Dokumenti pubbliċi

Bulgarija

Il-kontenut ipprovdut minn
Bulgarija

L-Artikolu 24(1)(a) - lingwi aċċettati mill-Istat Membru għad-dokumenti pubbliċi biex jiġu ppreżentati lill-awtoritajiet tiegħu skont il-punt (a) tal-Artikolu 6(1)

It-traduzzjoni mhix meħtieġa meta d-dokument pubbliku jitfassal bil-Bulgaru.

L-Artikolu 24(1)(b) - lista indikattiva ta' dokumenti pubbliċi li jaqgħu fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament

  1. Twelid – ċertifikat tat-twelid, ċertifikat tat-twelid wara adozzjoni sempliċi, estratt taċ-ċertifikat tat-twelid, kopja sħiħa taċ-ċertifikat tat-twelid, kopja ċċertifikata taċ-ċertifikat tat-twelid;
  2. Mewt – kopja taċ-ċertifikat tal-mewt, kopja sħiħa taċ-ċertifikat tal-mewt, kopja ċċertifikata taċ-ċertifikat tal-mewt, deċiżjoni tal-qorti;
  3. Isem – ċertifikat ta’ identità ta’ persuna b’ismijiet differenti, deċiżjoni tal-qorti;
  4. Żwieġ, inkluża l-kapaċità li persuna tiżżewweġ, jew l-istat ċivili – ċertifikat taż-żwieġ ċivili, kopja taċ-ċertifikat taż-żwieġ ċivili, kopja sħiħa taċ-ċertifikat taż-żwieġ ċivili, kopja ċċertifikata taċ-ċertifikat taż-żwieġ ċivili, ċertifikat taż-żwieġ maħruġ lil ċittadin Bulgaru li żżewweġ barra mill-pajjiż, ċertifikat tal-istat ċivili, ċertifikat tal-istat ċivili inklużi l-konjuġi u t-tfal;
  5. Divorzju, separazzjoni legali jew annullament taż-żwieġ – deċiżjoni tal-qorti, estratt miċ-ċertifikat taż-żwieġ ċivili, li jiddikjara fis-sezzjoni “Kummenti” l-forma li ż-żwieġ ċivili ġie xolt biha u d-data ta’ meta ġie xolt;
  6. Oriġini – deċiżjoni tal-qorti, ċertifikat tal-istat ċivili, konjuġi u tfal, ċertifikat ta’ konjuġi u rabtiet familjari, ċertifikat tat-tfal bijoloġiċi tal-omm;
  7. Adozzjoni – deċiżjoni tal-qorti, ċertifikat tat-twelid (fil-każ ta’ adozzjoni sempliċi), kopja taċ-ċertifikat tat-twelid (fil-każ ta’ adozzjoni sempliċi), kopja sħiħa taċ-ċertifikat tat-twelid (fil-każ ta’ adozzjoni sempliċi), kopja ċċertifikata taċ-ċertifikat tat-twelid (fil-każ ta’ adozzjoni sempliċi);
  8. Domiċilju u/jew residenza – ċertifikat ta’ indirizz permanenti, ċertifikat ta’ indirizz attwali, ċertifikat ta’ bidla fl-indirizz permanenti, ċertifikat ta’ bidla fl-indirizz attwali;
  9. Nazzjonalità – ċertifikat ta’ eżistenza ta’ ċittadinanza Bulgara, ċertifikat tal-kisba taċ-ċittadinanza Bulgara;

10.  Nuqqas ta’ fedina penali – ċertifikat tal-fedina penali li jattesta li l-persuna ma ġietx ikkundannata (il-Mudell 1 tal-Anness 2 tal-Artikolu 45(1) tar-Regolament Nru 8 tas-26 ta’ Frar 2008 dwar il-funzjonament u l-organizzazzjoni tal-uffiċċji tal-fedini penali).

L-Artikolu 24(1)(c) - il-lista ta' dokumenti pubbliċi li magħhom jistgħu jiġu mehmuża l-formoli standard multilingwi bħala għajnuna adatta għat-traduzzjoni

L-Anness I jista’ japplika għal ċertifikat tat-twelid, ċertifikat tat-twelid wara adozzjoni sempliċi jew estratt minn ċertifikat tat-twelid.

L-Anness III jista’ japplika għal estratt minn ċertifikat tal-mewt.

L-Anness IV jista’ japplika għal ċertifikat taż-żwieġ ċivili jew estratt minn ċertifikat taż-żwieġ ċivili.

L-Anness V jista’ japplika għaċ-ċertifikat taż-żwieġ maħruġ lil ċittadin Bulgaru li żżewweġ barra mill-pajjiż.

L-Anness VI jista’ japplika għal ċertifikat tal-istat ċivili jew ċertifikat tal-istat ċivili inklużi l-konjuġi u t-tfal.

L-Anness X jista’ japplika għal ċertifikat ta’ indirizz permanenti u ċertifikat ta’ indirizz attwali.

L-Anness XI jista’ japplika għal ċertifikat tal-fedina penali li jattesta li l-persuna ma ġietx ikkundannata (il-Mudell 1 tal-Anness 2 tal-Artikolu 45(1) tar-Regolament Nru 8 tas-26 ta’ Frar 2008 dwar il-funzjonament u l-organizzazzjoni tal-uffiċċji tal-fedini penali).

L-Artikolu 24(1)(d) - il-listi ta' persuni kkwalifikati, f'konformità mal-liġi nazzjonali, biex iwettqu traduzzjonijiet iċċertifikati, meta tali listi jkunu jeżistu

Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin iżomm reġistru ta’ persuni fiżiċi li jaħdmu bħala tradutturi fuq bażi individwali jew f’kumpanija tat-traduzzjoni, li jwettqu traduzzjonijiet ta’ dokumenti.

Il-lista hija disponibbli biss bil-Bulgaru fuq is-sit web li ġej:

http://apostille.mfa.bg/MFAL/apostille_certificates.nsf/cert1.xsp

L-Artikolu 24(1)(e) - lista indikattiva ta' tipi ta' awtoritajiet awtorizzati mil-liġi nazzjonali sabiex jagħmlu kopji ċċertifikati

Kopji ċċertifikati jistgħu jsiru mill-awtoritajiet li jkunu ħarġu d-dokument oriġinali.

Il-korrettezza tal-kopji tad-dokumenti uffiċjali tista’ tiġi ċċertifikata minn nutar jew assistent nutar.

Kopji ta’ dokumenti uffiċjali jistgħu jiġu awtentikati minn persuni li mhumiex nutara iżda li huma intitolati jwettqu funzjonijiet notarili sa fejn dan ikun previst mil-liġi biss.

L-Artikolu 24(1)(f) - informazzjoni dwar il-mezzi li bihom traduzzjonijiet iċċertifikati u kopji ċċertifikati jistgħu jiġu identifikati

I. Il-mezzi li t-traduzzjonijiet iċċertifikati jistgħu jiġu identifikati bihom

1. Il-karatteristiċi ta’ traduzzjonijiet iċċertifikati ta’ dokumenti Bulgari mwettqa fir-Repubblika tal-Bulgarija u maħsuba għall-użu barra mill-pajjiż.

Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tar-Repubblika tal-Bulgarija huwa awtorizzat jiċċertifika l-firma tat-traduttur fuq it-traduzzjoni tiegħu tad-dokumenti Bulgari tradotti lejn lingwa barranija maħsuba għall-użu fit-territorju ta’ pajjiż barrani.

Iċ-ċertifikazzjoni ssir billi jitwaħħal adeżiv rettangolari li jkun fih informazzjoni dwar isem it-traduttur, il-post u d-data taċ-ċertifikazzjoni, l-ammont tat-tariffa mħallsa, numru uniku tal-identità, firma, timbru u informazzjoni rilevanti oħra.

It-traduzzjonijiet tad-dokumenti jistgħu jkunu kopji oriġinali biss, stampati b’kulur wieħed fuq karta ta’ daqs A4. Il-paġni kollha tat-traduzzjoni jridu jkunu nnumerati u inizjalati mit-traduttur. It-traduzzjonijiet huma marbuta b’mod inseparabbli mad-dokument tradott debitament iċċertifikat u awtentikat.

Fi tmiem it-traduzzjoni, it-test li ġej irid jinkiteb bil-Bulgaru jew bil-lingwa barranija rilevanti: “Jiena, hawn taħt iffirmat(a),..., niċċertifika l-eżattezza tat-traduzzjoni tiegħi minn ... lejn ... tad-dokument mehmuż ... (iddeskrivi t-tip ta’ dokument u l-attributi tiegħu – in-numru, is-sensiela, id-data, iċċertifikat u awtentikat). It-traduzzjoni tikkonsisti fi ... paġni. Traduttur ... (firma).”

L-isem u l-firma tat-traduttur jinkitbu minnufih wara t-tmiem tat-test u ma jistgħux ikunu fuq paġna separata jew bi spazji vojta.

Traduzzjonijiet li fihom korrezzjonijiet, tħassir u inserzjonijiet huma invalidi. Ma huma permessi l-ebda bandiera nazzjonali u stemma araldika.

2. Il-karatteristiċi ta’ traduzzjonijiet iċċertifikati ta’ dokumenti mill-Bulgaru lejn lingwa barranija u minn lingwa barranija lejn il-Bulgaru, imwettqa barra mit-territorju tar-Repubblika tal-Bulgarija.

Barra mill-Bulgarija, fil-każ ta’ traduzzjonijiet ta’ dokumenti u dokumenti oħra mill-Bulgaru lejn lingwa barranija u minn lingwa barranija lejn il-Bulgaru, il-firma tat-traduttur fuq it-traduzzjoni tiegħu trid tkun iċċertifikata mir-rappreżentanzi diplomatiċi u konsulari tar-Repubblika tal-Bulgarija. It-traduzzjoni tinhemeż mad-dokument oriġinali, bit-timbru tar-rappreżentanza diplomatika/konsulari fi tliet postijiet fin-nofs tal-parti mehmuża jew fir-rokna ta’ fuq tad-dokument, li jintewa b’tali mod li jżomm il-paġni kollha tad-dokument, u jiġi ttimbrat.

Iċ-ċertifikazzjoni ssir billi tiġi awtentikata l-firma tat-traduttur billi jitpoġġa timbru rettangolari fuq id-dokument, li jkun fih informazzjoni dwar l-isem u l-pożizzjoni tal-persuna awtorizzata li ħarġet iċ-ċertifikazzjoni, il-post u d-data taċ-ċertifikazzjoni, it-tariffa mħallsa, in-numru ta’ referenza taċ-ċertifikazzjoni konsulari, firma u timbru.

3. Il-karatteristiċi tat-traduzzjonijiet iċċertifikati ta’ dokumenti maħruġa barra mill-pajjiż tradotti għall-Bulgaru u maħsuba għall-użu fir-Repubblika tal-Bulgarija.

Abbażi tal-Artikolu 21a tar-Regoli dwar il-legalizzazzjoni, iċ-ċertifikazzjoni u t-traduzzjoni ta’ dokumenti u rekords oħra, in-nutara fir-Repubblika tal-Bulgarija għandhom id-dritt li jiċċertifikaw il-firma tat-traduttur fuq it-traduzzjoni ta’ dokumenti barranin tradotti lejn il-Bulgaru u maħsuba għall-użu fir-Repubblika tal-Bulgarija.

Iċ-ċertifikazzjoni ssir billi jitwaħħal adeżiv rettangolari li jkun fih informazzjoni dwar isem it-traduttur, il-post u d-data taċ-ċertifikazzjoni, l-ammont tat-tariffa mħallsa, numru uniku tar-reġistrazzjoni, firma, timbru u informazzjoni rilevanti oħra.

I. Il-mezzi li l-kopji ċċertifikati jistgħu jiġu identifikati bihom

1. Kopja ċċertifikata trid tispeċifika l-awtorità li tivvalida l-kopja

– permezz tal-isem u l-firma tal-uffiċjal u t-timbru tal-awtorità u

– billi fuq il-kopja jinkitbu l-isem u l-firma tan-nutar/assistent nutar f’konformità ma’ mudell approvat tat-timbru (ara n-notifika fil-punt li ġej).

2. Għal kull ċertifikazzjoni ta’ korrettezza ta’ kopja ta’ dokument uffiċjali, l-awtorità emittenti tagħmel entrata korrispondenti fir-reġistri tagħha.

L-Artikolu 24(1)(g) - informazzjoni dwar il-karatteristiċi speċifiċi tal-kopji ċċertifikati

Meta jinħarġu kopji tad-dokumenti tal-istat ċivili, il-kopja jrid ikollha d-data ta’ meta tkun saret u l-isem u l-kunjom tal-uffiċjal tar-reġistru ċivili li jkun għamilha. L-uffiċjal tar-reġistru ċivili jiffirma d-dokument u jittimbrah bit-timbru regolari tal-muniċipalità.

Sabiex tiġi ċċertifikata l-awtentiċità ta’ kopja ta’ dokument uffiċjali, l-oriġinal tad-dokument għandu jiġi ppreżentat lin-nutar jew lill-assistent nutar. Iċ-ċertifikazzjoni ssir f’konformità mal-Anness 6 tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 32 tad-29 ta’ Jannar 1997 dwar l-arkivji uffiċjali tan-nutara u l-uffiċċji notarili.

Fi . . . . . . . . . . . . . . . . . . . . . . . . . . . ., Jiena, nutar għal . . . . . . . . . . . . . . . . . . . . . . id-distrett (il-Kamra tan-Nutara Nru tar-reġ. . . . . . . . . . . . . . . . . . . . . . .), niċċertifika l-awtentiċità ta’ din it-traskrizzjoni magħmula minn. . . . . . . . . . . . . . . ta’ dokument uffiċjali (privat) ippreżentat lili minn. . . . . . . . . . . . . . . . . . . . . . . . . . . . . . . . . . . . . . . ., residenti fil-belt (raħal) ta’. . . . . . . . . . . . . . . . . , u niċċertifika li ma kien hemm l-ebda tħassir, żieda, korrezzjoni jew pekuljarità oħra fl-oriġinal. Nru tar-Reġ. . . . . . . . . . . . . . . Tariffa mħallsa: BGN . . . . .

Nutar:

L-aħħar aġġornament: 06/06/2022

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.