qabel kienu jinstabu f’firxa ta’ strumenti tal-UE u fil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali, kif ukoll f’serje ta’ konvenzjonijiet adottati fil-qafas tal-Kunsill tal-Ewropa, in-Nazzjonijiet Uniti (NU) u l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO).

Il-Karta toffri ċarezza u viżibilità akbar tad-drittijiet fundamentali, bil-għan li tiġi żgurata ċ-ċertezza tad-dritt fl-UE.

Il-Karta fiha Preambolu u 54 Artikolu, organizzati f’seba’ Titoli:

  • Titolu I: Dinjità (id-dinjità tal-bniedem, id-dritt għall-ħajja, id-dritt għall-integrità tal-persuna, il-projbizzjoni tat-tortura u tal-pieni jew trattamenti inumani jew degradanti, il-projbizzjoni tal-iskjavitù u x-xogħol furzat);
  • Titolu II: Libertajiet (id-dritt għal-libertà u s-sigurtà, ir-rispett għall-ħajja privata u tal-familja, il-protezzjoni tad-data personali, id-dritt għaż-żwieġ u tat-twaqqif ta’ familja, il-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon, il-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, il-libertà tal-għaqda u ta’ assoċjazzjoni, il-libertà tal-arti u x-xjenzi, id-dritt għall-edukazzjoni, il-libertà professjonali u d-dritt għax-xogħol, il-libertà tal-intrapriża, id-dritt għall-proprjetà, id-dritt għall-asil, il-protezzjoni fil-każ ta’ tneħħija, tkeċċija jew estradizzjoni);
  • Titolu III: L-Ugwaljanza (l-ugwaljanza f’għajnejn il-liġi, in-nondiskriminazzjoni, id-diversità kulturali, reliġjuża u lingwistika, l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, id-drittijiet tat-tfal, id-drittijiet tal-anzjani, l-integrazzjoni tal-persuni b'diżabilitajiet);
  • Titolu IV: Solidarjetà (id-dritt tal-ħaddiema għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni fi ħdan l-impriża, id-dritt ta’ negozjar u ta’ azzjoni kollettiva, id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ impjieg, il-protezzjoni fil-każ ta’ tkeċċija inġusta, kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u xierqa, il-projbizzjoni tat-tħaddim tat-tfal u l-protezzjoni taż-żgħażagħ fuq il-post tax-xogħol, il-ħajja tal-familja u professjonali, is-sigurtà soċjali u l-assistenza soċjali, il-kura tas-saħħa, l-aċċess għal servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, il-ħarsien tal-ambjent, il-protezzjoni tal-konsumatur);
  • Titolu V: Ċittadinanza (id-dritt tal-vot u d-dritt tal-kandidatura fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, id-dritt tal-vot u d-dritt tal-kandidatura fl-elezzjonijiet muniċipali, id-dritt għal amministrazzjoni tajba, id-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti, l-Ombudsman Ewropew, id-dritt ta’ petizzjoni, il-libertà ta’ moviment u ta’ residenza, il-protezzjoni diplomatika u konsulari);
  • Titolu VI: Ġustizzja (id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali, il-preżunzjoni ta’ innoċenza u d-dritt għad-difiża, il-prinċipji ta’ legalità u proporzjonalità ta’ reati u ta’ pieni, id-dritt li wieħed ma jiġix iġġudikat jew jingħata piena darbtejn fi proċedimenti kriminali għall-istess reat kriminali);
  • Titolu VII: Dispożizzjonijiet Ġenerali li jirregolaw l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-Karta (kamp ta’ applikazzjoni; l-ambitu u l-interpretazzjoni ta’ drittijiet u ta’ prinċipji; ir-relazzjoni mal-KEDB; id-distinzjoni bejn ‘drittijiet’ u ‘prinċipji’; il-livell ta’ protezzjoni).

2.3 Il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-UE li jittrattaw il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali

It-Trattat li waqqaf il-Komunità Ekonomika Ewropea ma kienx fih dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali. Madankollu, każijiet bikrija quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja wrew li l-atti tal-KEE jistgħu jinterferixxu mad-drittijiet fundamentali bħal, b’mod partikolari, il-libertà tal-involviment f’attività ekonomika jew id-dritt għall-proprjetà.

Fl-1970, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet il-kompetenza propja fl-iżgurar tar-rispett għad-drittijiet fundamentali bħala ‘prinċipji ġenerali tal-liġi’ (ara l-Kawża 11-70 Internationale Handelsgesellschaft mbH vs Einfuhr- und Vorratsstelle für Getreide und Futtermittel, il-paragrafu 4). Dan kien ifisser li l-qrati nazzjonali kellhom jieqfu jieħdu deċiżjonijiet dwar atti tal-KEE abbażi ta’ sorsi nazzjonali ta’ protezzjoni għad-drittijiet fundamentali.

Sussegwentement, il-Qorti affermat li d-dispożizzjonijiet legali nazzjonali li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ (dak iż-żmien) il-liġi tal-KEE kellhom jikkonformaw ukoll mad-drittijiet fundamentali protetti bil-liġi tal-KEE bħala prinċipji ġenerali (ara l-Kawża Cinéthèque vs Fédération nationale des cinémas français, il-paragrafu 26).

Madankollu, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ rabta bejn id-drittijiet fundamentali nazzjonali u tal-KEE, il-Qorti tal-Ġustizzja sabet ukoll li kienet marbuta li ‘tibbaża ruħha u tislet mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri’ (ara l-Kawża C-4-73 Nold KG vs Il-Kummissjoni, il-paragrafu 13). Bl-istess mod, għamlet referenza għal ‘trattati internazzjonali għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem li dwarhom l-Istati Membri kkollaboraw jew li tagħhom huma firmatarji’ bħala sors ta’ linji gwida (ibid.). Il-Qorti tal-Ġustizzja argumentat ukoll li l-KEBD kienet ta’ rilevanza partikolari (ara l-Kawża C-260/89 ERT vs DEP, il-paragrafu 42).

Fil-verżjoni attwali tiegħu, l-Artikolu 6(3) tat-TUE jipprovdi li: ‘Id-drittijiet fundamentali, kif iggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, u kif jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, għandhom jagħmlu parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt ta' l-Unjoni.’

Għalhekk, it-Trattat ta’ Lisbona kkonferma l-possibbiltà disponibbli għall-Qorti tal-Ġustizzja li tiżviluppa protezzjoni tad-drittijiet fundamentali bħala prinċipji ġenerali.

Madankollu, ir-relazzjoni bejn id-drittijiet fundamentali bħala prinċipji ġenerali tal-liġi u l-Karta hija waħda kumplessa. Dawn iż-żewġ sorsi għandhom l-istess status ġuridiku u, fir-rigward tal-protezzjoni garantita, ħafna drabi jikkoinċidu (dan huwa minħabba li l-kontenut tal-Karta huwa msejjes fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-prinċipji ġenerali, u hemm sovrappożizzjoni sinifikanti bejn is-sorsi ta’ ispirazzjoni wara l-Karta u l-prinċipji ġenerali).

Il-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma ħaditx pożizzjoni ċara dwar din ir-relazzjoni: hemm sempliċiment każijiet fejn issir referenza għaż-żewġ sorsi (ara, pereżempju, il-Kawża C-441/14 DI, il-paragrafu 22).

Madankollu, jidher raġonevoli li jiġi rikonoxxut li l-prinċipji ġenerali dwar id-drittijiet fundamentali għandhom talanqas żewġ funzjonijiet:

  • jgħinu fl-interpretazzjoni tal-Karta: f’każ li dispożizzjoni tal-Karta tikkodifika dritt fundamentali li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun diġà rrikonoxxietu bħala prinċipju ġenerali, il-ġurisprudenza li fiha jkun ġie rikonoxxut għandha tiggwida l-interpretazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni tal-Karta;
  • jaġixxu bħala mezz alternattiv għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali li mhumiex rikonoxxuti mill-Karta.

Għandu jiġi nnotat li, minkejja r-referenza (unika) għall-KEDB fl-Artikolu 6(3) tat-TUE, il-Qorti tal-Ġustizzja siltet minn trattati internazzjonali oħra bħala sorsi tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-UE: pereżempju, il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal jew il-Karta Soċjali Ewropea.

Għalhekk, il-formulazzjoni attwali tal-Artikolu 6(3) tat-TUE ma għandhiex twaqqafha milli tislet minn strumenti oħra bħal dawn.

2.4 Ir-relazzjoni bejn l-UE u l-KEDB

Fil-preżent, għalkemm l-Istati Membri kollha tal-UE huma partijiet għall-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB), l-Unjoni Ewropea mhijiex. Għalhekk, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB) fi Strasburgu ma għandhiex ġurisdizzjoni biex tirrevedi l-konformità tal-atti u tad-dispożizzjonijiet tal-UE mal-KEDB. B’kuntrast, għandha l-ġurisdizzjoni li tiddeċiedi dwar l-atti tal-Istati Membri, inklużi dawk li jimplimentaw l-obbligi li joħorġu mid-dritt tal-UE.

Il-QEDB għamlet distinzjoni bejn l-atti tal-Istati Membri li jimplimentaw obbligi tad-dritt tal-UE li jagħtu ċertu grad ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tagħhom u dawk l-obbligi li ma jagħtux tali diskrezzjoni. Fejn ma jkunx hemm provvediment għal diskrezzjoni, il-Qorti ta’ Strasburgu ma tirrevedix l-atti (legali) tal-Istati Membri, bil-preżunzjoni li l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali mogħtija fis-sistema tal-UE hija tal-anqas ekwivalenti għal dik tal-KEDB. Din il-preżunzjoni hija relattiva: tiġi kkontestata jekk ikun ċar li l-protezzjoni fil-każ inkwistjoni tkun nieqsa (din hija l-hekk imsejħa ‘preżunzjoni ta’ Bosphorus’, imsemmija għall-każ li fih ġiet żviluppata).

B’kuntrast, ma hemm l-ebda trattament speċjali għall-atti tal-Istati Membri li jimplimentaw obbligi li joħorġu mid-dritt tal-UE fejn l-Istati Membri ma jkunu ngħataw l-ebda diskrezzjoni.

Wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, l-UE hija taħt obbligu ġuridiku li taderixxi mal-KEDB. L-Artikolu 6(2) jistipula li: ‘L-Unjoni għandha taderixxi għall-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali. Din l-adeżjoni m'għandhiex taffettwa l-kompetenzi tal-Unjoni kif definiti mit-Trattati’.

Biex l-Unjoni Ewropea taderixxi, għandu jidħol fis-seħħ Ftehim dwar Adeżjoni bejn l-Unjoni u l-Istati li huma partijiet għall-KEDB. Fl-2013, ġie ffinalizzat Abbozz ta’ Ftehim ta’ Adeżjoni, iżda l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjaratu inkompatibbli mat-Trattati tal-UE u mal-Karta (ara l-Opinjoni 2/13).

Madankollu, il-fatt li attwalment l-UE mhijiex parti għall-KEDB ma jfissirx li l-Konvenzjoni ma għandha l-ebda rilevanza ġuridika skont id-dritt tal-UE. Attwalment, il-KEDB (u l-ġurisprudenza tal-Qorti ta’ Strasburgu li tinterpretaha) taqdi żewġ funzjonijiet:

  • taġixxi bħala standard minimu ta’ protezzjoni fir-rigward tal-Karta, bl-Artikolu 52(3) tagħha jipprovdi li: ‘Safejn din il-Karta fiha drittijiet li jikkorrispondu għal drittijiet iggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, it-tifsira u l-ambitu ta’ dawk id-drittijiet għandhom ikunu l-istess bħal dawk stabbiliti mill-Konvenzjoni msemmija. Din id-dispożizzjoni ma żżommx lil-liġi ta’ l-Unjoni milli jipprevedi protezzjoni aktar estensiva’ (għal aktar informazzjoni dwar dan ara l-Parti III, it-taqsima 5.1);
  • Il-KEDB u l-ġurisprudenza tal-Qorti ta’ Strasburgu jistgħu jiġu invokati sabiex jiġu mħarsa d-drittijiet fundamentali bħala prinċipji ġenerali tad-dritt tal-UE, skont l-Artikolu 6(3) tat-TUE (ara t-taqsima 2.3).

3. Il-funzjonijiet tad-drittijiet fundamentali tal-UE

L-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE (ikun xi jkun it-titolu uffiċjali tagħhom: aġenziji, uffiċji, eċċ.) għandhom iħarsu d-drittijiet fundamentali tal-UE u jippromwovu l-applikazzjoni effettiva tagħhom fit-twettiq tal-attivitajiet tagħhom. Kwalunkwe att adottat minnhom għandu jkun konformi mar-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali.

L-Istati Membri tal-UE għandhom jirrispettaw id-drittijiet fundamentali tal-UE kif ukoll jippromwovu l-applikazzjoni tagħhom, iżda biss meta jkunu qed jaġixxu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-UE (ara l-Parti II, it-taqsima 3).

Għalhekk, fir-rigward tal-atti tal-UE, id-drittijiet fundamentali jaqdu żewġ funzjonijiet prinċipali.

Fl-ewwel istanza, jaġixxu bħala punt ta’ riferiment għall-interpretazzjoni. L-atti tal-UE għandhom jiġu interpretati fid-dawl tad-drittijiet fundamentali tal-UE u, f’każ li l-atti tal-UE jkunu miftuħa għal tifsiriet differenti, għandha tingħata preferenza lill-interpretazzjoni li hija l-aktar konformi mad-drittijiet fundamentali tal-UE.

Pereżempju, fil-Kawża C-131/12 Google Spain u Google, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat id-Direttiva 95/46/KE dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali fid-dawl tal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tal-UE dwar id-dritt għar-rispett għall-ħajja privata u d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali. Għalkemm fid-Direttiva ma hemm l-ebda dispożizzjoni espliċita, il-Qorti ddeċidiet li għandha tiġi interpretata bħala rikonoxximent tad-‘dritt li tkun minsi’: id-dritt ta’ persuna li jikseb mill-operatur ta’ magna tat-tiftix it-tneħħija ta’ informazzjoni relatata magħha.

It-tieni nett, id-drittijiet fundamentali tal-UE jaġixxu bħala bażi għal u bħala punt ta’ riferiment għall-validità. Att tal-UE li ma jikkonformax mad-drittijiet fundamentali tal-UE u li ma jistax jiġi interpretat b’mod konformi magħhom huwa invalidu u jista’ jiġi annullat permezz ta’ rikors għal annullament quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jew il-Qorti Ġenerali, jew jiġi ddikjarat invalidu permezz ta’ deċiżjoni preliminari tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara t-taqsima 4).

Pereżempju, fil-Kawża C-293/12 Digital Rights Ireland, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat id-Direttiva 2006/24/KE dwar iż-żamma tad-data invalida, minħabba li d-dispożizzjonijiet tagħha ma jistabbilixxux salvagwardji suffiċjenti sabiex jiġi żgurat li d-data personali tiġi ttrattata f’konformità mal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta.
Id-drittijiet fundamentali tal-UE jaġixxu wkoll bħala punt ta’ riferiment għall-kompatibilità tad-dispożizzjonijiet legali nazzjonali li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-UE. Għandhom jiġu interpretati b’mod konformi mad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni. Fil-każ ta’ konflitt li ma jistax jiġi solvut permezz ta’ interpretazzjoni, il-korp leġiżlattiv nazzjonali jista’ jirrevoka jew jemenda d-dispożizzjoni nazzjonali. Barra minn hekk, jekk id-dritt fundamentali tal-UE inkwistjoni jissodisfa r-rekwiżiti għal effett dirett, il-qrati nazzjonali u l-awtoritajiet amministrattivi jistgħu japplikawh u ma japplikawx id-dispożizzjoni nazzjonali konfliġġenti. Ma għandhomx għalfejn jistennew li l-korp leġiżlattiv domestiku jemenda b’mod formali l-leġiżlazzjoni nazzjonali eżistenti (dwar dan ara l-Parti III, it-taqsima 7).

4. Mezzi ġudizzjarji disponibbli għall-individwi sabiex ifittxu protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tagħhom tal-UE

Hemm diversi mezzi u mekkaniżmi pprovduti minn korpi ġudizzjarji u mhux ġudizzjarji differenti biex tinkiseb protezzjoni xierqa fil-każ ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali tal-UE.

Il-protezzjoni ġudizzjarja tad-drittijiet fundamentali skont il-Karta hija pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-Lussemburgu u mill-qrati nazzjonali tal-Istati Membri.

Jekk il-ksur tad-drittijiet fundamentali huwa riżultat ta’ miżura tal-UE, il-Qorti tal-Ġustizzja biss tista’ tannulla l-att li jkun ta’ lok għall-ksur. Hemm żewġ modi li jistgħu jwasslu lill-Qorti tal-Ġustizzja biex teżamina l-kompatibbiltà ta’ miżura mal-Karta tal-UE:

  • permezz ta’ rikors għal annullament quddiem il-qorti, li għandha l-ġurisdizzjoni li tisma’ rikorsi għal annullament ippreżentati minn individwi;
  • permezz ta’ rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari li jiġi ppreżentat minn korp ġudizzjarju nazzjonali.

Dawn iż-żewġ mezzi ta’ azzjoni mhumiex interkambjabbli: huma soġġetti għal rekwiżiti u regoli proċedurali differenti.

Pereżempju, permezz tal-Artikolu 263(4) tat-TFUE, hemm limitu ta’ żmien li fih jistgħu jinfetħu rikorsi għal annullament. Barra minn hekk, l-applikant irid juri interess dirett u individwali suffiċjenti fl-annullament tal-miżura kkontestata sabiex ikun intitolat li jfittex rimedju b’dan il-mod. Ir-regoli li jirregolaw dan il-punt, imsejħa ‘permanenti’, huma stretti ħafna u ħafna drabi huwa diffiċli li individwi jippreżentaw rikors direttament quddiem il-qrati tal-UE.

B’kuntrast, ma hemm l-ebda limitu ta’ żmien għas-sottomissjoni ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, iżda l-qrati nazzjonali biss jistgħu jippreżentaw tali talbiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (ara l-Artikolu 267 tat-TFUE). Għalhekk, biex tiġi ppreżentata tali talba, għandu jkun hemm proċedimenti ġudizzjarji għaddejjin fuq livell nazzjonali li jikkonċernaw l-allegat nuqqas ta’ konformità mad-drittijiet fundamentali tal-UE ta’ att tal-UE (jew ta’ miżura nazzjonali li timplimenta d-dritt tal-UE). Kull parti għall-proċedimenti nazzjonali tista’ titlob lill-qorti nazzjonali biex tirreferi kwistjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja, iżda d-deċiżjoni aħħarija hija tal-qorti nazzjonali (li tista’ wkoll tippreżenta rinviju minn jeddha).

Fejn ksur tad-drittijiet fundamentali jirriżulta minn miżura legali nazzjonali, il-qrati nazzjonali għandhom ir-responsabbiltà primarja li jipprovdu protezzjoni lill-individwi (il-korp ġudizzjarju kompetenti għandu jiġi identifikat skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar l-attribuzzjoni tal-ġurisdizzjoni fost il-qrati tal-Istat Membru kkonċernat).

L-ewwel nett, il-qorti nazzjonali għandha tistabbilixxi jekk il-kwistjoni taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-UE jew jekk tittrattax biss drittijiet fundamentali nazzjonali. F’każ li japplikaw id-drittijiet fundamentali tal-UE (ara l-Parti II, it-taqsimiet 1 sa 3), il-qorti nazzjonali għandha tipprovdi l-protezzjoni offruta minnha. Fil-każ ta’ dubju, il-qorti nazzjonali tista’ tippreżenta rinviju għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-UE.

L-għażla tal-proċedura l-aktar xierqa tista’ ma tkunx kompitu faċli, u jista’ jkun utli li jitfittex pariri legali: ċerti indikazzjonijiet f’dan ir-rigward huma mogħtija fil-Parti III, it-taqsima 2. Sabiex tagħti lill-partijiet u lir-rappreżentanti legali tagħhom fehim aħjar tar-regoli li jirregolaw it-tmexxija tal-proċeduri msemmija hawn fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja adottat xi Struzzjonijiet prattiċi għall-partijiet f’kawżi quddiemha. Barra minn hekk, il-Qorti ħolqot xi Rakkomandazzjonijiet lill-qrati u lit-tribunali nazzjonali fir-rigward tal-bidu ta’ proċeduri għal deċiżjoni preliminari, li jipprovdu gwida dwar jekk huwiex xieraq li jiġi ppreżentat rinviju għal deċiżjoni preliminari, kif ukoll informazzjoni prattika dwar il-forma u l-effett ta’ tali rinviju.

5. Mezzi mhux ġudizzjarji disponibbli għall-individwi sabiex ifittxu protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-UE tagħhom

Problemi li jikkonċernaw il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-UE jistgħu jiġu indirizzati wkoll permezz ta’ mezzi mhux ġudizzjarji.

Ksur tad-drittijiet fundamentali minn istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u minn aġenziji tal-UE

  • Ilment lill-Ombudsman Ewropew: id-dritt li wieħed jirrikorri għand l-Ombudsman Ewropew, li fih innifsu huwa dritt fundamentali (stabbilit fl-Artikolu 44 tal-Karta tal-UE), jippermetti liċ-ċittadini u lir-residenti tal-UE fl-Unjoni jiddenunzjaw kwistjonijiet ta’ ‘amministrazzjoni ħażina’ mill-istituzzjonijiet, mill-korpi u mill-aġenziji tal-UE, bl-eċċezzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea meta tkun qed taġixxi fir-rwol ġudizzjarju tagħha.
  • Ilment lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data: kull persuna li tqis li d-drittijiet tagħha ġew miksura meta istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija tal-UE tkun ipproċessat data relatata magħha tista’ tressaq ilment quddiem il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, billi tuża l-formola biex tressaq ilment.
  • Ksur tad-drittijiet fundamentali minn Stat Membru
  • Ilment lill-Kummissjoni Ewropea, dwar il-ksur tad-drittijiet fundamentali mill-awtoritajiet nazzjonali (sakemm ikunu qed jaġixxu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-UE: ara l-Parti II, it-taqsima 1 sa 3). Informazzjoni dettaljata dwar kif wieħed jista’ jressaq ilment u l-mod kif il-Kummissjoni tittrattah hija disponibbli hawn.
  • Petizzjoni quddiem il-Parlament Ewropew: id-dritt ta’ petizzjoni, li fih innifsu huwa dritt fundamentali (stabbilit bl-Artikolu 44 tal-Karta tal-UE), jippermetti liċ-ċittadini u lir-residenti tal-UE fl-Unjoni jiġbdu l-attenzjoni tal-Parlament Ewropew għal tema li taqa’ taħt il-kompetenzi tal-Unjoni u li tikkonċerna l-petizzjonant b’mod dirett. Aktar informazzjoni dwar id-dritt ta’ petizzjoni tista’ tinstab hawn.

Permezz tal-Portal tal-Petizzjonijiet tal-Parlament Ewropew, huwa possibbli li tinbeda petizzjoni ġdida jew li jingħata appoġġ għal waħda eżistenti.

L-aħħar aġġornament: 18/11/2020

Din il-paġna hi amministrata mill-Kummissjoni Ewropea. L-informazzjoni f’din il-paġna ma tirriflettix neċessarjament il-pożizzjoni uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea. Il-Kummissjoni ma taċċetta l-ebda responsabbiltà fir-rigward ta’ kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali fir-rigward tar-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-paġni Ewropej.