Dokumenti pubbliċi

Rumanija

Il-kontenut ipprovdut minn
Rumanija

L-Artikolu 24(1)(a) - lingwi aċċettati mill-Istat Membru għad-dokumenti pubbliċi biex jiġu ppreżentati lill-awtoritajiet tiegħu skont il-punt (a) tal-Artikolu 6(1)

Ir-Rumen

L-Artikolu 24(1)(b) - lista indikattiva ta' dokumenti pubbliċi li jaqgħu fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament

Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna ir-Rumen ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.

Id-dokumenti pubbliċi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament huma, pereżempju: ċertifikati tat-twelid, ċertifikati taż-żwieġ, ċertifikati tal-mewt, ċertifikati tad-domiċilju rreġistrati fir-Reġistru Nazzjonali tal-Persuni (Registrul Național de Evidență a Persoanelor, RNEP), ċertifikati tal-fedina penali (jew attestazzjonijiet bil-valur legali ta’ ċertifikat tal-fedina penali miksuba minn missjonijiet diplomatiċi jew postijiet konsulari), ċertifikati li jistabbilixxu li persuna tkun ħajja, ċertifikati taċ-ċittadinanza, deċiżjonijiet tal-qorti dwar materji tal-istat ċivili (divorzju, adozzjoni, eċċ.).

L-Artikolu 24(1)(c) - il-lista ta' dokumenti pubbliċi li magħhom jistgħu jiġu mehmuża l-formoli standard multilingwi bħala għajnuna adatta għat-traduzzjoni

Id-dokumenti pubbliċi li magħhom jistgħu jiġu mehmuża formoli standard multilingwi bħala għajnuna għat-traduzzjoni xierqa huma: iċ-ċertifikati tat-twelid, li magħhom tiġi mehmuża l-formola standard multilingwi mill-Anness I; iċ-ċertifikati tal-ħajja, li magħhom tiġi mehmuża l-formola standard multilingwi mill-Anness II; iċ-ċertifikati tal-mewt, li magħhom tiġi mehmuża l-formola standard multilingwi mill-Anness III; iċ-ċertifikati taż-żwieġ, li magħhom tiġi mehmuża l-formola standard multilingwi mill-Anness IV; iċ-ċertifikati tad-domiċilju rreġistrati fl-RNEP, li magħhom tiġi mehmuża l-formola standard multilingwi mill-Anness X; u ċ-ċertifikati tal-fedina penali, li magħhom tiġi mehmuża l-formola standard multilingwi mill-Anness XI.

L-Artikolu 24(1)(d) - il-listi ta' persuni kkwalifikati, f'konformità mal-liġi nazzjonali, biex iwettqu traduzzjonijiet iċċertifikati, meta tali listi jkunu jeżistu

Lista aġġornata ta’ interpreti u tradutturi awtorizzati hija disponibbli fuq is-sit web tal-Ministeru għall-Ġustizzja hawnhekk.

L-Artikolu 24(1)(e) - lista indikattiva ta' tipi ta' awtoritajiet awtorizzati mil-liġi nazzjonali sabiex jagħmlu kopji ċċertifikati

It-tipi ta’ awtoritajiet li ġejjin għandhom is-setgħa mil-liġi nazzjonali li jagħmlu kopji ċċertifikati: in-nutara pubbliċi, il-Kmamar tan-Nutara Pubbliċi (il-kmamar jistgħu joħorġu kopji ta’ atti notarili mfassla minn nutara pubbliċi li jaħdmu/ikunu ħadmu fil-ġuriżdizzjoni territorjali tagħhom, li l-arkivji tagħhom ikunu ttieħdu mill-kmamar rispettivi skont il-liġi), il-postijiet konsulari u l-missjonijiet diplomatiċi tar-Rumanija barra mill-pajjiż, is-Segretarji tal-kunsilli lokali fil-muniċipalitajiet u fil-bliet fejn ma jkun hemm ebda uffiċċju ta’ nutar pubbliku.

L-Artikolu 24(1)(f) - informazzjoni dwar il-mezzi li bihom traduzzjonijiet iċċertifikati u kopji ċċertifikati jistgħu jiġu identifikati

Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna ir-Rumen ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.

I. Kopji ċċertifikati (skont il-liġi Rumena, “copii legalizate”) huma identifikati permezz tal-elementi li ġejjin, inklużi fiċ-ċertifikazzjoni tal-kopja:

  • In-numru u d-data tal-preparazzjoni;
  • L-isem u l-kunjom tan-nutar pubbliku/tal-uffiċċju tan-nutar li pprepara l-kopja.

II. It-traduzzjonijiet iċċertifikati huma identifikati permezz tal-elementi li ġejjin:

II.A. meta t-traduzzjoni tkun saret minn interpretu u traduttur awtorizzat li l-firma tiegħu tkun ġiet iċċertifikata minn nutar pubbliku:

  • fi tmiem it-traduzzjoni, l-interpretu u t-traduttur awtorizzat idaħħal il-klawżola ta’ ċertifikazzjoni tat-traduzzjoni li ġejja: “Jiena s-sottoskritt, … (l-isem u l-kunjom kif jidhru fl-awtorizzazzjoni), interpretu u traduttur awtorizzat tal-lingwi u fuq il-bażi tal-Awtorizzazzjoni Nru ... ta’ ..., maħruġa mill-Ministeru għall-Ġustizzja Rumen, niċċertifika l-akkuratezza tat-traduzzjoni minn … għal … , li t-test ippreżentat ġie tradott kollu, mingħajr omissjonijiet, u li t-traduzzjoni ma fixklitx il-kontenut jew it-tifsira tad-dokument. Id-dokument mitlub għat-traduzzjoni sħiħa/parzjali tiegħu għandu total ta’ … paġna, jismu/għandu t-titolu.., inħareġ minn ... u ntbagħat lili f’forma sħiħa/parzjali. It-traduzzjoni tad-dokument għandha total ta’… paġna u twettqet skont it-talba bil-miktub ippreżentata taħt in-Nru .../JJ.XX.SSSS, u se tinżamm fl-arkivji tiegħi. Irċevejt il-ħlas ta’ RON … u ħriġt l-irċevuta/l-irċevuta fiskali/l-ordni ta’ ħlas Nru … /JJ.XX.SSSS. INTERPRETU U TRADUTTUR AWTORIZZAT .................. (firma u timbru)”.

Kopja tad-dokument tradott tiġi mehmuża mat-traduzzjoni. It-timbru u l-firma tal-interpretu u t-traduttur iċċertifikat jiġu applikati fil-marġnijiet ta’ bejn il-paġni, sabiex it-timbru jiġi applikat fuq il-paġni kollha tad-dokument, li jkunu numerati, stejpiljati, meħjutin jew marbutin flimkien.

  • Dan huwa segwit miċ-ċertifikazzjoni tal-firma tal-interpretu/tat-traduttur iċċertifikat, imfassla minn nutar pubbliku, missjoni diplomatika jew uffiċċju konsulari, li tiċċertifika li l-kundizzjonijiet essenzjali ġew issodisfati, id-data (sena, xahar, jum), l-isem u l-kunjom tal-interpretu u tat-traduttur iċċertifikat, id-dehra personali tal-interpretu u tat-traduttur iċċertifikat/is-sottomissjoni tal-firma mudell fl-uffiċċju tan-nutar, il-klassifikazzjoni tad-dokument ippreżentat għat-traduzzjoni skont il-liġi, u l-konferma tal-firma tat-traduttur fuq it-traduzzjoni; segwita mill-firma u mit-timbru tan-nutar pubbliku; it-timbru tan-nutar pubbliku jiġi applikat fil-marġnijiet li jmissu ma’ xulxin bejn paġna u oħra, fil-paġni kollha tad-dokument.

Nota: Jekk id-dokument ikun qed jiġi tradott mir-Rumen għal lingwa barranija jew minn lingwa barranija għal lingwa barranija oħra, kemm iċ-ċertifikazzjoni tat-traduzzjoni kif ukoll iċ-ċertifikazzjoni tal-firma tat-traduttur min-nutar pubbliku jiġu abbozzati wkoll bil-lingwa barranija tat-traduzzjoni.

II.B. meta t-traduzzjoni tkun saret minn nutar pubbliku (jekk il-lingwa barranija tkun l-ewwel lingwa tiegħu jew jekk dan ikun ġie ċċertifikat bħala interpretu jew traduttur mill-Ministeru għall-Ġustizzja):

  • in-numru u d-data taċ-ċertifikazzjoni tat-traduzzjoni, l-isem u l-kunjom tan-nutar pubbliku li jkun għamel it-traduzzjoni, l-ewwel lingwa tiegħu jew, meta jkun xieraq, in-numru taċ-ċertifikazzjoni tal-interpretu u traduttur iċċertifikat maħruġa mill-Ministeru għall-Ġustizzja.

Elementi ta’ identifikazzjoni u karatteristiċi oħra tat-traduzzjonijiet magħmula min-nutara pubbliċi:

  • Kopja tad-dokument tradott tiġi mehmuża mat-traduzzjoni. It-timbru tan-nutar pubbliku tiġi applikata fil-marġnijiet ta’ bejn il-paġni, b’mod li t-timbru jiġi applikat fuq il-paġni kollha tad-dokument, li jkunu numerati, stejpiljati, meħjutin jew marbutin flimkien.
  • Fi tmiem it-traduzzjoni, tiddaħħal iċ-ċertifikazzjoni tat-traduzzjoni (irregolata espressament mil-liġi skont l-Anness ta’ hawn taħt). Din tiċċertifika l-akkuratezza tat-traduzzjoni, il-fatt li t-test għat-traduzzjoni ġie tradott kollu, mingħajr omissjonijiet, u li t-traduzzjoni ma fixklitx il-kontenut jew it-tifsira tat-test; iċ-ċertifikazzjoni tinkludi wkoll referenzi għal: l-ewwel lingwa jew, jekk ikun xieraq, in-numru u d-data tal-ħruġ taċ-ċertifikazzjoni tat-traduttur u interpretu, il-lingwa taċ-ċertifikazzjoni, il-klassifikazzjoni tad-dokument ippreżentat għat-traduzzjoni skont il-liġi, eċċ.;
  • segwiti mill-firma u t-timbru tan-nutar pubbliku;

L-Artikolu 24(1)(g) - informazzjoni dwar il-karatteristiċi speċifiċi tal-kopji ċċertifikati

  • Kopji ċċertifikati jistgħu jsiru minn dokument oriġinali jew, meta jkun xieraq, mid-duplikat tiegħu (f’każijiet fejn il-liġi tipprevedi li l-partijiet għal att notarili jinħarġu b’duplikati tad-dokumenti minflok bl-oriġinali);
  • Tista’ ssir kopja ċċertifikata tad-dokument sħiħ jew, meta jkun xieraq, ta’ partijiet speċifiċi tiegħu. Fil-każ tal-aħħar, il-kelma “SILTA” titqiegħed fuq il-kopja ’il fuq mir-riproduzzjoni tal-kontenut tad-dokument, u ssir referenza korrispondenti fiċ-ċertifikazzjoni tal-kopja;
  • Il-kontenut taċ-ċertifikazzjoni ta’ kopja huwa rregolat bil-liġi u jinkludi: a) attestazzjoni li l-kopja tikkonforma mad-dokument ippreżentat; b) l-istatus tad-dokument; c) il-firma tas-segretarju li jkun wettaq il-kollazzjoni; d) l-isem tad-dokument kif jidher fid-dokument, jew, jekk ma jkunx hemm wieħed, isem li jikkorrispondi għar-relazzjoni legali stabbilita mid-dokument
  • Fuq il-fotokopja tad-dokument, direttament taħt it-test, jiġi applikat timbru bit-test li ġej: “aqleb fuq wara għaċ-ċertifikazzjoni” jew, skont il-każ, “ara hawn taħt għaċ-ċertifikazzjoni”;
  • Iċ-ċertifikazzjoni tiddaħħal, skont il-każ, fuq in-naħa ta’ wara tad-dokument li jkun qed jiġi ċċertifikat (jekk ikun dokument ta’ paġna waħda), jew taħt id-dokument (jekk it-test tad-dokument ikompli fuq il-paġna ta’ wara jew fuq diversi paġni);
  • Id-dokumenti li jinkludu diversi paġni jinħietu jew jintrabtu flimkien. F’dan il-każ, bħal fil-każ meta ċ-ċertifikazzjoni tiżdied bħala suppliment, it-timbru tan-nutar pubbliku jiġi applikat bejn il-paġni tad-dokument jew parti fuq paġna tad-dokument u parti fuq is-suppliment);
  • kopji ċċertifikati maħruġa minn arkivji notarili huma validi għal sitt xhur (iċ-ċertifikazzjoni tirreferi għall-oriġini tad-dokument: arkivji notarili jew, meta jkun xieraq, ipprovduti mill-partijiet); kopji ċċertifikati tad-dokumenti pprovduti mill-partijiet ma għandhomx terminu għall-validità tagħhom;
  • iċ-ċertifikazzjoni jkollha l-firma tan-nutar pubbliku jew ta’ segretarju tal-uffiċċju tan-nutar li jkun hemeż il-kopja mal-oriġinali, jew, meta jkun xieraq, tal-konslu;
  • il-kopja ċċertifikata jkollha t-timbru tan-nutar pubbliku jew, meta jkun xieraq, tal-konslu, kif ukoll timbru imbuzzat.
L-aħħar aġġornament: 03/08/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.