

Sib informazzjoni għal kull reġjun
B’mod ġenerali, l-eżekuzzjoni ċivili u dik kummerċjali jfissru li, meta l-awtur ta’ ksur jonqos milli jħares minn jeddu deċiżjoni eżekuttiva (bħal sentenza finali), il-pretendent irid jitlob għal eżekuzzjoni ġudizzjarja sabiex jiżgura li d-deċiżjoni tkun imħarsa. Għaldaqstant, sabiex jirkupra dejn li l-konvenut ikollu jħallas b’ordni mill-qorti iżda dan ma jagħmlux, il-pretendent (il-kreditur) iressaq talba għal eżekuzzjoni ġudizzjarja u jikseb l-irkupru, pereżempju, permezz ta’ mandat ta’ sekwestru tal-kontijiet kurrenti tad-debitur jew mandat ta’ qbid tal-proprjetà tad-debitur li, ladarba tkun irkantata, il-kreditur ikun jista’ jitħallas id-dejn dovut lilu mir-rikavat tal-irkant.
L-eżekuzzjoni hija parti mir-rispons għall-mandat tal-Kostituzzjoni ta’ Spanja tal-1978, li jinkariga lill-Imħallfin u lill-Qrati bil-kompitu kemm tal-iġġudikar kif ukoll tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet tagħhom (l-Artikoli 117 u 118 tal-Kostituzzjoni). Għalhekk, il-partijiet fil-proċedimenti għandhom l-obbligu li jħarsu s-sentenzi u deċiżjonijiet oħra tal-qorti kif ukoll li jipprovdu l-kooperazzjoni meħtieġa għall-eżekuzzjoni ta’ dak li jkun ġie deċiż. Sta għall-Imħallef li jiddeċiedi li dawn ir-rekwiżiti jkunu ssodisfati b’mod xieraq.
L-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni tal-qorti tfisser li dak li jkun ġie ordnat mill-qorti jitħares, jiġifieri l-eżekuzzjoni tad-dritt fl-intier tiegħu akkwiżit mill-parti li s-sentenza tkun inqatgħet favuriha. Dan jista’ jinvolvi lill-pretendent (minn hawn ’il quddiem “il-parti li tkun qed titlob eżekuzzjoni” li jitlob ir-rimborż ta’ somma flus, id-dritt li ssir jew ma ssirx xi ħaġa, jew li dritt rikonoxxut ikun rispettat permezz tar-reġistrazzjoni fir-Reġistru Pubbliku Rilevanti, skont xi tkun l-ordni.
L-eżekuzzjoni tista’ tkun finali jew provviżorja. Jekk tkun provviżorja u taħt ċerti ċirkostanzi, sentenza li ma tkunx għadha waħda finali tiġi eżegwita sabiex ikun evitat li l-kreditur iġarrab ħsara matul il-perjodu interim (jiġifieri tul l-istadji proċedurali tal-azzjoni kontra dik id-deċiżjoni u sakemm tinħareġ id-deċiżjoni finali) minħabba d-dewmien inerenti għall-proċedimenti (l-Artikoli 524-537 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili - Ley de Enjuiciamiento Civil).
Il-leġiżlazzjoni ta’ Spanja tassenja l-eżekuzzjoni tas-sentenzi lill-Imħallfin u lill-Qrati, f’konformità mal-liġijiet u mar-regola dwar il-ġuriżdizzjoni (l-Artikolu 117(3) tal-Kostituzzjoni ta’ Spanja).
F’konformità mal-Kostituzzjoni, skont il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (il-Liġi 1/2000, is-7 ta’ Jannar 2000, BOE Nru 7, it-8 ta’ Jannar 2000, kif emendata), li jirregola l-proċedura ta’ eżekuzzjoni f’materji ċivili, l-Imħallef huwa inkarigat mill-monitoraġġ tal-implimentazzjoni kif suppost tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni (l-Artikoli 545, 551, 552 u d-dispożizzjonijiet korrispondenti). Huwa l-Imħallef dak li, malli ssir it-talba tal-parti li tkun qed titlob eżekuzzjoni, jagħti bidu għall-proċedura permezz tat-“titolu ta’ eżekuzzjoni ġenerali” li jinħareġ malli l-ordni ta’ eżekuzzjoni tkun ġiet riveduta. L-Imħallef joħroġ ukoll deċiżjoni jekk il-konvenut (minn hawn ’il quddiem “id-debitur skont is-sentenza” joġġezzjona għall-eżekuzzjoni u jibda l-proċediment ta’ oppożizzjoni speċifiku stipulat hawn isfel.
Ir-Reġistraturi (Letrados de la Administración de Justicia, li qabel kienu jissejħu “Secretarios judiciales” – Skrivana tal-Qorti) huma inkarigati mill-iddeterminar u l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ eżekuzzjoni speċifiċi (talbiet għal pagamenti, sekwestru tal-beni tad-debitur skont is-sentenza, tnaqqis mill-kontijiet kurrenti, salarji, eċċ.). Ladarba t-“titolu ta’ eżekuzzjoni ġenerali” jinħareġ mill-Imħallef, huwa r-Reġistratur li jwettaq monitoraġġ tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni u jadotta d-deċiżjonijiet korrispondenti, għalkemm f’xi każijiet jista’ jitressaq appell quddiem l-Imħallef kontra dawk id-deċiżjonijiet.
B’mod ġenerali, jeħtieġ li jkun hemm sentenza finali jew deċiżjoni tal-qorti, jew kwalunkwe titolu eżekuttiv ieħor (jeżistu eċċezzjonijiet meta deċiżjoni ma tkunx għadha waħda finali iżda tkun eżekuttiva, bħall-implimentazzjoni provviżorja tas-sentenzi kkontestati, li hija permessa f’ċerti ċirkostanzi).
F’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 517 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili rigward il-proċedura ta’ eżekuzzjoni u t-titoli eżekuttivi, it-talba għal eżekuzzjoni trid tkun ibbażata fuq titolu eżekuttiv. Dawn it-titoli biss huma eżekuttivi:
Eċċezzjoni ta’ falsifikazzjoni tat-titoli ppreżentati matul il-proċess ta’ tqabbil ma jimpedix il-ħruġ tat-titolu ta’ eżekuzzjoni jekk it-titoli jkunu konformi, mingħajr preġudizzju għall-oġġezzjoni sussegwenti għall-eżekuzzjoni li d-debitur jaf iressaq, billi jargumenta li t-titolu huwa ffalsifikat.
Iċ-ċertifikati msemmija fil-paragrafu preċedenti ma jiskadux ġaladarba tkun intalbet u ġiet ordnata l-eżekuzzjoni.
It-talba għal eżekuzzjoni trid issir lill-Imħallef tal-Qorti tal-Prim’Istanza (Tribunal de Primera Instancia) li jkun ħareġ is-sentenza jew id-deċiżjoni li trid tkun eżegwita. Madankollu, jekk it-titolu eżekuttiv ma jkunx sentenza, jiġifieri jekk ma jkunx frott deċiżjoni tal-qorti jew deċiżjoni maħruġa mir-Reġistratur tal-Qorti (bħal fil-każ ta’ atti pubbliċi awtentikati b’intervent notarili li jkunu eżekuttivi), hemm regoli speċjali għall-assenjar tal-ġuriżdizzjoni lil Qorti, skont diversi konnessjonijiet mal-kawża. L-aktar kriterju komuni ta’ assenjar huwa r-residenza tal-konvenut. Il-parti li tkun qed titlob eżekuzzjoni u d-debitur skont is-sentenza jridu jingħataw parir mingħand konsulent legali u jridu jkunu rrappreżentati minn avukat, għajr fil-każ ta’ eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet maħruġa fi proċedimenti li fihom l-intervent ta’ tali professjonisti legali ma jkunx obbligatorju.
Għall-bqija, il-proċedura hija stabbilita fl-Artikoli 548 et seq. tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili; ta’ min jinnota li t-titolu ta’ eżekuzzjoni jinħareġ biss fuq talba ta’ waħda mill-partijiet u jkun f’għamla ta’ talba, kif diskuss aktar ’l isfel. Ladarba t-talba għal eżekuzzjoni tkun ġiet ippreżentata lill-Qorti, u dment li jkunu ssodisfati r-regoli u r-rekwiżiti proċedurali, il-Qorti tfassal it-“titolu ta’ eżekuzzjoni ġenerali”. Wara li jinħareġ it-titolu mill-Imħallef, ir-Reġistratur joħroġ digriet li jkun fih il-miżuri ta’ eżekuzzjoni speċifiċi li jixirqu, kif ukoll il-miżuri ta’ traċċar u ta’ investigazzjoni marbuta mal-assi tad-debitur skont is-sentenza li jkunu jidhru xierqa għall-eżekuzzjoni.
It-titolu u d-digriet li jissemmew hawn fuq, flimkien ma’ kopja tat-talba għal eżekuzzjoni, jiġu nnotifikati fl-istess waqt lid-debitur skont is-sentenza, għalkemm jistgħu jkunu adottati ċerti miżuri sabiex tkun evitata l-possibbiltà li l-kreditur iġarrab xi dannu.
Id-debitur skont is-sentenza jista’ joġġezzjona għall-eżekuzzjoni abbażi ta’ raġunijiet speċifiċi, sostantivi (pereż. pagament tad-dejn) jew inkella proċedurali (pereż. jekk ikun hemm xi żbalji fl-eżekuzzjoni), f’konformità mal-Artikolu 556 et seq. tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili. F’dan il-każ, tinbeda proċedura kontenzjuża, li tagħti lok għall-analiżi tal-evidenza, u li tintemm bil-ħruġ ta’ titolu li jżomm it-titolu ta’ eżekuzzjoni jew jannullah kollu kemm hu jew parzjalment. Din id-deċiżjoni hija soġġetta għal appell.
Kif indikat aktar ’il fuq, talba ta’ eżekuzzjoni trid issir fuq talba ta’ waħda mill-partijiet billi titressaq il-pretensjoni li fiha jkun hemm it-talba għal eżekuzzjoni. It-talba għal eżekuzzjoni jrid ikun fiha l-att li fuqu tkun tibbaża l-eżekuzzjoni, trid tindika l-eżekuzzjoni mitluba mill-Qorti, l-assi tad-debitur skont is-sentenza li jistgħu jkunu kkonfiskati, il-miżuri ta’ traċċar u ta’ investigazzjoni għall-identifikar tal-assi tad-debitur, il-persuna jew il-persuni fil-konfront ta’ liema trid titwettaq l-eżekuzzjoni, u tidentifika lilhom u ċ-ċirkostanzi tagħhom. Jekk it-titolu eżekuttiv jkun deċiżjoni mir-Reġistratur jew sentenza jew deċiżjoni mill-Qorti inkarigata mill-eżekuzzjoni, it-talba għal eżekuzzjoni tista’ tkun limitata għat-talba għat-titolu ta’ eżekuzzjoni li jrid jinħareġ, filwaqt li tidentifika s-sentenza jew id-deċiżjoni li trid tiġi eżegwita ġuridikament (l-Artikolu 549 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili). F’każijiet oħra, it-talba għal eżekuzzjoni trid titressaq flimkien mad-dokumenti li fuqhom tkun ibbażata l-eżekuzzjoni (elenkati fl-Artikolu 550 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili). Jekk it-talba għal eżekuzzjoni tkun tissodisfa r-rekwiżiti msemmija hawn fuq u jekk it-titolu ppreżentat ikun wieħed li jippermetti li tingħata ordni ta’ eżekuzzjoni, l-ordni ta’ eżekuzzjoni tingħata mill-Imħallef jew permezz ta’ digriet mir-Reġistratur, li jiddetermina — f’każ ta’ eżekuzzjoni monetarja — l-ammont li jikkostitwixxi l-ammont prinċipali tal-eżekuzzjoni, flimkien mal-ammont stabbilit b’mod provviżorju għall-imgħax u għall-kostijiet, mingħajr preġudizzju għas-saldu u l-aġġustament sussegwenti tiegħu, u jrid dejjem jidentifika l-persuni kkonċernati u l-miżuri ta’ eżekuzzjoni li jridu jiġu adottati.
Fi kwalunkwe każ, u mingħajr preġudizzju għal ċerti assi li ma jistgħux ikunu suġġetti ta’ eżekuzzjoni msemmija hawn taħt, għandu dejjem jinsaħaq li l-miżuri ta’ eżekuzzjoni jridu jkunu proporzjonali mal-ammont li għalih tingħata l-eżekuzzjoni, sabiex jekk dawn ikunu eċċessivi, il-Qorti tkun tista’ tordna li jitnaqqsu. Barra minn hekk, jekk ma jkunux biżżejjed, il-parti li tkun qed titlob eżekuzzjoni tkun tista’ tapplika sabiex dawn ikunu kkumplimentati billi jitwessgħu jew jiżdiedu l-miżuri li jridu jiġu adottati. Meta l-parti li tkun qed titlob eżekuzzjoni ma tkunx taf x’inhuma l-assi ta’ proprjetà tad-debitur skont is-sentenza, il-Qorti tista’ tintalab tistħarreġ permezz tar-Reġistratur li jistħarreġ b’mod dirett mill-Qorti jew inkella billi jitressqu rikjesti lill-awtoritajiet kompetenti. Madankollu, hemm sensiela ta’ skali jew limitazzjonijiet għas-sekwestri fuq il-pagi u s-salarji li jinsabu elenkati hawn taħt. L-eżekuzzjoni li tirriżulta minn ordni sabiex jitħallas il-manteniment (stabbilita jew fi proċediment ta’ manteniment bejn il-qraba jew inkella fi proċediment familjari relatat ma’ pagamenti ta’ manteniment dovuti lill-ulied) hija eċċezzjoni, billi f’dawn il-każijiet l-eżekuzzjoni mhijiex soġġetta għall-iskali statutorji; minflok, il-Qorti tiddetermina l-ammont li jista’ jiġi ssekwestrat.
Fir-rigward tal-assi li ma jistgħux ikunu suġġetti ta’ eżekuzzjoni, l-Artikoli 604 et seq. tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jiddikjaraw dan li ġej (ir-referenzi għall-“Iskrivan tal-Qorti” għandhom jinqraw bħala referenzi għar-Reġistratur):
L-assi li ma jistgħux ikunu suġġetti ta’ eżekuzzjoni. Dawn l-assi li ġejjin ma għandhom ikunu suġġetti ta’ eżekuzzjoni fl-ebda ċirkostanza:
Nru 1 Assi li jkunu ġew iddikjarati bħala inaljenabbli.
Nru 2 Drittijiet anċillari li ma jistgħux ikunu aljenati separatament mid-dritt prinċipali.
Nru 3 Assi li minnhom infushom ma għandhom l-ebda valur.
Nru 4 Assi li ġew iddikjarati espressament bħala li ma jistgħux ikunu suġġetti ta’ eżekuzzjoni minn kwalunkwe dispożizzjoni legali.
L-assi tad-debitur skont is-sentenza li ma jistgħux ikunu suġġetti ta’ eżekuzzjoni.. Lanqas l-oġġetti li ġejjin ma jistgħu jkunu suġġetti ta’ eżekuzzjoni:
Nru 1 Għamara u oġġetti tad-dar, kif ukoll l-ilbies tal-parti li fil-konfront tagħha qed tintalab eżekuzzjoni u tal-familja tagħha li ma jistgħux jitqiesu bħala superfluwi. B’mod ġenerali, oġġetti bħal ikel, karburant u oġġetti oħrajn li skont il-fehma tal-qorti jkunu essenzjali sabiex id-debitur skont is-sentenza u d-dipendenti tiegħu jkunu jistgħu jgħixu f’dinjità raġonevoli.
Nru 2 Il-kotba u l-istrumenti li jkun jeħtieġ id-debitur skont is-sentenza sabiex jeżerċita l-professjoni, l-arti jew is-sengħa tiegħu, meta l-valur tagħhom ma jkunx proporzjonali mal-ammont tad-dejn mitlub.
Nru 3 Oġġetti sagri u oġġetti li jintużaw biex ikunu prattikati reliġjonijiet reġistrati legalment.
Nru 4 Ammonti li jkunu espressament iddikjarati skont il-liġi bħala li ma jistgħux ikunu suġġetti ta’ eżekuzzjoni.
Nru 5 Assi u ammonti ddikjarati bħala li ma jistgħux ikunu suġġetti ta’ eżekuzzjoni. skont it-Trattati ratifikati minn Spanja.
Fir-rigward tas-sekwestru tal-pagi u tal-pensjonijiet, il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jistabbilixxi dawn il-prekawzjonijiet li ġejjin:
1) Salarju, paga, pensjoni, remunerazzjoni jew l-ekwivalenti li ma jaqbżux l-ammont tal-paga minima (din tkun stabbilita kull sena mill-Gvern) ma jistgħux ikunu ssekwestrati.
2) Salarji, pagi, remunerazzjoni jew pensjonijiet li jkunu ogħla mill-paga minima jistgħu jkunu sekwestrati skont din l-iskala:
Nru 1 Għall-ewwel ammont addizzjonali sal-ammont ekwivalenti għad-doppju tal-paga minima, 30 %.
Nru 2 Għall-ammont addizzjonali sal-ammont ekwivalenti għat-triplu tal-paga minima, 50 %.
Nru 3 Għall-ammont addizzjonali sal-ammont ekwivalenti għal erba’ darbiet il-paga minima, 60 %.
Nru 4 Għall-ammont addizzjonali sal-ammont ekwivalenti għal ħames darbiet il-paga minima, 75 %.
Nru 5 Għal kull ammont li jaqbeż l-ammont ta’ hawn fuq, 90 %.
3) Jekk il-parti li fil-konfront tagħha tkun qed tintalab eżekuzzjoni tirċievi aktar minn salarju jew paga waħda, dawn kollha jingħaddu flimkien u l-parti li ma tistax tkun suġġett ta’ eżekuzzjoni titnaqqas darba biss. Bl-istess mod, is-salarji, il-pagi, il-pensjonijiet, ir-remunerazzjoni jew l-ekwivalenti tal-konjuġi jingħaddu flimkien sakemm ma jkunx hemm separazzjoni tal-proprjetà tal-konjuġi u l-evidenza tagħha trid tkun provduta lill-Iskrivan tal-Qorti.
4) Jekk il-parti li fil-konfront tagħha tkun qed tintalab eżekuzzjoni jkollha d-dipendenti, l-Iskrivan tal-Qorti jista’ jnaqqas b’bejn 10 % sa 15 % il-persentaġġi stipulati fin-Nri 1, 2, 3 u 4 tal-Artikolu 607(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili.
5) Jekk is-salarji, il-pagi, il-pensjonijiet jew ir-remunerazzjoni kienu gravati bi tnaqqis permanenti jew temporanji ta’ natura pubblika skont il-leġiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali jew it-taxxa, l-ammont nett riċevut mid-debitur skont is-sentenza wara dak it-tnaqqis ikun l-ammont użat bħala l-bażi għall-iddeterminar tal-ammont li jrid ikun sekwestrat.
6) Il-paragrafi ta’ hawn fuq ta’ dan l-Artikolu japplikaw ukoll għall-introjtu minn attivitajiet kummerċjali u professjonali ta’ nies li jaħdmu għal rashom.
7) L-ammonti sekwestrati f’konformità ma’ din id-dispożizzjoni jistgħu jkunu trasferiti direttament lill-parti li tkun qed titlob eżekuzzjoni, f’kont li jkun ġie stabbilit minn qabel minn dik il-parti, jekk tingħata approvazzjoni mill-Iskrivan tal-Qorti inkarigat mill-eżekuzzjoni.
F’dak il-każ, kemm il-persuna jew il-korp li jkun qiegħed jeżegwixxi s-sekwestru u t-trasferiment sussegwenti, kif ukoll il-parti li tkun qed titlob eżekuzzjoni, iridu jgħarrfu lill-Iskrivan tal-Qorti kull tliet xhur bl-ammont mibgħut u riċevut, rispettivament, bl-eċċezzjoni ta’ xi pretensjonijiet li jistgħu jitressqu mill-parti li fil-konfront tagħha tkun qed tintalab eżekuzzjoni, jew għaliex dawn iqisu li d-dejn intradd kollu kemm hu lura, u għaldaqstant is-sekwestru jiġi invalidat jew inkella għaliex is-sekwestri u t-trasferimenti ma kinux qegħdin jiġu eżegwiti kif stipulat mill-Iskrivan tal-Qorti.
L-ordni li tinħareġ mill-Iskrivan tal-Qorti li tippermetti t-trasferiment dirett tista’ tkun ikkontestata billi jitressaq appell dirett għal reviżjoni quddiem il-qorti.
Fil-każ ta’ proprjetà immobbli jew assi oħra li jistgħu jkunu reġistrati, il-qorti tista’, fuq it-talba tal-parti li tkun qed titlob eżekuzzjoni, toħroġ ordni għal annotazzjoni ta’ inibizzjoni li tkun trid tiddaħħal fir-reġistru pubbliku korrispondenti (normalment ir-Reġistru tal-Proprjetà, li huwa r-reġistru għall-proprjetà immobbli) sabiex tiggarantixxi l-eżekuzzjoni sussegwenti.
F’każijiet oħra, jistgħu jinħarġu dawn it-tipi ta’ miżuri li ġejjin:
– Flus kontanti: qbid.
– Kontijiet kurrenti: mandat ta’ sekwestru ippreżentat lill-bank.
– Pagi: mandat ta’ sekwestru ppreżentat lill-pagatur.
– Imgħax, rikavat u dħul: sekwestru mill-pagatur, amministrazzjoni ġudizzjarja jew depożitu ġudizzjarju.
– Titoli jew strumenti finanzjarji: sekwestru tal-imgħax f’ras il-għajn, notifika lir-regolatur tal-borża jew tas-suq sekondarju (jekk it-titoli jkunu kkwotati f’suq pubbliku) u notifika lill-kumpanija emittenti.
Beni mobbli oħra: qbid.
Barra minn hekk, sabiex ikun żgurat li ssir l-eżekuzzjoni, il-persuni u l-korpi pubbliċi u privati kollha huma obbligati li jikkooperaw mal-miżuri tal-eżekuzzjoni (bi twissija li jistgħu jeħlu multa jew anki jinżammu responsabbli għal disprezz tal-qorti jekk jonqsu milli jikkonformaw mar-rekwiżit). Dan ifisser li jridu jipprovdu l-informazzjoni mitluba lilhom jew jadottaw il-miżuri ta’ garanzija inkwistjoni, u dawn iridu jgħaddu lill-Qorti kull dokument jew data fil-pussess tagħhom, mingħajr ebda limitu għajr għal-limiti li jirriżultaw mill-ħarsien tad-drittijiet fundamentali jew limiti li huma espressament stipulati skont il-liġi f’ċerti każijiet.
Il-miżuri ta’ eżekuzzjoni ma għandhom l-ebda durata stabbilita; jibqgħu fis-seħħ sakemm tintemm l-eżekuzzjoni. Fir-rigward ta’ dawn il-miżuri, il-parti li tkun qed titlob eżekuzzjoni trid titlob l-eżekuzzjoni rilevanti f’kull każ individwali. Pereżempju, fil-każ ta’ qbid ta’ proprjetà mobbli jew immobbli, jintalab irkant. Il-pagament lill-parti li tkun qed titlob eżekuzzjoni jsir bil-flus li jinkisbu mill-irkant. F’każijiet oħra, pereżempju meta l-ordni tkun tikkonsisti minn konsenja ta’ proprjetà lill-parti li tkun qed titlob eżekuzzjoni (bħal żgombru minħabba nuqqas ta’ ħlas tal-kera), il-miżuri ta’ eżekuzzjoni jkunu jikkonsistu mill-għoti lura tal-pussess tal-proprjetà lill-parti li tkun qed titlob eżekuzzjoni, hekk kif il-kerrej li jkun qiegħed jikser il-kuntratt ikun żgumbrat mill-proprjetà.
Mhuwiex possibbli li jsir appell kontra t-titolu eżekuttiv. Madankollu, id-debitur skont is-sentenza jista’ joġġezzjona ladarba l-eżekuzzjoni tkun ġiet innotifikata. F’dan il-każ, isir il-proċediment ta’ oġġezzjoni indikat hawn fuq. L-oġġezzjoni tista’ tkun għal raġunijiet sostantivi jew abbażi ta’ difetti formali. Dawn ir-raġunijiet għall-oġġezzjoni jvarjaw skont it-titolu eżekuttiv (kif stipulat fl-Artikolu 556 et seq. tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, skont jekk hijiex deċiżjoni ta’ proċedura mill-Imħallef jew mir-Reġistratur, deċiżjoni ta’ arbitraġġ jew ftehim ta’ medjazzjoni; strumenti ta’ piena massima ordnati fi proċedimenti kriminali relatati mal-inċidenti tat-traffiku; strumenti msemmija fin-Nri 4, 5, 6 u 7 tal-Artikolu 517 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, kif ukoll dokumenti eżekuttivi oħra msemmija fin-Nru 9 tal-Artikolu 517(2). L-oġġezzjonijiet ibbażati fuq pretensjoni eċċessiva u l-oġġezzjonijiet ibbażati fuq difetti formali huma rregolati mill-Artikoli 558 u 559 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili rispettivament). Għandu jitqies il-fatt li l-Qorti għandha mnejn kienet preċedentement qajmet uħud minn dawn ir-raġunijiet minn jeddha (jekk il-Qorti jirriżultalha li xi waħda mill-klawsoli inkluża f’titolu ta’ eżekuzzjoni li jikkonsisti f’ċertifikati, strumenti jew atti pubbliċi awtentikati tista’ tkun inġusta, hija obbligata li taġixxi ex officio billi tisma’ lill-partijiet dwar il-kwistjoni u wara dan toħroġ deċiżjoni). Il-partijiet jistgħu jappellaw kontra t-titolu maħruġ mill-Qorti tal-Prim’Istanza bħala reazzjoni għar-raġunijiet għall-oġġezzjoni. L-appell jinstema’ mill-Qorti Provinċjali rilevanti (Audiencia provincial).
Hemm il-possibbiltà li l-miżura ta’ eżekuzzjoni tiskadi. Għaldaqstant, miżura ta’ eżekuzzjoni bbażata fuq sentenza jew deċiżjoni tal-qorti, deċiżjoni tar-Reġistratur li tapprova soluzzjoni bil-qorti jew ftehim milħuq matul il-proċedimenti, jew deċiżjoni ta’ arbitraġġ jew ftehim ta’ medjazzjoni, tiskadi jekk it-talba korrispondenti ta’ eżekuzzjoni ma tkunx ippreżentata fi żmien ħames snin minn mindu s-sentenza jew id-deċiżjoni ssir finali (l-Artikolu 518 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).
Hemm ukoll perjodu ta’ stennija qabel ma tinbeda l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ proċedura (mill-Imħallef jew mir-Reġistratur) jew tad-deċiżjonijiet ta’ arbitraġġ jew inkella tal-ftehimiet ta’ medjazzjoni. Dan il-perjodu huwa bil-ħsieb li jagħti l-ħin lill-konvenut biex jikkonforma volontarjament mal-ordni, u min jirbaħ il-kawża ma għandux għalfejn japplika għall-eżekuzzjoni. B’hekk, l-ebda eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ proċedura jew ta’ arbitraġġ jew ta’ ftehimiet ta’ medjazzjoni ma tiġi ordnata fi żmien għoxrin jum mid-data li fiha l-kundanna tkun saret finali, jew li fiha d-deċiżjoni għall-approvazzjoni jew għall-iffirmar tal-ftehim tkun ġiet innotifikata lid-debitur skont is-sentenza (l-Artikolu 548 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili). Fl-aħħar mill-aħħar, dan il-perjodu ta’ stennija huwa intiż biex iħeġġeġ il-konformità volontarja min-naħa tal-konvenut.
Kif spjegat aktar ’il fuq fil-Punt 4.1, fil-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili hemm stipulat li għall-protezzjoni tad-debitur, ċerti assi ma jistgħux ikunu suġġetti ta’ eżekuzzjoni, u hemm stipulat ukoll limiti kwantitattivi proporzjonali għas-sekwestru tas-salarji, pagi, remunerazzjonijiet jew pensjonijiet.
Fl-irkant tal-proprjetà, il-bejgħ lill-offerent bl-ogħla offerta jrid isir għal ammonti minimi fi proporzjon mal-valur evalwat tal-assi jew mal-ammont tad-dejn. Dawn il-limiti għall-protezzjoni tad-debitur ikunu ogħla jekk tkun irkantata r-residenza abitwali tad-debitur (l-Artikoli 670 u 671 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).
Il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jistabbilixxi wkoll li, bħala regola ġenerali, ma tistax issir eżekuzzjoni tal-imgħax fuq l-ammont prinċipali dovut u l-ispejjeż proċedurali għal ammont li jaqbeż it-30 % tal-ammont prinċipali (l-Artikolu 575 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).
Meta l-eżekuzzjoni ssir kontra r-residenza abitwali, l-ispejjeż li jista’ jirreklama d-debitur skont is-sentenza ma jistgħux jaqbżu l-5 % tal-ammont irreklamat fit-talba ta’ eżekuzzjoni (l-Artikolu 575 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).
Fil-preklużjonijiet tad-dritt ipotekarju, u għad-debituri li l-qagħda soċjali u finanzjarja tagħhom tkun partikolarment vulnerabbli, l-iżgombru mir-residenza abitwali jiġi pospost.
Skont l-Artikoli 55 sa 57 tal-Liġi dwar l-Insolvenza (Ley Concursal), ma jistgħux ikunu eżegwiti titoli ta’ eżekuzzjoni individwali fil-konfront ta’ kumpaniji kummerċjali li jkunu ġew iddikjarati bħala falluti, billi l-Imħallef li jkun qed jippresjedi l-proċedimenti ta’ falliment ikollu kompetenza esklużiva fir-rigward tal-eżekuzzjoni tal-parti insolventi; dan qiegħed hemm bil-ħsieb li jkun evitat li xi kredituri jingħataw trattament aktar favorevoli minn oħrajn.
Din il-paġna web hija parti minn L-Ewropa Tiegħek.
Nilqgħu l-feedback tiegħek dwar l-utilità tal-informazzjoni pprovduta.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.