Dokumenti pubbliċi

Informazzjoni nazzjonali u formoli online rigward ir-Regolament Nru 2016/1191

F’Lulju 2016, l-Unjoni Ewropea adottat Regolament li jissimplifika ċ-ċirkolazzjoni ta’ ċerti atti pubbliċi bejn il-pajjiżi tal-UE. Ir-Regolament għandu l-għan li jnaqqas il-burokrazija żejda u l-ispejjeż għaċ-ċittadini meta dawn ikollhom bżonn jippreżentaw att pubbliku maħruġ mill-awtoritajiet ta’ pajjiż tal-UE lill-awtoritajiet ta’ pajjiż ieħor tal-UE. Skont ir-Regolament, l-atti pubbliċi (pereżempju ċertifikat tat-twelid jew att taż-żwieġ notarili) maħruġa f’pajjiż tal-UE jridu jiġu aċċettati bħala awtentiċi f’pajjiż ieħor tal-UE mingħajr il-bżonn li dawn l-atti jkollhom timbru ta’ awtentikazzjoni (il-postilla). L-atti pubbliċi koperti mir-Regolament huma, b’mod partikolari, l-istatus ċivili (pereżempju t-twelid, il-mewt, iż-żwieġ, is-sħubija reġistrata, l-adozzjoni) iżda wkoll ir-residenza u n-nuqqas ta’ kondotta kriminali.

Ir-Regolament jabolixxi wkoll l-obbligu li, fil-każijiet kollha, jiġu pprovduti kopji ċċertifikati u traduzzjonijiet iċċertifikati ta’ atti pubbliċi maħruġa f’pajjiż ieħor tal-UE. Ir-Regolament jintroduċi formoli standard multilingwi fakultattivi li jistgħu jinthemżu mal-atti pubbliċi biex jiġu evitati rekwiżiti ta’ traduzzjoni. Dan ir-Regolament ma jirregolax ir-rikonoxximent f’pajjiż tal-UE tal-kontenut jew tal-effetti ta’ att pubbliku maħruġ f’pajjiż ieħor tal-UE. Ir-rikonoxximent ta’ tali kontenut jew effetti jiddependi fuq id-dritt tal-pajjiż destinatarju. Ir-Regolament huwa applikabbli mis-16 ta’ Frar 2019.

L-aħħar aġġornament: 27/02/2019

Din il-paġna hi amministrata mill-Kummissjoni Ewropea. L-informazzjoni f’din il-paġna ma tirriflettix neċessarjament il-pożizzjoni uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea. Il-Kummissjoni ma taċċetta l-ebda responsabbiltà fir-rigward ta’ kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali fir-rigward tar-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-paġni Ewropej.