Dokumenti pubbliċi

Repubblika Ċeka

Il-kontenut ipprovdut minn
Repubblika Ċeka

L-Artikolu 24(1)(a) - lingwi aċċettati mill-Istat Membru għad-dokumenti pubbliċi biex jiġu ppreżentati lill-awtoritajiet tiegħu skont il-punt (a) tal-Artikolu 6(1)

Ċek, Slovakk

L-Artikolu 24(1)(b) - lista indikattiva ta' dokumenti pubbliċi li jaqgħu fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament

  • ċertifikat tat-twelid;
  • ċertifikat taż-żwieġ;
  • ċertifikat tal-mewt;
  • ċertifikat ta’ unjoni ċivili;
  • ċertifikat ta’ kapaċità għaż-żwieġ;
  • ċertifikat ta’ kapaċità ġuridika għal unjoni ċivili;
  • estratt verbatim mir-reġistru tal-familja;
  • konferma ta’ data irreġistrata fir-reġistru tal-familja;
  • konferma ta’ data li tinsab fir-reġistru tad-dokumenti jew fir-reġistru tal-familja duplikat li nżamm sal-31 ta’ Diċembru 1958;
  • deċiżjoni li tawtorizza bidla fl-isem jew fil-kunjom,
  • konferma taż-żwieġ;
  • estratt mill-fedina penali għal persuni fiżiċi;
  • ċertifikat notarili li jikkonferma li persuna għadha ħajja;
  • għotja ta’ data mir-reġistru tal-popolazzjoni lil persuna fiżika;
  • ċertifikat li fih dikjarazzjoni affermattiva mill-ġenituri dwar il-paternità ta’ wild (li twieled jew għadu ma twelidx);
  • konferma taż-żwieġ (maħruġa minn ambaxxata jew konsolat Ċek);
  • deċiżjonijiet tal-qorti dwar il-fatti msemmija fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament, pereżempju:

sentenza li tiddetermina d-data ta’ twelid ta’ minuri;

sentenza li tiddikjara persuna mejta;

sentenza li tiddetermina d-data valida tal-mewt ta’ persuna;

sentenza li tawtorizza minuri biex jiżżewweġ;

sentenza li tirrikonoxxi l-kapaċità ġuridika ta’ minuri;

sentenza ta’ divorzju;

sentenza li tiddikjara l-paternità,

sentenza li tiddikjara l-maternità;

sentenza ta’ adozzjoni ta’ minuri jew sentenza ta’ adozzjoni ta’ adult.

L-Artikolu 24(1)(c) - il-lista ta' dokumenti pubbliċi li magħhom jistgħu jiġu mehmuża l-formoli standard multilingwi bħala għajnuna adatta għat-traduzzjoni

  • Ċertifikat tat-twelid (Twelid)
  • Ċertifikat tal-mewt (Mewt)
  • Ċertifikat taż-żwieġ (Żwieġ)
  • Ċertifikat ta’ kapaċità ġuridika għaż-żwieġ (Kapaċità għaż-żwieġ)
  • Ċertifikat ta’ unjoni ċivili (Unjoni ċivili)
  • Ċertifikat ta’ kapaċità ġuridika għal unjoni ċivili (Kapaċità li persuna tidħol għal unjoni ċivili)
  • Estratti tal-fedina penali għal persuna fiżika (Nuqqas ta’ fedina penali fl-Istat Membru tan-nazzjonalità tal-persuna ikkonċernata)
  • Għotja ta’ data mir-reġistru tal-popolazzjoni lil persuna fiżika (Domiċilju u/jew residenza)

L-Artikolu 24(1)(d) - il-listi ta' persuni kkwalifikati, f'konformità mal-liġi nazzjonali, biex iwettqu traduzzjonijiet iċċertifikati, meta tali listi jkunu jeżistu

  • Interpreti skont l-Att Nru 36/1967 dwar l-esperti u l-interpreti - lista ta’ interpreti disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-Ministeru għall-Ġustizzja:

http://datalot.justice.cz/justice/repznatl.nsf/$$SearchForm?OpenForm&Seq=1#_RefreshKW_select_5

  • Ambaxxati u konsolati tar-Repubblika Ċeka - verifika tal-fedeltà tat-traduzzjonijiet skont l-Artikolu 18(3)(e) tal-Att Nru 150/2017 dwar is-servizz estern

L-Artikolu 24(1)(e) - lista indikattiva ta' tipi ta' awtoritajiet awtorizzati mil-liġi nazzjonali sabiex jagħmlu kopji ċċertifikati

Iċ-ċertifikazzjoni li dokument huwa veru kopja ta’ dokument oriġinali (konferma tal-awtentiċità) issir minn dawn l-entitajiet li ġejjin:

  • awtoritajiet reġjonali;
  • l-uffiċċji muniċipali tal-muniċipalitajiet b’setgħa estiża;
  • l-awtoritajiet muniċipali, l-uffiċċji distrettwali jew l-uffiċċji tad-distretti muniċipali ta’ ibliet maqsuma skont it-territorju, u l-uffiċċji tad-distretti tal-Belt ta’ Praga; il-lista tinsab fil-leġiżlazzjoni ta’ implimentazzjoni (il-lista tal-awtoritajiet muniċipali li jwettqu l-konferma tal-awtentiċità u l-legalizzazzjoni qiegħda fl-Anness I tad-Digriet ta’ Implimentazzjoni Nru 36/2006 dwar iċ-ċertifikazzjoni ta’ dokument li huwa veru kopja ta’ dokument oriġinali u dwar iċ-ċertifikazzjoni tal-awtentiċità ta’ firma, kif emendat);
  • l-awtoritajiet militari distrettwali;
  • id-detentur tal-liċenzja tal-posta (Posta Ċeka);
  • il-Kamra tal-Kummerċ tar-Repubblika Ċeka;
  • nutara,
  • ambaxxati tar-Repubblika Ċeka (konsolati).

L-Artikolu 24(1)(f) - informazzjoni dwar il-mezzi li bihom traduzzjonijiet iċċertifikati u kopji ċċertifikati jistgħu jiġu identifikati

Traduzzjonijiet iċċertifikati

1. Traduzzjoni iċċertifikata minn traduttur/interpretu

It-tradutturi/interpreti għandhom jindikaw fuq l-ewwel paġna ta’ traduzzjoni bil-miktub il-lingwa li minnha saret it-traduzzjoni u fuq l-aħħar paġna għandhom iwaħħlu konferma tal-esperjenza fl-interpretar tagħhom u jittimbrawha bit-timbru ta’ traduttur/interpretu tagħhom. Id-dokument tradott jew kopja iċċertifikata għalhekk iridu jkun stejpiljati sew mat-traduzzjoni miktuba. Il-konferma tal-esperjenza fit-traduzzjoni/interpretar tista’ tkun miktuba bl-idejn jew bil-magna, jew ittimbrata.

Il-konferma tal-esperjenza fit-traduzzjoni/interpretar għandu jkun fiha dan li ġej:

  • Informazzjoni dwar il-ħatra tal-persuna bħala traduttur/interpretu (informazzjoni dwar id-deċiżjoni tal-qorti fuq il-ħatra tat-traduttur/interpretu - post u data tal-għotja, numru ta’ referenza, informazzjoni dwar il-lingwa li għaliha ġie maħtur it-traduttur/interpretu);
  • konferma li t-traduzzjoni twassal fedelment it-test tad-dokument mehmuż;
  • informazzjoni dwar il-korrezzjonijiet lit-traduzzjoni;
  • in-numru sekwenzjali li bih it-traduzzjoni ġiet imdaħħla fil-fajl tat-traduttur/interpretu;
  • il-post u d-data tal-ħruġ tal-konferma tal-esperjenza fl-interpretar;
  • l-isem, il-kunjom, il-firma tat-traduttur/interpretu, it-timbru.

L-indirizz tat-traduttur/interpretu u informazzjoni ta’ kuntatt oħra, bħan-numru tat-telefown, l-indirizz tal-posta elettronika, l-identifikatur tal-kaxxa tad-data u n-numru ta’ reġistrazzjoni fil-Kamra tal-Interpreti u Tradutturi Maħtura mill-Qorti tar-Repubblika Ċeka, jistgħu jiġu miżjuda mal-informazzjoni obbligatorja msemmija hawn fuq. Ta’ min jindika n-numru preċiż ta’ paġni li fiha t-traduzzjoni.

Il-konferma tal-esperjenza fl-interpretar dejjem issir fil-lingwa mira.

2. Ċertifikazzjoni tal-eżattezza tat-traduzzjoni ta’ dokument pubbliku minn ambaxxata jew konsolat tar-Repubblika Ċeka

Ċertifikat ta’ awtentikazzjoni li jiċċertifika l-eżattezza ta’ traduzzjoni għandu jkun fih li ġej:

  • l-isem tal-ambaxxata jew il-konsolat;
  • in-numru sekwenzjali li bih iċ-ċertifikazzjoni ġiet imdaħħla fil-fajl taċ-ċertifikazzjoni;
  • il-lingwa tad-dokument tradott;
  • il-lingwa li fiha ġie tradott id-dokument;
  • informazzjoni dwar jekk it-traduzzjoni ġietx mitluba mill-ambaxxata jew sottomessa mill-applikant;
  • informazzjoni dwar jekk it-traduzzjoni hix sħiħa jew parzjali;
  • l-isem(ismijiet), il-kunjom u l-firma tal-persuna li tiċċertifika l-eżattezza tad-dokument;
  • it-timbru uffiċjali, u
  • il-post u d-data taċ-ċertifikazzjoni tal-eżattezza tat-traduzzjoni.

Kopji iċċertifikati

Iċ-ċertifikazzjoni li dokument huwa veru kopja ta’ dokument oriġinali (konferma ta’ awtentiċità) għandha turi, fuq id-dokument oriġinali jew fuq karta mehmuża sew mad-dokument oriġinali, iċ-ċertifikat ta’ awtentikazzjoni u t-timbru uffiċjali. Iċ-ċertifikat ta’ awtentikazzjoni għandu jkollu dan li ġej:

  • l-isem tal-awtorità;
  • in-numru sekwenzjali li bih il-konferma tal-awtentiċità ġiet imdaħħla fil-fajl taċ-ċertifikazzjoni;
  • informazzjoni li tgħid li d-dokument li qed issirlu l-awtentikazzjoni huwa identiku għad-dokument li minnu nħoloq u jekk dan id-dokument huwiex oriġinali, id-dokument diġà iċċertifikat u awtentikat, dokument li jirriżulta mill-konverżjoni awtorizzata ta’ dokument, duplikat maħluq mill-fajl, jew kopja ta’ deċiżjoni bil-miktub jew il-parti operattiva ta’ deċiżjoni maħruġa skont leġiżlazzjoni speċjali;
  • in-numru ta’ paġni li fih id-dokument;
  • informazzjoni dwar jekk id-dokument li qiegħda ssirlu l-awtentikazzjoni huwiex duplikat sħiħ jew parzjali jew kopja sħiħa jew parzjali;
  • informazzjoni dwar jekk id-dokument li minnu inħoloq id-dokument li qiegħda ssirlu l-awtentikazzjoni fihx karatteristika ta’ sigurtà viżibbli li tifforma parti mill-kontenut legalment sinifikanti ta’ dak id-dokument (pereżempju ologramma);
  • id-data li fiha saret il-konferma tal-awtentikazzjoni;
  • l-isem(ismijiet), il-kunjom u l-firma tal-persuna li qed twettaq il-konferma tal-awtentiċità (pereżempju uffiċjal, sindku jew deputat sindku, impjegat li jaħdem ma awtorità militari distrettwali, impjegat tal-utent tal-liċenzja postali jew il-Kamra tal-Kummerċ tar-Repubblika Ċeka).

L-Artikolu 24(1)(g) - informazzjoni dwar il-karatteristiċi speċifiċi tal-kopji ċċertifikati

Il-konferma tal-awtentiċià tidher fuq id-dokument li qiegħda ssirlu l-awtentikazzjoni fil-forma ta’ ċertifikat ta’ awtentikazzjoni fuq kull paġna, jew fil-paġni tad-dokument li qiegħda ssirlu l-awtentikazzjoni li jkunu stejpiljati sew f’mazz u issiġillati. Is-siġill jiġi ttimbrat b’timbru uffiċjali fuq iż-żewġ naħat, allura dik in-naħa tat-timbru uffiċjali tiġi stampata fuq id-dokument li qiegħda ssirlu l-awtentikazzjoni.

Jekk ma jkunx hemm biżżejjed spazju fuq id-dokument li qiegħda ssirlu l-awtentikazzjoni biex jidher iċ-ċertifikat ta’ awtentikazzjoni, dan minflok jista’ jitqiegħed fuq karta separata mehmuża sew mad-dokument li qiegħda ssirlu l-awtentikazzjoni u l-biċċa fejn jiġi mehmuż tiġi ssiġillata (ara iktar il-fuq).

Jekk id-dokument li qiegħda ssirlu l-awtentikazzjoni huwa magħmul minn karta waħda jew iktar u kull karta individwali għandha kitba fuq naħa waħda biss, il-karti l-vojta jiġu ingassati mill-ġenb tax-xellug ta’ fuq sal-ġenb t'isfel fuq il-lemin u ċ-ċertifikat ta’ awtentikazzjoni jiġi jidher fuq in-naħa li qiegħda tiġi awtentikata.

Jekk fit-test tad-dokument li qiegħda ssirlu l-awtentikazzjoni, jew bejn iċ-ċertifikat ta’ awtentikazzjoni u t-test tad-dokument li qiegħda ssirlu l-awtentikazzjoni, jkun hemm biċċa vojta, min ikun qiegħed iwettaq iċ-ċertifikazzjoni għandu jingassa dik il-biċċa vojta mill-ġenb ta’ fuq tan-naħa tax-xellug sal-ġenb t’isfel tan-naħa tal-lemin.

Il-mudell għaċ-ċertifikat ta’ awtentikazzjoni qiegħed fl-Anness 2 tad-Digriet ta’ Implimentazzjoni Nru 36/2006 dwar iċ-ċertifikazzjoni ta’ dokument li huwa veru kopja ta’ dokument oriġinali u dwar iċ-ċertifikazzjoni tal-awtentiċità ta’ firma, kif emendat.

Iċ-ċertifikat ta’ awtentikazzjoni jidher fuq dokument li qiegħda ssirlu l-awtentikazzjoni bil-modi li ġejjin:

  • b’timbru u l-informazzjoni kif deskritta iktar 'il fuq miktuba bl-idejn, jew
  • b’kopja stampata maħluqa bit-teknoloġija tal-IT li fiha d-data msemmija; bil-kopja stampata ipprintjata fuq tikketta awtoadeżiva, fuq id-dokument jew fuq karta individwali. It-tikketta titwaħħal fuq id-dokument li qiegħda ssirlu l-awtentikazzjoni u ittimbrata b’timbru uffiċjali sabiex dik il-parti tat-timbru uffiċjali tiġi stampata fuq it-tikketta. Il-kopja stampata taċ-ċertifikat ta’ awtentikazzjoni fuq karta individwali għandha tiġi mehmuża sew madd-dokument li qiegħda ssirlu l-awtentikazzjoni.
L-aħħar aġġornament: 28/08/2019

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.