Dokumenti pubbliċi

Ungerija

Il-kontenut ipprovdut minn
Ungerija

L-Artikolu 24(1)(a) - lingwi aċċettati mill-Istat Membru għad-dokumenti pubbliċi biex jiġu ppreżentati lill-awtoritajiet tiegħu skont il-punt (a) tal-Artikolu 6(1)

Bl-Ungeriż.

L-Artikolu 24(1)(b) - lista indikattiva ta' dokumenti pubbliċi li jaqgħu fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament

(a) it-twelid:

ċertifikat tat-twelid

(b) il-ħajja:

ċertifikat li l-persuna għadha ħajja

(c) il-mewt:

ċertifikat tal-mewt, ordni tal-qorti li tiddikjara l-preżunzjoni tal-mewt, ordni tal-qorti li tirreġistra mewt

(d) l-isem: ċertifikat ta’ bidla fl-isem

(e) iż-żwieġ, inklużi l-kapaċità għaż-żwieġ u l-istat ċivili:

ċertifikat taż-żwieġ, ċertifikat tal-istat ċivili

(f) id-divorzju, is-separazzjoni ġudizzjarja jew l-annullament taż-żwieġ

sentenza tal-qorti dwar divorzju, sentenza tal-qorti dwar annullament taż-żwieġ, sentenza tal-qorti dwar il-validità ta’ żwieġ, sentenza tal-qorti li tistabbilixxi eżistenza jew nuqqas ta’ eżistenza ta’ żwieġ

(g) is-sħubija reġistrata, inkluża l-kapaċità li persuna tidħol fi sħubija reġistrata u fi status ta’ sħubija reġistrata:

ċertifikat tas-sħubija reġistrata, ċertifikat tal-istat ċivili

(h) ix-xoljiment ta' sħubija reġistrata, separazzjoni ġudizzjarja jew annullament ta’ sħubija reġistrata:

ordni li tistabbilixxi x-xoljiment ta’ sħubija reġistrata minn nutar

(i) il-filjazzjoni:

ċertifikat tat-twelid, sentenza tal-qorti li tistabbilixxi l-paternità, ordni tal-qorti jew sentenza li tirribatti l-preżunzjoni ta’ paternità, sentenza tal-qorti li tistabbilixxi l-maternità

(j) l-adozzjoni:

ordni ta’ adozzjoni għal awtorità ta’ tutela, sentenza tal-qorti li xxolji adozzjoni

(k) id-domiċilju u/jew ir-residenza:

karta tar-residenza uffiċjali

(l) nazzjonalità:

ċertifikat tan-nazzjonalità

(m) in-nuqqas ta’ fedina penali: estratt mir-rekord ġudizzjarju

L-Artikolu 24(1)(c) - il-lista ta' dokumenti pubbliċi li magħhom jistgħu jiġu mehmuża l-formoli standard multilingwi bħala għajnuna adatta għat-traduzzjoni

(1) ċertifikat tat-twelid, ċertifikat tal-mewt, ċertifikat taż-żwieġ u ċertifikat tas-sħubija reġistrata maħruġin wara l-1 ta’ Lulju 2014, sakemm il-kontenut taċ-ċertifikat ma jkunx inbidel qabel il-ħruġ tal-formola standard

(2) ċertifikat li l-persuna għadha ħajja

(3) ċertifikat tal-istat ċivili

(4) karta tar-residenza uffiċjali

L-Artikolu 24(1)(d) - il-listi ta' persuni kkwalifikati, f'konformità mal-liġi nazzjonali, biex iwettqu traduzzjonijiet iċċertifikati, meta tali listi jkunu jeżistu

Fl-Ungerija, traduzzjoni ċertifikata hija kwalunkwe traduzzjoni ta’ dak it-tip prodotta mill-organizzazzjoni awtorizzata biex tipproduċi traduzzjonijiet iċċertifikati.

F’ċirkostanzi ġenerali, l-Uffiċċju Ungeriż għat-Traduzzjoni u ċ-Ċertifikazzjoni (Országos Fordító és Fordításhitelesítő Iroda Zrt., jew OFFI Zrt.) biss jista’ jipproduċi traduzzjonijiet iċċertifikati skont il-liġi fl-Ungerija.

In-nutara li għandhom il-liċenzja biex ifasslu dokumenti b’lingwa barranija jistgħu jipproduċu traduzzjonijiet iċċertifikati f’dik il-lingwa ta’ dokumenti pubbliċi u l-annessi tagħhom fi kwistjonijiet li jaqgħu fil-kompetenza ta’ nutar jew jiċċertifikaw il-preċiżjoni tat-traduzzjonijiet ta’ dawn id-dokumenti. Tista’ tfittex nutar b’liċenzja lingwistika fis-sit web li ġej: https://start.mokk.hu/kozjegyzokereso.html.

Uffiċjal konsulari ta’ karriera tal-Ungerija awtorizzat mill-ministru għall-affarijiet barranin biex iwettaq ċerti kompiti notarili jista’ jfassal ċertifikat konsulari

biex jiċċertifika traduzzjoni, inkluża traduzzjoni prodotta minn dak l-istess uffiċjal. Il-lista attwali tal-uffiċjali konsulari awtorizzati biex joħorġu ċ-ċertifikati tinsab hawnhekk: http://www.kormany.hu/hu/kulgazdasagi-es-kulugyminiszterium/kulkepviseletek.

L-Artikolu 24(1)(e) - lista indikattiva ta' tipi ta' awtoritajiet awtorizzati mil-liġi nazzjonali sabiex jagħmlu kopji ċċertifikati

Fil-prinċipju, kull korp huwa awtorizzat jagħmel kopji ċertifikati skont ir-regoli ta’ proċedura tiegħu u fil-qasam ta’ responsabbiltà tiegħu.

In-nutara jistgħu joħorġu ċertifikat li jiddikjara li kopja tkun identika għal dokument ippreżentat lilhom.

L-Artikolu 24(1)(f) - informazzjoni dwar il-mezzi li bihom traduzzjonijiet iċċertifikati u kopji ċċertifikati jistgħu jiġu identifikati

Traduzzjonijiet iċċertifikati prodotti minn OFFI Zrt.:

A. Elementi użati mit-2 ta’ Lulju 2018 ’il quddiem:

1. L-OFFI jipprepara t-traduzzjonijiet iċċertifikati tiegħu fuq karta tas-sigurtà ta’ 210 x 297 mm, imdawra b’bordura ta’ disinn guilloche u li fiha elementi li tista’ tarahom biss meta jitkabbar għal bosta drabi d-daqs oriġinali.

2. It-test jinsab fi ħdan il-bordura kkulurita bil-klaret, u ’l fuq minnha hemm stampata l-arma tal-Ungerija, u l-isem u l-logo tal-kumpanija. Il-kodiċi uniku li jidentifika d-dokument huwa inkluż fl-ewwel linja fi ħdan il-bordura klaret u fuq il-linja ’l fuq mill-klawżola ta’ ċertifikazzjoni.

3. It-traduzzjoni ċċertifikata stampata fuq folja separata tinhemeż bl-użu ta’ stapler għad-dokument awtentiku tradott jew kopja ċċertifikata tiegħu u l-istaple jiġi ssiġillat b’tikketta tas-sigurtà kwadra ta’ 30 × 25 mm li jkollha l-logo OFFI, strixxa olografika u numru tas-serje uniku. Din it-tikketta tifforma parti essenzjali miċ-ċertifikazzjoni.

4. Għal traduzzjoni minn lingwa barranija għall-Ungeriż, il-klawżola ta’ ċertifikazzjoni li ġejja tkun inkluża bl-Ungeriż fuq it-traduzzjoni:

“L-Uffiċċju Ungeriż għat-Traduzzjoni u ċ-Ċertifikazzjoni jiċċertifika li din it-traduzzjoni ċċertifikata tikkorrispondi eżattament għat-test tad-dokument mehmuż.

L-Uffiċċju Ungeriż għat-Traduzzjoni u ċ-Ċertifikazzjoni ma jassumi l-ebda responsabbiltà għall-awtentiċità u l-kontenut tad-dokument li jifforma l-bażi għat-traduzzjoni.”

Dan huwa segwit mill-post u d-data tal-ħruġ, il-firma awtentika b’linka blu, timbru tal-isem u l-kliem “f’isem l-uffiċjal kap eżekuttiv”.

Għal traduzzjoni lejn lingwa barranija, il-klawżola ta’ ċertifikazzjoni msemmija hawn fuq tiġi inkluża fit-traduzzjoni fil-lingwa xierqa.

B. Elementi użati qabel it-2 ta’ Lulju 2018:

L-elementi u l-klawżoli ta’ ċertifikazzjoni huma l-istess bħal dawk deskritti fil-punt A, bid-differenzi li ġejjin:

1. Barcode stampat u identifikatur uniku jidhru fuq in-naħa ta’ wara tal-karta tas-sigurtà fir-rokna ta’ fuq tal-lemin.

2. It-traduzzjoni ċċertifikata stampata fuq karta separata tinhemeż mad-dokument awtentiku tradott jew ma’ kopja ċċertifikata tiegħu bi spaga ħamra, bajda u ħadra, bit-truf tagħha jkunu mwaħħlin mad-dokument permezz tat-tikketta OFFI ċċertifikata, li tkun ittimbrata bit-timbru uffiċjali tal-OFFI b’tali mod li jkun impossibbli li jiġu separati d-dokumenti mingħajr ma ssir ħsara lit-tikketta.

3. Għal traduzzjoni minn lingwa barranija lejn l-Ungeriż, il-klawżola ta’ ċertifikazzjoni bl-Ungeriż fuq it-traduzzjoni tkun segwita mill-post u d-data tal-ħruġ, il-firma awtentika b’linka blu u t-test “f’isem l-uffiċjal kap eżekuttiv”.

3. Il-karatteristiċi ta’ traduzzjonijiet awtentikati b’mod elettroniku mill-OFFI

Id-dehra tat-traduzzjoni u t-test tat-timbru ta’ ċertifikazzjoni jkunu l-istess bħal dawk tal-verżjoni fuq il-karta.

It-traduzzjoni ċċertifikata b’mod elettroniku tinżamm f’folder (f’format .es3 jew .dosszie) prodott minn OFFI, li fih ukoll il-fajl oriġinali mibgħut għat-traduzzjoni. Minbarra t-traduzzjoni ċċertifikata b’mod elettroniku u ffirmata b’mod elettroniku bit-timbru elettroniku tal-OFFI (f’format.pdf), il-fajl oriġinali mibgħut għat-traduzzjoni li jinsab fil-folder iżomm l-awtentiċità tiegħu wkoll.

Il-fajl oriġinali u l-fajl li fih it-traduzzjoni jitqiegħdu fil-folder b’tali mod li s-separazzjoni tal-fajls teqred iċ-ċertifikazzjoni, u b’hekk il-fajls li jappartjenu flimkien jkunu “mehmużin” b’mod sikur ma’ xulxin.

Ċertifikazzjoni elettronika tiggarantixxi li t-traduzzjoni kienet prodotta minn OFFI Zrt., li l-kontenut tal-fajls ma nbidilx minn meta saret iċ-ċertifikazzjoni u li t-test tat-traduzzjoni mitmuma jkollu l-istess kontenut bħal fit-test mibgħut għat-traduzzjoni.

Traduzzjonijiet iċċertifikati prodotti minn nutar:

Traduzzjonijiet iċċertifikati prodotti min-nutara jiġu identifikati bl-użu tan-numru tal-każ notarili. It-traduzzjoni trid tinkiteb fuq id-dokument oriġinali jew tkun mehmuża miegħu. In-nutara jiċċertifikaw traduzzjoni ta' dokument oriġinali billi jżidu klawżola ta' ċertifikazzjoni fl-aħħar tat-traduzzjoni.


Traduzzjonijiet iċċertifikati prodotti minn uffiċjali konsulari ta’ karriera:

It-traduzzjoni trid tinkiteb fuq id-dokument oriġinali jew tkun mehmuża miegħu u mat-traduzzjoni tiżdied klawżola ta’ ċertifikazzjoni. Fl-aħħar nett, trid tiżdied klawżola li tiċċertifika li t-traduzzjoni tikkorrispondi eżattament mad-dokument oriġinali fl-aħħar tat-traduzzjoni.

Jekk l-uffiċjal konsulari ta’ karriera jehmeż traduzzjoni mad-dokument oriġinali, dan irid isir bl-użu ta’ spaga ħamra, bajda u ħadra mwaħħla b’tikketta bajda, ċirkolari, awtoadeżiva, li tkun ittimbrata miż-żewġ naħat bit-timbru numerat tar-rappreżentanza diplomatika.

It-test tal-klawżola ta’ ċertifikazzjoni jgħid hekk:

B’dan niċċertifika li t-traduzzjoni ppreżentata lili/imħejjija minni tikkorrispondi eżattament mad-dokument mehmuż fil-lingwa ……………………………………………………………………………. .-----------------------------------

Il-klijent ħallas it-tariffa konsulari ta’ ....................................................
Numru tal-każ: …………………………………………………………………………..

Magħmul fi: ……………………….………………………………………………………….

timbru

firma

Il-klawżola tista’ tieħu forma oħra wkoll, sakemm ma tkunx tista’ tiġi separata mid-dokument oriġinali jew mit-traduzzjoni u jkun fiha l-elementi obbligatorji li ġejjin:

(a) indikazzjoni tal-lingwa barranija li d-dokument ġie tradott minnha,

(b) is-sottolinjatura tal-għażla xierqa fit-“traduzzjoni ppreżentata lili/imħejjija minni”, skont jekk l-uffiċjal konsulari ikunx qed jiċċertifika l-eżattezza ta’ traduzzjoni ppreżentata lilu jew ikunx ipprepara t-traduzzjoni hu stess,

(c) l-ammont tat-tariffa konsulari mħallsa,

(d) in-numru tal-każ,

(e) id-data,

(f) it-timbru innumerat tar-rappreżentanza diplomatika,

(g) il-firma tal-uffiċjal konsulari ta’ karriera,

(h) l-indikazzjoni tal-kapaċità tiegħu bħala uffiċjal konsulari ta’ karriera.

Fid-data, is-sena u l-jum iridu jinkitbu wkoll bl-ittri fil-parentesi.

Il-klawżola normalment tieħu l-forma ta’ timbru fuq id-dokument jew fuq folja separata li ma tistax tiġi separata mid-dokument oriġinali jew mit-traduzzjoni.

Meta jkun meħtieġ, iċ-ċertifikazzjoni konsulari tista’ titfassal ukoll b’lingwa barranija fil-parametri deskritti hawn fuq, jekk dan ikun aċċettat mill-awtoritajiet tal-pajjiż riċeventi.

L-Artikolu 24(1)(g) - informazzjoni dwar il-karatteristiċi speċifiċi tal-kopji ċċertifikati

Kopji ċċertifikati prodotti minn nutar:

Nutar jista’ jiċċertifika kopja ta’ dokument jekk id-dokument li l-kopja tkun saret minnu jkun jista’ jinqara b’mod ċar. In-nutar iqabbel il-kopja mad-dokument oriġinali u jiċċertifika li l-kopja tikkorrispondi mal-oriġinal billi jdaħħal klawżola ta’ ċertifikazzjoni fuq il-kopja.

Il-klawsola ta’ ċertifikazzjoni trid tindika:

(a) li l-kopja saret mid-dokument oriġinali, jew minn duplikazzjoni jew kopja uffiċjali tiegħu,

(b) jekk kienx hemm taxxa tal-boll fuq id-dokument ippreżentat,

(c) jekk il-kopja tirrappreżentax biss parti mill-oriġinal,

(d) jekk jidhirx li kien hemm xi bidla, ħsara jew ċirkostanza oħra li tagħti lok għal tħassib id-dokument oriġinali.

Dawn ir-regoli jridu jiġu applikati mutatis mutandis għaċ-ċertifikazzjoni ta’ kopja elettronika jew estratt prodott taħt is-superviżjoni tan-nutar minn dokument jew minn bażi tad-data elettronika, u għaċ-ċertifikazzjoni ta’ kopja fuq il-karta jew estratt prodott minn dokument elettroniku. In-nutar jiffirma l-kopja elettronika jew l-estratt b’firma elettronika kwalifikata. M’hemmx bżonn li tiżdied klawżola ta’ ċertifikazzjoni ma’ duplikazzjoni elettronika ċċertifikata jew kopja elettronika ċċertifikata jekk din tiġi prodotta minn dokument fuq karta mhux danneġġata jew minn dokument notarili elettroniku u jkun fih id-dokument sħiħ, il-firma elettronika kwalifikata tan-nutar u kronogramma.

Kopji ċċertifikati prodotti minn qorti:

Kopja prodotta mill-qorti minn dokument ippreżentat lill-qorti jew kopja prodotta xi mkien ieħor u ppreżentata lill-qorti għaċ-ċertifikazzjoni jrid ikun fiha dan li ġej:

(a) il-frażi “kopja konformi:”,

(b) il-firma tal-persuna li ħejjiet il-kopja,

(c) it-timbru tal-qorti,

(d) il-ħin u d-data ta’ meta saret il-kopja.

Jekk il-fajl tal-każ ikun disponibbli bħala dokument elettroniku, ir-regoli ta’ hawn fuq iridu jiġu applikati meta ssir kopja fuq il-karta bbażata fuq kopja stampata tad-dokument elettroniku. Jekk tintalab kopja fuq il-karta ta’ deċiżjoni tal-qorti maħluqa bħala dokument elettroniku, il-kopja trid turi l-kronogramma u l-firma elettronika fuq id-dokument elettroniku, kif ukoll tindika l-persuna li l-firma elettronika tagħha tidher fid-dokument elettroniku.

L-aħħar aġġornament: 02/01/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.