Kif tinforza deċiżjoni ta’ qorti

Malta
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Xi tfisser eżekuzzjoni fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali?

Eżekuzzjoni tfisser li sentenza tiġi fis-seħħ.

2 Liema awtorità jew awtoritajiet huma kompetenti għall-eżekuzzjoni?

Dan jiddependi fuq xi tkun it-talba li tkun saret. Bħal per eżempju, reġistrazzjoni ipotekarja issir mid-Direttur tar-Reġistru Pubbliku wara li jkun irċievi kopja awtentika tas-sentenza flimkien ma’ ċertifikat mingħand ir-reġistratur li ma hemm ebda appell dwar dik is-sentenza u li ż-żmien biex isir dak l-appell skada jew li ma jistax ikun hemm appell mis-sentenza.

3 Liema huma l-kundizzjonijiet biex jingħataw titoli jew deċiżjonijiet li jkunu eżekuttivi?

Skond il-liġi ġenerali, il-Kodiċi tal-Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili (Kap 12. tal-Liġijiet ta’ Malta), is-segwenti huma titoli esekuttivi:

  • ittra uffiċjali meta d-dejn ikun ċert, likwidu u li jkun għalaq u li ma jkunx jikkonsisti fl-esekuzzjoni ta’ fatt u meta l-ammont tad-dejn ma jkunx jeċċedi €25,000. Din hija regolata taħt l-Artikolu 166A tal-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili;
  • sentenzi u digrieti tal-qrati tal-ġustizzja ta’ Malta;
  • kuntratti rċevuti minn nutar pubbliku ta’ Malta, jew minn uffiċjal pubbliku ieħor awtorizzat li jirċevihom, meta l-kuntratt huwa dwar dejn ċert, likwidu u li għalaq, u ma jikkonsistix f’esekuzzjoni ta’ fatt;
  • taxxi ta’ drittijiet u spejjeż ġudizzjarji, maħruġa favur ta’ avukat, prokuratur legali, nutar pubbliku, perit jew perit ieħor imqabbad minn qorti, jew xhud, meta dawn it-taxxi ma jkunux ġew attakkati skont il-liġi;
  • id-deċiżjonijiet ta’ arbitri rreġistrati maċ-Ċentru tal-Arbitraġġ ta’ Malta;
  • kambjali u promissory notes;
  • ftehim ta’ medjazzjoni magħmulin eżegwibbli mill-partijiet għall-medjazzjoni;
  • deċiżjonijiet tat-Tribunal għal Talbiet ta’ Konsumaturi.

Hemm ukoll diversi titoli esekuttivi oħra li jemanu minn liġijiet speċjali, bħal pereżempju, liġijiet fiskali.

3.1 Il-proċedura

L-atti illi bihom, skont ma jkun il-każ, tista’ ssir l-eżekuzzjoni tat-titoli eżekuttivi huma:

  • il-mandat ta’ qbid ta’ ħwejjeġ mobbli;
  • il-mandat ta’ qbid ta’ ħwejjeġ immobbli;
  • mandat ta’ qbid ta’ azjendi kummerċjali;
  • il-bejgħ fl-irkant bil-qorti ta’ ħwejjeġ mobbli jew immobbli jew ta’ jeddijiet imgħaqqdin ma’ immobbli;
  • il-mandat ta’ sekwestru eżekuttiv;
  • il-mandat ta’ żgumbrament jew tkeċċija minn beni immobbli;
  • il-mandat in factum;
  • il-mandat ta’ arrest ta’ bċejjeċ tal-baħar;
  • il-mandat ta’ arrest ta’ inġenji tal-ajru;
  • il-mandat in procinctu.

Jekk titolu eżekuttiv jiġi fis-seħħ permezz tal-Artikolu 166A, l-applikant għar-reġistrazzjoni ta’ ittra uffiċjali li tkun tikkwalifika bħala titolu eżekuttiv għandu jippreżenta lir-Reġistratur tal-Qorti kopja legali tal-ittra uffiċjali, inkluża l-prova tan-notifika u kopja ta’ kull risposta li tkun ġiet riċevuta għaliha jekk ikun hemm.

Fir-rigward tat-titoli eżekuttivi l-oħra, il-proċedua tvarja skont in-natura tagħhom. Din tista tinsab fil-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Procedura Ċivili, Artikolu 252 et seq.

3.2 Il-kundizzjonijiet ewlenin

Il-kundizzjoni tvarja skont in-natura tagħhom. Din tista tinsab fil-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Procedura Ċivili, Artikolu 252 et seq.

4 L-għan u n-natura ta’ miżuri eżekuttivi

4.1 Liema tipi ta’ assi jistgħu jkunu suġġetti għall-eżekuzzjoni?

Ħwejjeg mobbli huma suġġetti għall-eżekuzzjoni, inklużi wkoll:

  • azzjonijiet u ishma f’soċjetajiet kummerċjali;
  • liċenzi maħruġa minn xi awtorità kompetenti kif jista’ jiġi stabbilit b’regolamenti magħmulin mill-Ministru responsabbli għall-ġustizzja;
  • poloz ta’ assigurazzjoni;
  • titoli ta’ kreditu u kwalunkwe titolu ta’ proprjetà intellettwali jew industrijali

Iżda m’humiex suġġetti għal qbid:

  • l-ilbies ta’ kuljum, is-sodda u dawk l-affarijiet tal-kċina u l-għamara li jitqiesu raġonevolment meħtieġa għall-għajxien b’mod deċenti tad-debitur u tal-familja tiegħu;
  • il-karti personali u l-kotba li għandhom x’jaqsmu mal-professjoni tad-debitur, tal-mara tiegħu jew tat-tfal tiegħu;
  • ir-reġistri u l-minutarji tan-nutara pubbliċi;
  • il-magni u l-għodda meħtieġa għat-tagħlim jew l-eżerċizzju ta’ xi xjenza jew ta’ xi arti tad-debitur, tal-mara tiegħu jew tat-tfal tiegħu;
  • il-bhejjem u l-għodod meħtieġa għall-biedja u xi frott kemm jekk imqaċċta jew mhux imqaċċta mill-art;
  • inġenji tal-ajru, approprjati b’mod esklużiv għas-servizz tal-istat, inkluż is-servizz postali, iżda eskluż servizz kummerċjali;
  • bastimenti mikrija għal kollox fis-servizz tal-Gvern ta’ Malta;
  • ilbies sagru u kontenituri wżati fi knisja konsagrata jew ta’ proprjetà ta’ qassis, ta’ ordni reliġjuża jew ta’ membru tagħha;
  • kull proprjetà ta’ kull membru tal-Korp tal-Pulizija jew tal-Forzi Armati ta’ Malta li tkun armi, munizzjon, tagħmir, strumenti jew ilbies użati minnu fil-qadi ta’ dmirijietu.

Ħwejjeġ immobbli, azjendi kummerċjali, vapuri, bastiment u inġenji ta’ l-ajru huma suġġetti għall-qbid.

Ma jistgħux jinħarġu mandati ta’ sekwestru fuq -

  • salarju jew paga (magħdudin il-bonus, allowances, overtime u ħlasijiet oħra);
  • benefiċċju, pensjoni, allowance jew għajnuna msemmija fl-Att dwar is-Sigurtà Soċjali jew pensjoni jew allowance oħra ta’ persuna li tinħarġilha pensjoni mingħand il-Gvern;
  • dak li wieħed jirċievi bħala karità jew bħala donazzjoni mingħand il-Gvern;
  • il-legati mħollija espressament għall-manteniment, meta d-debitur ma jkollux mezzi oħra biex jgħix u l-kreditu stess ma jkunx dwar manteniment;
  • flus li għandhom jingħataw taħt titolu ta’ manteniment sew jekk officio judicis kemm jekk b’kuntratt pubbliku, meta l-kreditu stess ma jkunx għall-manteniment;
  • fuq flus li jkunu tqiegħdu għad-disposizzjoni tas-sekwestrat b’kuntratt ta’ self għall-bini, kostruzzjoni u manteniment ta’ djar intenzjonati għall-abitazzjoni tas-sekwestrat;
  • fuq faċilitajiet bankarji ta’ overdraft esklużi l-credit cards li jkunu qed joperaw bihom azjendi kummerċjali mmexxija mis-sekwestrat;
  • fuq garanziji bankarji u ittri ta’ kreditu.

4.2 X’inhuma l-effetti tal-miżuri eżekuttivi?

L-effett huwa li jiġu eżegwiti it-titoli eżekuttivi u li permezz tagħhom wieħed jieħu dak li hu tiegħu skont il-ligi.

4.3 X’inhi l-validità ta’ miżuri bħal dawn?

Jiddependi skont il-każ izda b'mod ġenerali jingħad illi Mandati Eżekuttivi jibqgħu validi sakemm jibqa' eżekuttiv it-titolu li abbażi tiegħu jkunu nħargu. Il-mandat ta’ sekwestru eżekuttiv, m’huwiex prorogabbli u jibqa’ fis-seħħ sakemm jiġi mħassar b’digriet tal-qorti.

5 Hemm possibilità li d-deċiżjoni li tawtorizza din il-miżura tiġi appellata?

Persuna kontra min jinħareġ att eżekuttiv jew xi persuna oħra interessata, tista’ tagħmel rikors lil dik il-qorti li tkun ħarġet dak l-att fejn titlob li l-att eżekuttiv jitħassar, sew għal kollox jew f’parti minnu biss. Ir-rikors għandu jiġi notifikat lill-parti opposta li, fi żmien għaxart ijiem, għandha tippreżenta risposta li jkun fiha ssottomissjonijiet kollha li tista’ tkun tixtieq tagħmel. Il-qorti għandha tiddeċiedi dwar ir-rikors wara s-smigħ tal-partijiet. Appell minn l-imsemmi digriet jista’ jsir b’rikors fi żmien sitt ijiem minn meta d-digriet jinqara fil-qorti bil-miftuħ.

6 Hemm xi limiti fuq l-eżekuzzjoni, b’mod partikolari relatati ma’ ħarsien tad-debitur jew preskrizzjonijiet?

Sentenzi mogħtija mill-Qrati Superjuri jistgħu jerġgħu jiġu eżegwibbli wara għaxar (10) snin minn dak in-nhar li s-sentenza u d-digriet seta' jiġi eżegwibbli. Sentenzi tal-Qrati Inferjuri jew tat-Tribunal tat-Talbiet Żgħar jistgħu jerġgħu jiġu ezegwibbli wara l-għeluq ta' ħames snin. Waqt li titolu eżekuttiv permezz ta' kuntratt dwar dejn li huwa ċert, likwidu u dovut, azzjonijiet taħt l-artikolu 166A tal-Kap 12 tal-Liġijiet ta' Malta u kambjali u promissory notes jistgħu jiġu re-eżegwibbli wara l-għeluq ta' tlett snin.Re-eżegwibbilita tagħhom issir permezz ta' rikors quddiem il-qorti kompetenti. L-applikant għandu wkoll jikkonferma bil-ġurament ix-xorta tad-dejn jew tat-talba li jkun qed ifittex l-esekuzzjoni tagħha, u li d-dejn jew parti minnu jkun għadu dovut. Magħdud ma' dan, f'dawn iċ-ċirkostanzi tapplika l-preskrizzjoni ta' tletin (30) sena, iżda dan it-terminu jiġi nterott bir-rikors ġa msemmi.

 

Din il-paġna web hija parti minn L-Ewropa Tiegħek.

Nilqgħu l-feedback tiegħek dwar l-utilità tal-informazzjoni pprovduta.

Your-Europe

L-aħħar aġġornament: 16/12/2020

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.