Kif tinforza deċiżjoni ta’ qorti

Rumanija
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Xi tfisser eżekuzzjoni fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali?

Id-dispożizzjonijiet ta’ infurzar huma stabbiliti fl-Artikoli 622–913 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili. Il-proċedura ta’ infurzar hija t-tieni fażi tal-proċedimenti ċivili u hija maħsuba prinċipalment biex jiġi żgurat l-eżerċizzju attwali tad-dritt rikonoxxut permezz ta’ sentenza tal-qorti jew dokument eżekutorju ieħor. Billi jirrikorri għall-proċedura ta’ infurzar, il-kreditur li jkun id-detentur ta’ dritt rikonoxxut skont sentenza tal-qorti/dokument eżekutorju jobbliga lid-debitur biex jissodisfa dawk l-obbligi tiegħu bħala debitur li jkun irrifjuta li jilħaq b’mod volontarju.

Il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili Rumena jistabbilixxi lista ta’ miżuri ta’ infurzar diretti u indiretti.

Miżuri diretti ta’ infurzar huma dawk relatati mal-oġġett tad-dejn stabbilit f’dokument eżekutorju, b’mod aktar speċifiku sekwestru ta’ proprjetà mobbli - l-Artikoli 892–894 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili; sekwestru ta’ proprjetà immobbli - l-Artikoli 895–901 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili; u infurzar ta’ obbligu biex tittieħed xi azzjoni jew li jinżamm lura milli tittieħed xi azzjoni - l-Artikoli 902–913 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili (inklużi dispożizzjonijiet speċjali dwar l-infurzar ta’ sentenzi rigward minorenni - l-Artikoli 909–913) u l-Artikoli 1527et seq. tal-Kodiċi Ċivili. Rigward l-infurzar ta’ obbligi biex tittieħed azzjoni, il-liġi tiddistingwi bejn obbligu li jista’ jiġi eżegwit ukoll minn persuna oħra minbarra d-debitur u obbligu intuitu personae.

Infurzar indirett jirreferi għall-mezzi biex jinkiseb il-ħlas soġġett għad-dokument eżekutorju permezz tal-bejgħ obbligatorju tal-propjetà tad-debitur. Eżempji ta’ miżuri ta’ infurzar indirett jinkludu s-sekwestru ta’ flus jew l-irkupru (segwit mill-bejgħ) ta’ proprjetà. Miżura oħra hija l-irkupru ta’ rikavat ġenerali minn proprjetà immobbli.

L-obbligi li x’aktarx ikunu soġġetti għall-infurzar huma obbligi li jsir ħlas, għal trasferiment ta’ proprjetà jew l-użu tagħha, jew twaqqigħ jew ikklerjar ta’ bini/pjantazzjonijiet/xogħlijiet, jew l-għoti ta’ kustodja ta’ minuri u l-istabbiliment tar-residenza tagħhom u l-iskeda ta’ żjajjar.

2 Liema awtorità jew awtoritajiet huma kompetenti għall-eżekuzzjoni?

Is-sentenzi tal-qorti u d-dokumenti eżekutorji l-oħrajn jiġu eżegwiti minn uffiċjal ġudizzjarju ta’ infurzar (executor judecătoresc), li l-uffiċċju tiegħu ikun jinsab fiż-żona tal-ġuriżdizzjoni tal-qorti tal-appell fejn tinsab il-proprjetà immobbli, fil-każ ta’ infurzar fir-rigward ta’ oġġetti immobbli/frott mhux miġbur u fil-każ ta’ infurzar dirett fir-rigward ta’ proprjetà immobbli. L-irkupru infurzat ta’ oġġetti mobbli u l-infurzar dirett ta’ proprjetà mobbli jiġu eżegwiti minn uffiċjal ġudizzjarju ta’ infurzar, li l-uffiċċju tiegħu jkun jinsab fil-ġuriżdizzjoni tal-qorti tal-appell, fejn id-debitur ikollu r-residenza/l-uffiċċju reġistrat tiegħu jew fejn tkun tinsab il-proprjetà. Jekk il-post ta’ residenza/l-uffiċċju reġistrat tad-debitur ikun jinsab barra mill-pajjiż, kull uffiċjal ġudizzjarju ta’ infurzar ikun kompetenti.

L-ordni ta’ sekwestru tiġi eżegwita fuq talba tal-kreditur minn uffiċjal ġudizzjarju ta’ infurzar, li l-uffiċċju tiegħu jkun jinsab fil-ġuriżdizzjoni tal-qorti tal-appell, fejn id-debitur jew terza persuna soġġetta għal sekwestru għandha r-residenza/l-uffiċċju reġistrat tagħha. Jekk il-kontijiet bankarji ta’ persuna fiżika jew legali ikunu ġew sekwestrati, il-kompetenza taqa’ taħt l-uffiċjal ġudizzjarju ta’ infurzar, li l-uffiċċju tiegħu jinsab fil-kompetenza tal-qorti tal-appell fejn id-debitur għandu r-residenza/l-uffiċċju reġistrat tiegħu jew meta l-bank, fejn il-bank fejn id-debitur fetaħ il-kont tiegħu, ikollu l-uffiċċju prinċipali/il-fergħa tiegħu. Jekk id-debitur ikollu diversi kontijiet miftuħa, il-kompetenza għas-sekwestru tal-kontijiet kollha taqa’ f’idejn l-uffiċjal ġudizzjarju ta’ infurzar, fi kwalunkwe post fejn ikunu nfetħu. Il-qorti ta’ infurzar hija l-qorti distrettwali (judecătorie), li fil-ġuriżdizzjoni tagħha jinsabu r-residenza/l-uffiċċju reġistrat tad-debitur, fid-data ta’ riferiment quddiem il-qorti ta’ infurzar. Jekk il-post ta’ residenza tad-debitur/l-uffiċċju reġistrat ikunu fir-Rumanija, il-ġuriżdizzjoni taqa’ f’idejn il-qorti distrettwali, li fil-ġuriżdizzjoni tagħha jkunu r-residenza/l-uffiċċju reġistrat tal-kreditur, u jekk din ir-residenza jew dan l-uffiċċju rreġistrat ma jkunux fir-Rumanija, il-qorti distrettwali li fil-ġuriżdizzjoni tagħha jkun l-uffiċċju rreġistrat tal-uffiċjal ġudizzjarju ta’ infurzar, li ngħata s-setgħat mill-kreditur.

Il-qorti ta’ infurzar tittratta t-talbiet b’applikazzjonijiet għal dikjarazzjonijiet ta’ eżegwibbiltà, appelli kontra azzjonijiet ta’ infurzar u kwalunkwe kwistjoni oħra li tinqala’ matul il-proċess ta’ infurzar, ħlief għal dawk li bil-liġi jkunu fil-ġuriżdizzjoni ta’ qrati jew korpi oħra.

Il-ħlas ta’ bolli għal applikazzjonijiet għal dikjarazzjonijiet ta’ infurzar hija RON 20 għal kull dokument eżekutorju (l-Ordni ta’ Emerġenza tal-Gvern Nru 80/2013 fuq il-ħlas ta’ bolli legali, kif emendat u supplimentat sussegwentement).

3 Liema huma l-kundizzjonijiet biex jingħataw titoli jew deċiżjonijiet li jkunu eżekuttivi?

3.1 Il-proċedura

L-infurzar jista’ jitwettaq biss taħt sentenza tal-qorti (sentenzi finali, deċiżjonijiet eżekutorji provviżorji) jew att ieħor meqjus bħala dokument eżekutorju skont il-liġi (atti awtentiċi notarili, titoli ta’ dejn, l-għoti ta’ arbitraġġ, eċċ.).

Hekk kif jirċievu t-talba għal infurzar ippreżentata mill-kreditur, l-uffiċjal ġudizzjarju ta’ infurzar jordna biex din it-talba tiġi rreġistrata. L-uffiċjal ġudizzjarju ta’ infurzar, permezz ta’ deċiżjoni, joħroġ dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà, mingħajr ma jsejjaħ lill-partijiet. Id-dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà tippermetti lill-kreditur biex jitlob lill-uffiċjal ġudizzjarju ta’ infurzar kompetenti biex jagħmel użu, jew simultanjament jew suċċessivament, tal-mezzi ta’ infurzar kollha disponibbli sabiex jeżerċita d-drittijiet tiegħu, inkluż id-dritt għall-kumpens tal-ispejjeż ta’ infurzar. Id-dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà għandha effett fil-pajjiż kollu u tkopri wkoll dokumenti eżekutorji, li jinħarġu mill-uffiċjal ġudizzjarju ta’ infurzar fil-kuntest tal-proċedura ta’ infurzar approvata.

Id-dokumenti proċedurali jistgħu jiġu nnotifikati mill-uffiċjal ġudizzjarju ta’ infurzar, jew personalment inkella permezz tal-aġent proċedurali tiegħu u jekk dan ma jkunx possibbli, f’konformità mad-dispożizzjonijiet legali dwar it-tħarrik u ta’notifika tal-atti proċedurali.

Hekk kif jirrċievi t-talba għal infurzar, l-uffiċjal ġudizzjarju ta’ infurzar, permezz ta’ deċiżjoni, jordna biex it-talba tiġi reġistrata u biex jinfetaħ il-fajl ta’ infurzar, jew fejn applikabbli, jirrifjuta li jibda l-proċedura ta’ infurzar, billi jagħti r-raġunijiet għal dan ir-rifjut. Il-kreditur jiġi mgħarraf minnufih b’din id-deċiżjoni. Jekk l-uffiċjal ġudizzjarju ta’ infurzar jirrifjuta li jibda l-proċedura ta’ infurzar, fi żmien 15-il mid-data tan-notifika, il-kreditur jista’ jressaq ilment quddiem il-qorti, li jittratta l-proċedimenti ta’ infurzar.

Fi żmien mhux aktar minn tlett ijiem minn meta tkun ġiet irreġistrata t-talba, l-uffiċjal ġudizzjarju ta’ infurzar jitlob dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà mill-qorti li qed tittratta l-proċedimenti ta’ infurzar u jippreżentaha lil din il-qorti, kopji ċertifikati kif imiss, it-talba tal-kreditur, id-dokument eżekutorju, il-forma ta’ deċiżjoni mitluba u l-prova tal-ħlas tal-bolli legali.

Ir-rikors għal dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà jinstema' mhux aktar tard minn sebat ijiem mir-reġistrazzjoni tagħha quddiem il-qorti b’ordni bil-magħluq, mingħajr ma l-partijiet jiġu mħarrka. Id-deċiżjoni jista’ jkun li jkollha dewmien ta’ mhux iżjed minn 48 siegħa, u r-raġunijiet għal din id-deċiżjoni għandhom jingħataw mhux aktar minn sebat ijiem minn din id-deċiżjoni.

Id-dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà tippermetti lill-kreditur biex jitlob lill-uffiċjal ġudizzjarju ta’ infurzar, li talab id-dikjarazzjoni biex jagħmel użu, jew simultanjament jew suċċessivament, tal-mezzi kollha disponibbli ta’ infurzar previsti mil-liġi sabiex jeżerċita d-drittijiet tiegħu, inkluż id-dritt għall-kumpens tal-spejjeż ta’ infurzar. Id-dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà għandha effett fil-pajjiż kollu, u tkopri wkoll dokumenti eżekutorji, li jinħarġu mill-uffiċjal ġudizzjarju ta’ infurzar, fil-kuntest tal-proċedura ta’ infurzar approvata.

Il-qorti tista’ tiċħad it-talba għal dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà biss jekk: it-talba taqa’ taħt il-ġuriżdizzjoni ta’ korp ta’ infurzar differenti minn dak li fil-fatt tressqet it-talba quddiemu; id-deċiżjoni jew, fejn applikabbli, id-dokument mhuwiex dokument eżekutorju; id-dokument, għajr deċiżjoni tal-qorti, ma jissodisfax ir-rekwiżiti formali kollha; id-dejn mhuwiex ċert, ta’ ammont fiss u dovut; id-debitur igawdi minn immunità mill-infurzar; id-dokument jinkludi dispożizzjonijiet li ma jistgħux jiġu ssodisfati permezz ta’ infurzar; xkiel ieħor.

Id-deċiżjoni li biha l-qorti tilqa’ t-talba għal dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà ma tistax tiġi appellata, iżda tista’ tiġi rieżaminata jekk l-infurzar innifsu jiġi kkontestat. Deċiżjoni li tiċħad applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà tista’ tiġi appellata esklużivament mill-kreditur u fi żmien 15-il jum min-notifika tad-deċiżjoni.

L-ordni għall-infurzar, li jaqra kif ġej, jiżdied mal-aħħar parti tad-deċiżjoni dwar id-dikjarazzjoni tal-eżegwibbiltà:

“Il-firmatarju, il-President tar-Rumanija,

jagħti s-setgħat u l-istruzzjonijiet lill-uffiċjali ġudizzjarji ta’ infurzar biex jinfurzaw it-titolu (hawnhekk jiddaħħlu d-dettalji ta’ identifikazzjoni tat-titolu eżegwibbli) li għalih ħarġet din id-deċiżjoni dwar id-dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà. Jordna lill-korpi pubbliċi tal-infurzar tal-liġi biex jappoġġaw l-applikazzjoni fil-pront u effettiva tal-azzjonijiet ta’ infurzar kollha, u lill-prosekuturi biex jinsistu dwar il-konformità tat-titolu eżegwibbli skont il-liġi. (tiddaħħal: il-firma tal-president tal-bord ta’ mħallfin u tal-iskrivan tal-qorti.)”

L-Assoċjazzjoni Nazzjonali tal-Uffiċjali Ġudizzjarji ta’ Infurzar (Uniunea Naţională a Executorilor Judecătoreşti) tistabbilixxi u taġġorna, bl-approvazzjoni tal-Ministru għall-Ġustizzja, it-tariffi minimi għas-servizzi pprovduti minn uffiċċjali ġudizzjarji ta’ infurzar. Dawn it-tariffi minimi u massimi li ġejjin għall-attivitajiet imwettqa ġew stabbiliti permezz tal-Ordni Nru 2550/2006 tal-14 ta’ Novembru 2006 tal-Ministru tal-Ġustizzja:

Komunikazzjoni u notifika tal-atti proċedurali – RON 20-400

Infurzar dirett

  • evizzjonijiet: RON 150-2 200 f’każ li d-debitur ikun persuna fiżika, RON 5 200 f’każ li d-debitur ikun persuna ġuridika
  • l-għoti ta’ kustodja ta’ minorenni jew l-istabbiliment tad-domiċilji tal-minorenni: RON 50-1 000
  • żjara lill-minuri – RON 50-500
  • tqegħid f’pussess, stabbiliment tal-limiti ta’ proprjetà, servitujiet, trasferiment ta’ proprjetà, eċċ.: RON 60-2 200 f’każ li d-debitur ikun persuna fiżika u RON 5 200 f’każ li d- debitur ikun persuna ġuridika
  • approvazzjoni ta’ xogħlijiet jew bini: RON 150-2 200 f’każ li d-debitur ikun persuna fiżika u RON 5 200 f’każ li d-debitur ikun persuna ġuridika

Infurzar indirett

tariffa minima

tariffa massima

għal dejn ta’ anqas minn RON 50 000, 10 % tal-ammont u RON 75 b’żieda ta’ 2 % tal-ammont li jeċċedi RON 1 000

10 % għal dejn sa RON 50 000

għal dejn bejn RON 50 000 u RON 80 000, RON 1 175 b’żieda ta’ 2 % tal-ammont li jeċċedi RON 50 000

għal dejn bejn RON 50 000 u RON 80 000, RON 5 000 b’żieda ta’ 3 % tal-ammont li jeċċedi RON 50 000

għal dejn bejn RON 80 000 u RON 100 000, RON 1 775 b’żieda ta’ 1 % tal-ammont li jeċċedi RON 80 000

għal dejn bejn RON 80 000 u RON 100 000, RON 5 900 b’żieda ta’ 2 % tal-ammont li jeċċedi RON 80 000

għal dejn ‘il fuq minn RON 100 000, RON 2 500 b’żieda ta’ 1 % tal-ammont li jeċċedi RON 100 000 u RON 5 500 b’żieda ta’ mhux aktar minn 0,5 % tal-ammont li jeċċedi RON 400 000

għal dejn ‘il fuq minn RON 100 000, RON 6 300 b’żieda ta’ mhux aktar minn 1 % tal-ammont li jeċċedi l-valur ta’ RON 100 000.

Anness

għal dejn ta’ anqas minn RON 50 000, 10 % tal-ammont u RON 75 b’żieda ta’ 2 % tal-ammont li jeċċedi RON 1 000

10 % għal dejn sa RON 50 000

għal dejn bejn RON 50 000 u RON 80 000, RON 1 175 b’żieda ta’ 2 % tal-ammont li jeċċedi RON 50 000

għal dejn bejn RON 50 000 u RON 80 000, RON 5 000 b’żieda ta’ 3 % tal-ammont li jeċċedi RON 50 000

għal dejn bejn RON 80 000 u RON 100 000, RON 1 775 b’żieda ta’ 1 % tal-ammont li jeċċedi RON 80 000

għal dejn bejn RON 80 000 u RON 100 000, RON 5 900 b’żieda ta’ 2 % tal-ammont li jeċċedi RON 80 000

għal dejn ‘il fuq minn RON 100 000, RON 2 500 b’żieda ta’ 1 % tal-ammont li jeċċedi RON 100 000 u RON 5 500 b’żieda ta’ mhux aktar minn 0,5 % tal-ammont li jeċċedi RON 400 000

għal dejn ‘il fuq minn RON 100 000, RON 6 300 b’żieda ta’ mhux aktar minn 1 % tal-ammont li jeċċedi RON 100 000

Rifjut ta’ ħlas ta’ kambjala, ċedola jew ċekk RON 150–400

Stabbiliment ta’ fatti u inventarji ta’ oġġetti: RON 100-2 200 f’każ li d-debitur ikun persuna fiżika, RON 5 200 f’każ li d-debitur ikun persuna ġuridika

Bejgħ bis-subbasta ta’ prodott soġġett għat-tqassim ġudizzjarju RON 150–2 200

Qbid kawtelatorju: RON 100-1 200 f’każ li d-debitur ikun persuna fiżika, RON 2 200 f’każ li d-debitur ikun persuna ġuridika

Sekwestru ġudizzjarju: RON 100-1 200 f’każ li d-debitur ikun persuna fiżika, RON 2 200 f’każ li d-debitur ikun persuna ġuridika

Sekwestru kawtelatorju: RON 100-1 200 f’każ li d-debitur ikun persuna fiżika, RON 2 200 f’każ li d-debitur ikun persuna ġuridika

Rekord ta’ offerta ta’ valur reali: RON 50-350

Konfiski 10 % tar-rikavat (min.) — 10 % tar-rikavat (mass.)

Parir għat-tħejjija ta’ dokumenti eżekutorji: RON 20-200

3.2 Il-kundizzjonijiet ewlenin

Jekk jogħġbok ara r-risposta għall-Mistoqsija 2.1.

Il-kreditur u d-debitur jistgħu jaqblu li l-azzjoni ta’ infurzar tittieħed kompletament/parzjalment kontra l-introjtu monetarju tad-debitur biss, li l-oġġetti soġġetti għal irkupru jinbiegħu bi ftehim jew li d-dejn jitħallas b’mezzi oħra ammissibbli skont il-liġi.

Għal deċiżjoni mogħtija minn qorti barranija, hija meħtieġa proċedura addizzjonali, kif xieraq, jiġifieri deċiżjoni li tiddikjara l-infurzabbiltà (exequatur).

Id-dħul tad-debitur u l-oġġetti jistgħu jkunu soġġetti għall-infurzar jekk jistgħu jiġu rkuprati u sakemm ikun meħtieġ biss li jiġu eżerċitati d-drittijiet tal-kredituri. Il-proprjetà soġġetta għal reġimi ta’ ċirkolazzjoni speċjali tista’ tiġi rkuprata biss skont il-kundizzjonijiet previsti mil-liġi.

Fir-rigward tad-debitur, hemm kundizzjoni speċjali li permezz tagħha l-ebda proċedura ta’ infurzar ma tinbeda jekk id-debitur ma jkunx ġie mħarrek kif xieraq għal kull forma ta’ infurzar. Hemm ukoll dispożizzjonijiet speċifiċi oħrajn rigward id-debitur, bħalma huma dawk li jirrigwardaw id-debituri minuri jew id-debituri ewlenin iddikjarati bħala li ma għandhomx kapaċità ġuridika, li kontrihom ma tkunx tista’ ssir azzjoni ta’ infurzar, sakemm ma jkunx hemm it-tutur jew il-kustodju.

4 L-għan u n-natura ta’ miżuri eżekuttivi

4.1 Liema tipi ta’ assi jistgħu jkunu suġġetti għall-eżekuzzjoni?

Id-dħul tad-debitur, inklużi dħul ġenerali minn bini, ammonti f’kontijiet bankarji, oġġetti mobbli u immobbli, eċċ. jista’ jkun soġġett għall-infurzar. Jekk jogħġbok ara t-tweġiba għall-Mistoqsija 1.

4.2 X’inhuma l-effetti tal-miżuri eżekuttivi?

Wara li l-oġġetti mobbli li huma proprjetà tad-debitur jew miżmuma minn partijiet terzi ikunu ġew identifikati, jiġu maqbuda. Fuq talba tal-uffiċjal ġudizzjarja ta’ infurzar, il-qbid jista’ jiġi rreġistrat fir-Reġistru tan-Negozju (registrul comerţului), Arkivju Elettroniku ta’ Kollateral ta’ Proprjetà Immobbli (Arhiva Electronică de Garanţii Reale Mobiliare), fil-ktieb ta’ suċċessjoni (registrul succesoral) miżmum mill-Kamra tan-Nutara Pubbliċi (camera notarilor publici) jew f’reġistri pubbliċi oħrajn. Minn meta jsir il-qbid tal-oġġetti, dawn ma jibqgħux disponibbli għad-debitur għall-perjodu ta’ infurzar, soġġetti għal penali mat-talba ta’ multa ġudizzjarja ħlief meta l-att ikun jikkostitwixxi reat. Jekk l-ammont dovut ma jitħallasx, l-uffiċjal ġudizzjarju ta’ infurzar ibigħ l-oġġetti maqbuda f’subbasta, jew permezz ta’ bejgħ dirett, inkella permezz ta’ mezzi oħra ammissibbli skont il-liġi (l-Artikolu 730 et seq. tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili).

Is-somom ta’ flus, it-titoli jew assi oħra intanġibbli mobbli, li jistgħu jiġu rkuprati u li huma dovuti lid-debitur jew miżmuma f’isem terza persuna jew li l-parti terza jkollha tħallas lilu fil-futur taħt ir-relazzjonijiet legali attwali huma soġġetti għal sekwestru. Hekk kif tintbagħat l-ordni ta’ sekwestru lill-parti terza soġġetta għal sekwestru, is-somom ta’ flus u l-assi kollha ssekwestrati jiġu ffriżati. Minn meta jsir l-iffriżar sal-pagament sħiħ tal-obbligi ddikjarati fid-dokument eżekutorju, il-parti terza soġġetta għal sekwestru ma tagħmel l-ebda ħlas jew twettaq operazzjoni li jistgħu jnaqqsu l-assi ffriżati. Jekk il-parti terza soġġetta għal sekwestru tonqos milli tissodisfa l-obbligi tagħha fir-rigward ta’ talba għal sekwestru, il-kreditur li jkun qed jitlob ħlas, id-debitur jew l-uffiċjal ġudizzjarju ta’ infurzar jistgħu jinnotifikaw il-qorti responsabbli mill-infurzar sabiex tivvalida s-sekwestru. Id-deċiżjoni finali ta’ validazzjoni għandha l-effetti ta’ ċessjoni tat-talba u tikkostitwixxi dokument eżekutorju kontra l-parti terza soġġetta għas-sekwestru. Wara li jiġi vvalidat is-sekwestru, il-parti terza soġġetta għal sekwestru tiddepożita jew tħallas somma, fil-limiti tal-ammont indikat espressament fid-deċiżjoni ta’ validazzjoni. Jekk il-parti terza tonqos milli tissodisfa dawn l-obbligi, tista’ tittieħed azzjoni ta’ infurzar kontra t-terza persuna soġġetta għal sekwestru abbażi tad-deċiżjoni ta’ validazzjoni (l-Artikolu 780 et seq. tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili).

F’dak li għandu x’jaqsam mal-infurzar ta’ proprjetà immobbli, jekk id-debitur ma jħallasx id-dejn tiegħu, l-uffiċjal ġudizzjarju ta’ infurzar jiftaħ proċedura ta’ bejgħ wara li ssir id-dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà u tiddaħħal fir-reġistru tal-artijiet (l-Artikolu 812 et seq. tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili).

4.3 X’inhi l-validità ta’ miżuri bħal dawn?

Il-miżuri jintemmu sitt xhur mid-data ta’ konformità ma’ kwalunkwe azzjoni ta’ infurzar (l-Artikolu 696 et seq. tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili) jekk il-kreditur ikun ħalla dan il-perjodu jiskadi mingħajr ma ħa l-ebda azzjoni ta’ rkupru.

Il-perjodu ta’ preskrizzjoni huwa ta’ tliet snin (l-Artikolu 705 et seq. tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili).

5 Hemm possibilità li d-deċiżjoni li tawtorizza din il-miżura tiġi appellata?

Jista’ jsir appell kontra l-azzjonijiet ta’ infurzar attwali; jista’ jsir appell fuq id-dokument eżekutorju għal kjarifika dwar it-tifsira, l-ambitu jew l-applikazzjoni tad-dokument. Jekk tittieħed azzjoni ta’ infurzar skont sentenza tal-qorti, id-debitur ma jistax jikkontestaha billi jinvoka r-raġunijiet ta’ fatt jew ta’ liġi li huwa seta’ jippreżenta waqt il-proċess quddiem il-qorti tal-prim’istanza jew billi jagħmel appell kontra din is-sentenza. Appell ġdid ma jistax jiġi ppreżentat mill-istess parti għar-raġunijiet li kienu jeżistu fid-data tal-ewwel appell.

Il-Qorti kompetenti hija l-qorti ta’ infurzar jew, għal kjarifika tat-tifsira, l-ambitu/l-applikazzjoni tad-dokument eżekutorju, il-qorti li tat is-sentenza li għandha tiġi infurzata.

L-appell jista’ jiġi ppreżentat fi żmien 15-il jum mid-:

  • data meta l-appellant ikun ġie mgħarraf b’din l-ordni ta’ infurzar;
  • data li fiha l-parti interessata rilevanti tkun saret taf bl-impożizzjoni ta’ sekwestru;
  • data meta d-debitur ikun ġie nnotifikat bit-taħrika jew id-data meta jkun ġie mgħarraf bl-ewwel miżura ta’ infurzar.

Appell għal kjarifika tat-tifsira, l-ambitu jew l-applikazzjoni ta’ dokument eżekutorju jista’ jiġi ppreżentat fi kwalunkwe ħin matul il-perjodu ta’ limitazzjoni tad-dritt ta’ talba għal azzjoni ta’ infurzar. Appell li permezz tiegħu parti terza ssostni li jkollha dritt ta’ sjieda/dritt in rem fuq proprjetà irkuprata, jista’ jiġi ppreżentat fi żmien 15-il jum minn bejgħ/data ta’ trasferiment tal-proprjetà. In-nuqqas li jsir appell fil-limitu taż-żmien imsemmi hawn fuq ma jipprekludix lill-parti terza milli teżerċita d-dritt tagħha permezz ta’ rikors separat.

Jekk iżżomm l-appell kontra l-infurzar, il-qorti, fejn applikabbli, tikkanċella l-ordni ta’ infurzar jew toħroġ ordni għall-korrezzjoni, annullament jew tmiem tal-azzjoni ta’ infurzar innifisha, l-annullament jew il-kjarifika tad-dokument eżekutorju jew it-teħid tal-konformità tal-pass ta’ infurzar li permezz tiegħu ġie miċħud. Jekk l-appell jiġi miċħud, l-appellant jista’ jiġi obbligat li jħallas kumpens, fuq talba, għal danni kkawżati mid-dewmien tal-infurzar u meta l-appell ikun ġie ppreżentat in malafede, huwa jkun obbligat li jħallas multa.

6 Hemm xi limiti fuq l-eżekuzzjoni, b’mod partikolari relatati ma’ ħarsien tad-debitur jew preskrizzjonijiet?

Ċerti oġġetti u proprjetà huma eżentati. Fir-rigward ta’ proprjetà mobbli, din tinkludi: oġġetti għal użu personali jew tad-dar indispensabbli għall-għajxien tad-debitur u l-familja tiegħu; oġġetti reliġjużi; oġġetti indispensabbli għal persuni b’diżabbiltà u dawk maħsuba għall-kura ta’ persuni morda; ikel meħtieġ għad-debitur u l-familja tiegħu għal tliet xhur u, jekk id-debitur ikun jgħix esklussivament fuq il-biedja, l-ikel meħtieġ sal-ħsad li jmiss; annimali maħsuba biex jinkisbu l-mezzi ta’ għajxien, u l-għalf meħtieġ għal dawn l-annimali sal-ħsad li jmiss; fjuwil meħtieġ għad-debitur u l-familja tiegħu għal tliet xhur tax-xitwa; ittri personali jew familjari, ritratti, pitturi, eċċ.

Barra minn hekk, is-salarju tad-debitur/il-pensjoni jistgħu jiġu rkuprati biss sa nofs il-paga mensili netti tiegħu, fil-każ ta’ ammonti dovuti bħala obbligu ta’ manteniment, u sa terz tal-pagi mensili netti biss għal tipi oħra ta’ obbligu.

Jekk id-dħul mix-xogħol jew somom ta’ flus imħallsa regolarment lid-debitur li jiżguraw l-għajxien tiegħu jammontaw għal anqas mill-paga minima nazzjonali netta, l-irkupru jista’ jsir biss fuq l-ammont ta’ aktar minn nofs il-paga minima.

Kategorija waħda ta’ dħul li hija eskluża mill-infurzar, tikkonsisti f’benefiċċji tal-gvern, benefiċċji għat-tfal, pagamenti għall-kura ta’ tfal morda, benefiċċji għat-tqala, mewt, boroż ta’ studju mogħtija mill-Istat, sussistenza ta’ kuljum, eċċ.

Jekk jogħġbok ara wkoll it-tweġiba għall-Mistoqsija 4.3.

Links rilevanti

http://www.executori.ro/ http://www.just.ro/

L-aħħar aġġornament: 24/08/2017

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Feedback

Uża l-formola li ġejja biex taqsam il-kummenti u l-feedback tiegħek fis-sit web ġdid tagħna