Fil-qasam tal-ġustizzja ċivili, il-proċeduri u l-proċedimenti pendenti mibdija fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni se jkomplu skont il-liġi tal-UE. Il-Portal tal-e-Ġustizzja, abbażi tal-ftehim reċiproku mar-Renju Unit, se jżomm l-informazzjoni rilevanti marbuta mar-Renju Unit sa tmiem l-2024.

Kif tinforza deċiżjoni ta’ qorti

L-Irlanda ta’ fuq
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Xi tfisser eżekuzzjoni fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali?

L-eżekuzzjoni hija l-proċess legali li bih persuna tista’ tiġi mġiegħla tikkonforma ma’ sentenza, ma’ ordni jew ma’ digriet tal-qrati.

L-Irlanda ta’ Fuq għandha sistema unika għall-eżekuzzjoni tas-sentenzi ċivili. Ħafna mis-sistemi tad-dritt komuni jeżegwixxu s-sentenzi permezz ta’ ordnijiet anċillari tal-qrati. Fl-Irlanda ta’ Fuq, is-sentenzi tal-qorti ċivili relatati mal-irkupru ta’ flus, ta’ oġġetti u ta’ proprjetà jiġu eżegwiti minn korp ċentrali msejjaħ l-Uffiċċju għall-Eżekuzzjoni tas-Sentenzi (Enforcement of Judgments Office) li jeżerċita funzjonijiet kemm amministrattivi kif ukoll ġudizzjarji.

L-Uffiċċju għall-Eżekuzzjoni tas-Sentenzi (Enforcement of Judgments Office) ġie stabbilit fl-1971 u mill-1979 beda jiġi amministrat mis-Servizz tal-Qrati u t-Tribunali tal-Irlanda ta’ Fuq (Northern Ireland Courts and Tribunals Service). Is-setgħat u l-proċeduri tal-Uffiċċju għall-Eżekuzzjoni tas-Sentenzi (Enforcement of Judgments Office) jinsabu fl-Ordinament tal-1981 tal-Irlanda ta’ Fuq għall-Eżekuzzjoni ta’ Sentenzi [Judgments Enforcement (Northern Ireland) Order 1981] (“l-Ordinament tal-1981”) u fl-Ordinament tal-1981 tal-Irlanda ta’ Fuq dwar Regoli ta’ Eżekuzzjoni [Judgments Enforcement Rules (Northern Ireland) 1981] (SR 1981/147).

It-tipi differenti ta’ metodi ta’ eżekuzzjoni huma:

Mandat ta’ Pagamenti Parzjali (“Instalment Order”) - Dan huwa mandat għall-ħlas permezz ta’ pagamenti parzjali sakemm l-Uffiċċju għall-Eżekuzzjoni tas-Sentenzi (Enforcement of Judgments Office) ikun sodisfatt li d-debitur għandu jew se jkollu l-mezzi sabiex isalda l-ammont dovut kollu jew parti minnu fi żmien raġonevoli.

Mandat ta’ Sekwestru tal-Qligħ (“Attachment of Earnings Order”) - Dan huwa mandat indirizzat lill-impjegatur tad-debitur u jeħtieġlu jagħmel tnaqqis perjodiku mill-pagi jew mis-salarju tad-debitur u jħallsu lill-Uffiċċju għall-Eżekuzzjoni tas-Sentenzi (Enforcement of Judgments Office). Dan il-mandat differenti mill-biċċa l-kbira tal-mandati eżekuttivi l-oħra minħabba li l-Uffiċċju għall-Eżekuzzjoni tas-Sentenzi (Enforcement of Judgments Office) ma għandux is-setgħa li joħorġu mingħajr rikors minn qabel mill-kreditur.  L-Uffiċċju għall-Eżekuzzjoni tas-Sentenzi (Enforcement of Judgments Office) jista’ wkoll jissospendi n-notifika tal-ordni lill-impjegatur jekk ikun sodisfatt li d-debitur ikun se jagħmel il-ħlasijiet lill-uffiċċju minn jeddu

Mandat ta’ Qbid (“Order of Seizure”) - Dan il-mandat jippermetti lill-Uffiċċju għall-Eżekuzzjoni tas-Sentenzi (Enforcement of Judgments Office) ineħħi u jbigħ uħud mill-oġġetti u proprjetà oħra tad-debitur. Il-proprjetà tiġi fil-kustodja u fil-pussess tal-Uffiċċju għall-Eżekuzzjoni tas-Sentenzi (Enforcement of Judgments Office) u tiġi soġġetta għal piż favur il-kreditur li l-mandat jinħareġ għall-benefiċċju tiegħu.

Mandat li Joħloq Piż Fuq Art (“Order Charging Land”) - Dan il-mandat jintuża l-aktar ta’ spiss għal djun sostanzjali u ġeneralment jintuża flimkien ma’ metodu ieħor ta’ eżekuzzjoni. Dan il-mandat minnu nnifsu ma jwassal għall-ebda eżekuzzjoni prattika tad-dejn; il-kreditur jeħtieġlu jieħu passi sabiex jeżerċita s-setgħa tal-bejgħ billi jippreżenta rikors bl-għan li jeżegwixxi l-piż tiegħu quddiem il-qorti - Hemm ukoll dispożizzjoni fl-Ordinament tal-1981 sabiex isiru mandati li joħolqu piż fuq tipi oħra ta’ proprjetà.

Mandat li Jaħtar Riċevent (“Order Appointing Receiver”) u Mandat skont l-Att dwar il-Proċedimenti tal-Kuruna (“Order Under the Crown Proceedings Act”) - Mandat li jaħtar riċevent jopera bil-ħatra tal-Uffiċjal Kap tal-Eżekuzzjoni bħala riċevent fuq kwalunkwe pagament li d-debitur jista’ jkun intitolat għalih. Eżempji tat-tipi ta’ pagamenti xierqa għal mandat li jaħtar riċevent jinkludu kirjiet u profitti tal-art, interessi ta’ riverżjoni skont testment, jew somom dovuti lil debitur li jaħdem għal rasu f’kuntratt jew pagamenti dovuti minn talba ċivili kontra persuna jew kumpanija oħra.

Mandat ta’ Sekwestru ta’ Djun [Attachment of Debts (Garnishee) Order] - Mandat ta’ Sekwestru ta’ djun jeħtieġ li, minflok, debitur (jew “sekwestrat”) tad-debitur tas-sentenza jħallas id-dejn lill-kreditur jew għall-benefiċċju tal-kreditur. Dan jagħti status ta’ kreditur garantit lil kwalunkwe kreditur li jiksbu u huwa applikabbli għal djun dovuti fil-passat jew b’mod kurrenti.

Mandati għat-Teħid tal-Pussess tal-Art (“Orders for Delivery of Possession of Land”) - Sentenza għall-pussess tal-art tiġi eżegwita b’mandat għat-teħid tal-pussess tal-art u tagħti d-dritt lill-Uffiċċju għall-Eżekuzzjoni tas-Sentenzi (Enforcement of Judgments Office) li jkeċċi lil kwalunkwe persuna, kemm jekk intimata kif ukoll jekk le.

Mandat għat-Teħid ta’ Oġġetti (“Order for the Delivery of Goods”) - Sentenza għat-teħid ta’ pussess ta’ oġġetti tiġi eżegwita b’ordni għat-teħid tal-oġġetti. L-oġġetti jittieħdu mill-Uffiċċju għall-Eżekuzzjoni tas-Sentenzi (Enforcement of Judgments Office) u jingħataw lura lill-kreditur.  Dan ma jridx jiġi konfuż ma’ mandat ta’ qbid peress li l-oġġetti ma jinbigħux.

2 Liema awtorità jew awtoritajiet huma kompetenti għall-eżekuzzjoni?

Enforcement of Judgments Office
Laganside House
23-27 Oxford Street
Belfast
BT1 3LA

3 Liema huma l-kundizzjonijiet biex jingħataw titoli jew deċiżjonijiet li jkunu eżekuttivi?

3.1 Il-proċedura

Wara li tħallas it-tariffa xierqa, kwalunkwe persuna intitolata li teżegwixxi sentenza tista’ tippreżenta rikors lill-Uffiċċju għall-Eżekuzzjoni tas-Sentenzi (Enforcement of Judgments Office) għall-eżekuzzjoni ta’ dik is-sentenza. Rikors irid ikun preċedut minn “notifika ta’ intenzjoni li jitressaq rikors għall-eżekuzzjoni” lid-debitur. Meta d-debitur jonqos milli jagħmel tajjeb għas-sentenza fi żmien għaxart ijiem mid-data tan-notifika ta’ intenzjoni ta’ eżekuzzjoni, ir-rikorrent jista’ jipproċedi bl-eżekuzzjoni. Jista’ jitressaq rikors preliminari f’każijiet li fihom il-bilanċ tas-somom dovuti kollha jaqbeż it-£3000. Dan jippermetti lill-kreditur tas-sentenza jikseb il-ħruġ ta’ mandat ta’ kustodja u rapport dwar il-mezzi tad-debitur sabiex jieħu deċiżjoni aktar informata dwar jekk għandux jipproċedi bl-eżekuzzjoni.

Ladarba rikors jiġi aċċettat, l-Uffiċċju għall-Eżekuzzjoni tas-Sentenzi (Enforcement of Judgments Office) jinnotifika minnufih lid-debitur b’“mandat ta’ kustodja” li jiddikjara li oġġetti speċifiċi (bi ftit eċċezzjonijiet bħal oġġetti domestiċi) tad-debitur jkunu fil-pussess u fil-kontroll tal-Uffiċċju għall-Eżekuzzjoni tas-Sentenzi (Enforcement of Judgments Office) sabiex id-debitur ma jkunx jista’ jiddisponi minnhom. Mandat ta’ kustodja jintemm biss meta jitħallas l-ammont iddikjarat fis-sentenza, jew meta jintemm rikors għall-eżekuzzjoni.

L-istadju li jmiss fil-proċess ta’ eżekuzzjoni huwa l-iskoperta ta’ informazzjoni dwar il-mezzi tad-debitur u huwa ta’ importanza fundamentali għad-determinazzjoni tar-rikors għall-eżekuzzjoni. Debitur tas-sentenza huwa meħtieġ jagħti lill-uffiċjal tal-eżekuzzjoni kwalunkwe informazzjoni dwar il-mezzi tiegħu li tista’ tintalab mill-uffiċjal. Id-debitur tas-sentenza jiġi interrogat id-dar tiegħu jew jiġi mħarrek sabiex jidher quddiem uffiċjal nominat għall-eżaminazzjoni.

Malli jirċievi rapport mingħand l-uffiċjal tal-eżekuzzjoni, il-Master (ara aktar ’il quddiem) jew l-Uffiċjal Kap tal-Eżekuzzjoni jieħu deċiżjoni proviżorja li tiddisponi mir-rikors għall-eżekuzzjoni. Huwa biss il-Master li jista’ joħroġ mandati ta’ qbid, ta’ sekwestru u mandati li jaħtru riċeventi u mandat skont l-Att dwar il-Proċedimenti tal-Kuruna. Iċ-ċirkustanzi finanzjarji u ċirkustanzi rilevanti oħrajn tad-debitur jiġu kkunsidrati u ssir determinazzjoni tal-aħjar mezzi sabiex tiġi eżegwita s-sentenza, jew tabilħaqq jekk is-sentenza tistax tiġi eżegwita affattu. Il-partijiet jiġu nnotifikati u jingħataw l-opportunità li jagħmlu oġġezzjonijiet. Jekk ma ssir l-ebda oġġezzjoni, id-deċiżjoni tiġi kkonfermata iżda jekk issir oġġezzjoni l-kwistjoni tiġi elenkata għal seduta quddiem il-Master.

L-istatus, ir-rwoli, ir-responsabbiltajiet u s-setgħat tal-aġenti tal-eżekuzzjoni.

L-Uffiċċju għall-Eżekuzzjoni tas-Sentenzi (Enforcement of Judgments Office) huwa mmexxi minn uffiċjal anzjan bl-istatus u bil-grad ta’ Master (tip ta’ uffiċjal ġudizzjarju) u l-persunal jinkludi l-Uffiċjal Kap tal-Eżekuzzjoni (u l-Viċi), Uffiċjali Nominati u Uffiċjali tal-Eżekuzzjoni li kull wieħed minnhom jiġi allokat għal distrett tal-Irlanda ta’ Fuq.

Is-setgħat mogħtija lill-Uffiċċju għall-Eżekuzzjoni tas-Sentenzi (Enforcement of Judgments Office) sabiex ikun jista’ jeżerċita l-ġuriżdizzjoni tiegħu huma stabbiliti fl-Ordinament tal-1981. Ta’ importanza partikolari hija s-setgħa li joħroġ il-firxa wiesgħa ta’ mandati eżekuttivi elenkati hawn fuq. L-Uffiċċju għall-Eżekuzzjoni tas-Sentenzi (Enforcement of Judgments Office) għandu setgħat anċillari sabiex jgħin fil-proċess tal-eżekuzzjoni. Dawn jinkludu l-ħruġ ta’ mandati ta’ kustodja u proċessi għall-attendenza u għall-eżaminazzjoni tax-xhieda, l-eżaminazzjoni tad-debituri fir-rigward tal-mezzi tagħhom, inklużi l-eżaminazzjoni ta’ partijiet terzi (li jista’ jkollhom informazzjoni dwar il-mezzi u l-assi ta’ debitur) u r-riċeviment ta’ flejjes irkuprati fl-eżekuzzjoni tas-sentenzi.

L-Uffiċċju għall-Eżekuzzjoni tas-Sentenzi (Enforcement of Judgments Office) għandu wkoll is-setgħa li jiċħad rikors għall-eżekuzzjoni. Ir-raġunijiet li għalihom dan jista’ jsir mhumiex speċifikati fl-Ordinament tal-1981 iżda ġeneralment ikunu meta r-rikorrent ma jkunx intitolat li jeżegwixxi s-sentenza. Meta sentenza ma tkunx tista’ tiġi eżegwita fi żmien raġonevoli (bil-ħruġ ta’ kwalunkwe mandat eżekuttiv), l-Uffiċċju għall-Eżekuzzjoni tas-Sentenzi (Enforcement of Judgments Office) jista’ joħroġ notifika u ċertifikat ta’ nuqqas ta’ eżegwibbiltà. L-Uffiċċju għall-Eżekuzzjoni tas-Sentenzi (Enforcement of Judgments Office) għandu wkoll setgħa wiesgħa li jissospendi l-eżekuzzjoni ta’ kwalunkwe sentenza b’mod assolut jew inkella b’ċerti kundizzjonijiet.

L-użu ta’ avukati jew ta’ professjonisti legali oħrajn

F’seduta quddiem il-Master, kull parti jew persuna affettwata minn ordni tista’ tidher personalment jew tkun rappreżentata minn konsulent legali jew minn avukat.

L-iskala tal-ispejjeż għall-eżekuzzjoni

Is-sistema ta’ eżekuzzjoni tas-sentenzi fl-Irlanda ta’ Fuq hija ffinanzjata mit-tariffi mħallsa mill-utenti. It-tariffi pagabbli jinsabu fil-Parti 1 tal-Iskeda tal-Ordinament tal-1996 tal-Irlanda ta’ Fuq dwar Tariffi għall-Eżekuzzjoni ta’ Sentenzi [Judgments Enforcement Fees Order (Northern Ireland) 1996] (kif emendata) (SR 1996/101) u jiddependu mill-ammont li jista’ jiġi rkuprat skont is-sentenza u t-tariffi kurrenti jistgħu jinkisbu wkoll mis-sit web tas-Servizz tal-Qrati u t-Tribunali tal-Irlanda ta' Fuq (Northern Ireland Courts and Tribunals Service).

3.2 Il-kundizzjonijiet ewlenin

Il-ġuriżdizzjoni tal-Uffiċċju għall-Eżekuzzjoni tas-Sentenzi (Enforcement of Judgments Office) hija stabbilita fl-Ordinament tal-1981 u tinkludi s-sentenzi li ġejjin:

  • Sentenzi dwar il-flus li jinkludu sentenzi ta’ kwalunkwe livell ta’ qorti fl-Irlanda ta’ Fuq, sentenzi maqtugħa barra mill-Irlanda ta’ Fuq u rreġistrati fl-Irlanda ta’ Fuq u xi sentenzi maqtugħa skont id-Dritt Ewropew għad-dejn jew għad-danni flimkien ma’ xi aġġudikamenti ta’ tribunali u ta’ arbitraġġ
  • Sentenzi li fihom persuna tkun intitolata għall-pussess ta’ kwalunkwe art, prinċipalment ordnijiet għall-pussess favur l-emittent tal-ipoteka, għalkemm jinħarġu wkoll għas-sidien privati u tas-settur pubbliku
  • Sentenzi li jistabbilixxu li persuna tkun intitolata għall-konsenja ta’ oġġetti
  • Sentenzi li jeħtieġu li persuna tħallas flus lill-qorti jew tagħmel xi att fi żmien limitat u sentenzi kontra kumpanija
  • Hemm xi restrizzjonijiet fuq is-setgħa tal-Uffiċċju għall-Eżekuzzjoni tas-Sentenzi (Enforcement of Judgments Office) li jeżegwixxi sentenza, inklużi dawn li ġejjin:
  • Meta s-sentenza tkun tista’ tiġi eżegwita biss bil-permess tal-qorti li tkun qatgħetha, l-ewwel irid jinkiseb il-permess tal-qorti
  • Meta l-eżekuzzjoni tkun ġiet sospiża jew posposta, rikors għall-eżekuzzjoni ma jistax jiġi aċċettat qabel ma jitneħħew is-sospensjoni jew il-posponiment
  • Meta jkunu għaddew sitt snin jew aktar minn meta s-sentenza ssir eżegwibbli, din ma tkunx tibqa’ tista’ tiġi eżegwita. Jista’ jsir rikors quddiem il-Master li jitlob permess sabiex issir eżekuzzjoni wara dan iż-żmien.
  • Sentenza kontra persuna f’isem jew fi stil għajr dak tagħha teħtieġ il-permess tal-qorti qabel ma tkun tista’ tiġi eżegwita.

Id-deċiżjoni dwar liema mandat eżekuttiv jinħareġ jittieħed mill-Uffiċċju għall-Eżekuzzjoni tas-Sentenzi (Enforcement of Judgments Office) u l-ebda rikorrent ma jista’ jesiġi l-użu ta’ xi metodu partikolari.

4 L-għan u n-natura ta’ miżuri eżekuttivi

4.1 Liema tipi ta’ assi jistgħu jkunu suġġetti għall-eżekuzzjoni?

Tista’ tittieħed azzjoni ta’ eżekuzzjoni fir-rigward tas-salarji jew tal-pagi permezz tal-proċedura ta’ sekwestru tal-qligħ. Is-somma mnaqqsa tiġi kkalkolata billi jitqiesu r-“rata normali ta’ tnaqqis” u “r-rata tal-qligħ protett”. Tal-ewwel hija r-rata li biha l-Uffiċċju għall-Eżekuzzjoni tas-Sentenzi (Enforcement of Judgments Office) jaħseb li jkun raġonevoli li jiġi applikat il-qligħ tad-debitur sabiex jissodisfa r-responsabbiltà tiegħu skont is-sentenza. Tal-aħħar hija r-rata li taħtha l-Uffiċċju għall-Eżekuzzjoni tas-Sentenzi (Enforcement of Judgments Office) iqis li jenħtieġ li ma jitnaqqasx il-qligħ tad-debitur b’kunsiderazzjoni tar-riżorsi u tal-ħtiġijiet tiegħu.

Hemm erba’ kategoriji ta’ oġġetti li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ mandat ta’ qbid:

  • oġġetti li fihom id-debitur ikollu interess li jista’ jinbiegħ;
  • flus, kambjali, bonds u ċedoli u kull titolu ieħor għal flus li jappartjenu lid-debitur;
  • kwalunkwe polza tal-assikurazzjoni fuq il-ħajja li fiha d-debitur ikollu interess ta’ benefiċċju uniku; u
  • oġġetti tal-konjuġi tad-debitur meta d-dejn tas-sentenza jirrigwarda oġġetti miksuba jew servizzi mogħtija jew il-kera jew ir-rati dovuti fir-rigward tal-okkupazzjoni ta’ bini għall-użu ġenerali jew għat-tgawdija mid-debitur u mill-familja tiegħu.

Proprjetà li hija eżenti mill-qbid tinkludi ħwejjeġ, għamara, friex u oġġetti domestiċi essenzjali oħra; għodod u implimenti tan-negozju tad-debitur sa valur ta’ £200; proprjetà miżmuma mid-debitur fuq bażi fiduċjarja għal ħaddieħor; u proprjetà f’idejn riċevent maħtur mill-qorti.

Mandat li joħloq piż fuq art jista’ jsir fuq kwalunkwe art jew patrimonju f’art tad-debitur u “patrimonju f’art” jinkludi kwalunkwe patrimonju jew interess legali jew ekwitabbli, servitù, jedd, titolu, pretensjoni, domanda, piż, garanzija jew gravami fl-art, fuqha, lilha jew fir-rigward tagħha. Il-mandati li joħolqu piż u mandati simili oħra jistgħu jsiru fuq tipi oħra ta’ proprjetà minbarra l-art. B’mod speċifiku, dawn isiru fuq fondi jew stokk f’korpi governattivi, f’impriżi pubbliċi jew f’kumpaniji; obbligazzjonijiet; fondi miżmuma l-qorti; u ishma f’kumpaniji privati.

Minbarra s-sekwestru ta’ flus dovuti lil debitur ta’ sentenza minn klijent għal xogħol jew għal servizzi mogħtija, mandat ta’ sekwestru tad-djun jista’ jsir fir-rigward ta’ kwalunkwe flus li d-debitur tas-sentenza jkollu f’bank jew f’soċjetà kreditizja (“building society”).

4.2 X’inhuma l-effetti tal-miżuri eżekuttivi?

Kull mandat eżekuttiv li jsir mill-Uffiċċju għall-Eżekuzzjoni tas-Sentenzi (Enforcement of Judgments Office) ikollu l-istess forza u effett bħal ordni tal-Qorti Superjuri (High Court). Hemm diversi setgħat ta’ eżekuzzjoni anċillari li jistgħu jintużaw fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità ma’ mandat eżekuttiv, inklużi:

  • Priġunerija sa sitt ġimgħat għal nuqqas volontarju ta’ ħlas ta’ pagamenti parzjali dovuti skont mandat ta’ pagamenti parzjali jew somma oħra ta’ flus speċifikati fl-Artikolu 107 tal-Ordinament tal-1981.
  • Mandati ta’ konfiska (Sequestration orders) li jagħtu s-setgħa lil kwalunkwe persuna maħtura bħala konfiskatur (sequestrator) sabiex tidħol fi kwalunkwe art li tkun proprjetà tal-persuna li s-sentenza tkun inqatgħet kontriha; sabiex tirċievi, tikkonfiska u tieħu l-kirjiet u l-profitti ta’ dik l-art; u sabiex tieħu kwalunkwe proprjetà personali oħra ta’ dik il-parti u żżommha kkonfiskata sakemm jiġi rrispettat il-mandat.

Disprezzi fil-konfront tal-Uffiċċju għall-Eżekuzzjoni tas-Sentenzi (Enforcement of Judgments Office) jistgħu jiġu rrinvijati lill-Qorti Superjuri (High Court) li tista’ tittratta l-offiża bħallikieku twettqet kontra dik il-qorti.

4.3 X’inhi l-validità ta’ miżuri bħal dawn?

Sentenza relatata ma’ flus tkun irrispettata meta jitħallas jew jiġi saldat l-ammont iddikjarat fis-sentenza. Meta dan iseħħ, kull mandat eżekuttiv mogħti fir-rigward tas-sentenza jintemm. Meta mandat għall-pussess tal-art jew għat-teħid ta’ oġġetti tkun ġiet eżegwita b’suċċess, ma tista’ ssir l-ebda proċedura oħra ħlief l-irkupru tal-kostijiet u tal-ispejjeż tal-eżekuzzjoni.

Kreditur jew debitur tas-sentenza jista’ jippreżenta rikors lill-Uffiċċju għall-Eżekuzzjoni tas-Sentenzi (Enforcement of Judgments Office) sabiex mandat eżekuttiv jiġi annullat, jintemm jew jiġi emendat u tista’ ssir seduta.

5 Hemm possibilità li d-deċiżjoni li tawtorizza din il-miżura tiġi appellata?

L-appelli interni jsiru mill-Uffiċjal Kap tal-Eżekuzzjoni lill-Master.

L-appelli esterni jsiru mill-Uffiċċju għall-Eżekuzzjoni tas-Sentenzi (Enforcement of Judgments Office) quddiem il-Qorti Superjuri (High Court) dwar kwistjonijiet ta’ fatt u ta’ dritt fiċ-ċirkustanzi speċifikati fl-Artikolu 140 tal-Ordinament tal-1981 jew inkella quddiem il-Qorti tal-Appell (Court of Appeal) dwar punt ta’ dritt. Il-mandat ta’ sekwestru tal-qligħ huwa l-uniku tip ta’ mandat eżekuttiv ta’ sentenza relatata ma’ flus elenkat fl-Artikolu 140 u ma hemm l-ebda dritt ġenerali ta’ appell kontra ċ-ċaħda li jingħata xi mandat eżekuttiv partikolari.

6 Hemm xi limiti fuq l-eżekuzzjoni, b’mod partikolari relatati ma’ ħarsien tad-debitur jew preskrizzjonijiet?

Numru ta’ limitazzjonijiet fuq l-eżekuzzjoni huma stabbiliti fl-Artikolu 17 tal-Ordinament tal-1981 tal-Irlanda ta’ Fuq dwar l-Eżekuzzjoni tas-Sentenzi [Judgments Enforcement (Northern Ireland) Order 1981] u wkoll fir-Regola 5 tar-Regoli tal-1981 tal-Irlanda ta’ Fuq dwar l-Eżekuzzjoni tas-Sentenzi [Judgments Enforcement Rules (Northern Ireland) 1981].  Jeżistu limitazzjonijiet u dawn jirrelataw ma’ għadd ta’ xenarji differenti li fihom tintalab l-eżekuzzjoni ta’ sentenza.  Il-Limitazzjonijiet jeżistu sabiex id-debitur ikun protett minn għadd ta’ sitwazzjonijiet differenti, bħal [iżda mhux limitati għal]:

a) Meta jrid jintalab il-permess tal-qorti qabel il-bidu tal-eżekuzzjoni;

b) Meta l-qorti tissospendi jew tipposponi l-eżekuzzjoni tas-sentenza li tipprevjeni lill-EJO milli jeżegwixxi sentenza;

c) Meta rikors sabiex tiġi eżegwita sentenza jsir wara 6 snin mid-data meta s-sentenza tkun saret eżegwibbli.  F’dan il-każ, il-kreditur jitlob permess mill-uffiċċju għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tiegħu qabel ma jressaq rikors - dan jiġi ddeterminat mill-Master tal-Uffiċċju għall-Eżekuzzjoni tas-Sentenzi (Enforcement of Judgments Office);

d) Rikors għall-eżekuzzjoni ma jiġix aċċettat meta jkunu għaddew aktar minn 12-il sena mid-data meta s-sentenza tkun saret eżegwibbli;

e) Meta jsir aktar minn rikors wieħed għall-eżekuzzjoni tal-istess sentenza.  Jekk isir aktar minn rikors wieħed, il-kreditur jitlob il-permess mill-Uffiċjal Kap tal-Eżekuzzjoni (Chief Enforcement Officer), qabel ma jagħmel rikors ieħor għall-eżekuzzjoni tal-istess sentenza;

f) Meta kreditur ikun assenja dejn lil terza persuna wara li tkun inqatgħet sentenza;

g) Meta l-qorti tkun daħħlet kundizzjoni fis-sentenza li ma tkunx ġiet issodisfata li tkun tipprevjeni lill-EJO milli jeżegwixxi sentenza;

h) Aċċettazzjoni ta’ rikors għall-eżekuzzjoni meta tkun pendenti ordni li tissospendi l-eżekuzzjoni skont ir-Regola 103.  Il-permess tal-Master irid jinħareġ qabel ma jsir kwalunkwe rikors għall-eżekuzzjoni;

i) L-aċċettazzjoni ta’ rikors għall-eżekuzzjoni meta tkun saret ordni li tissospendi l-eżekuzzjoni fuq il-bażi ta’ insolvenza skont l-Artikolu 14(1);

Jekk l-EJO jkun iċċertifika li sentenza ma tkunx eżegwibbli (l-Artikoli 19 - 21 tal-Ordinament tal-1981 tal-Irlanda ta’ Fuq dwar l-Eżekuzzjoni tas-Sentenzi [Judgments Enforcement (Northern Ireland) Order 1981)], iċ-ċertifikat jista’ jiġi annullat (wara rikors mill-kreditur). Madankollu, dan huwa limitat għal 12-il sena mid-data meta jkun inħareġ iċ-ċertifikat ta’ nuqqas ta’ eżegwibbiltà).

L-Artikolu 16 tal-Ordinament tal-1989 tal-Irlanda ta’ Fuq dwar il-Limitazzjonijiet [Limitations (Northern Ireland) Order 1989] jistabbilixxi li l-limitazzjonijiet fuq l-eżekuzzjoni tas-sentenzi (u l-imgħax) ma jibdewx wara 6 snin minn meta s-sentenza ssir eżegwibbli.  Il-Master tal-Uffiċċju għall-Eżekuzzjoni tas-Sentenzi (Enforcement of Judgments Office) jieħu dan inkunsiderazzjoni meta jittratta rikors sabiex tiġi eżegwita sentenza li tkun eqdem minn 6 snin [ara l-Paragrafu (d) aktar ’il fuq].

Ħoloq relatati

Servizz tal-Qrati u t-Tribunali tal-Irlanda ta’ Fuq (Northern Ireland Courts and Tribunals Service)

 

Din il-paġna web hija parti minn L-Ewropa Tiegħek.

Nilqgħu l-feedback tiegħek dwar l-utilità tal-informazzjoni pprovduta.

Your-Europe

L-aħħar aġġornament: 25/10/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.