Kif tinforza deċiżjoni ta’ qorti

Estonja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Xi tfisser eżekuzzjoni fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali?

L-eżekuzzjoni f'materji ċivili u kummerċjali tfisser illi l-assi tad-debitur jiġu wżati biex jissodisfaw il-pretensjoni stabbilita fl-istrument ta' eżekuzzjoni, jew tobbliga lid-debitur biex jikkonsenja lil persuna jew iwettaq jew ma jwettaqx miżura speċifika.

2 Liema awtorità jew awtoritajiet huma kompetenti għall-eżekuzzjoni?

Bailiffs (kohtutäiturid) – dettalji ta’ kuntatt disponibbli hawnhekk.

3 Liema huma l-kundizzjonijiet biex jingħataw titoli jew deċiżjonijiet li jkunu eżekuttivi?

3.1 Il-proċedura

Deċiżjoni tal-qorti tiġi eżegwita:

(1) wara li tidħol fis-seħħ;

Sentenza tal-qorti tidħol fis-seħħ meta ma jkunx hemm il-possibiltà ta' appell ħlief il-proċedura ta' rieżami (teistmismenetlus). Jekk tiġi appellata sentenza tal-qorti, id-dħul fis-seħħ tagħha jiġi sospiż. Jekk isir appell parzjali, il-parti tas-sentenza li ma tkunx soġġetta għal appell tidħol fis-seħħ. Jekk isir appell minn sentenza rigward parti li mhix marbuta mal-kalkolu tal-ispejjeż proċedurali, il-parti tas-sentenza li biha jiġi kkalkulat l-ammont tal-ispejjeż proċedurali ma tidħolx fis-seħħ. Sentenza tal-qorti li tkun daħlet fis-seħħ hija vinkolanti fuq il-partijiet fil-proċedimenti sa fejn it-talba ppreżentata fil-kawża jew kontrotalba tkun ġiet solvuta fuq il-bażi taċ-ċirkostanzi li taw lok għall-kawża, sakemm mhux provdut mod ieħor mil-liġi.

Sentenza tiġi eżegwita fuq il-bażi ta' rikors tar-rikorrent.

(2) qabel id-dħul fis-seħħ tagħha jekk il-qorti tiddikjara illi hija eżegwibbli minnufih.

Sentenza tal-qorti li ġiet iddikjarata eżegwibbli minnufih tiġi eżegwita qabel ma tidħol fis-seħħ. Il-qorti tiddikjara illi s-sentenza hija eżegwibbli minnufih fis-sentenza innifisha jew permezz ta' sentenza oħra.

Is-sentenzi jiġu eżegwiti permezz ta’ titolu eżekuttiv.

It-titoli eżekuttivi f'materji ċivili u kummerċjali jistgħu jinkludu dawn li ġejjin:

  • Sentenzi u deċiżjonijiet tal-qorti f'materji ċivili li daħlu fis-seħħ jew huma soġġetti għal eżekuzzjoni minnufih;
  • Deċiżjonijiet minn qrati ta’ stati barranin, li huma rikonoxxuti jew soġġetti għal eżekuzzjoni mingħajr rikonoxximent;
  • deċiżjonijiet minn tribunali permanenti tal-arbitraġġ li jaħdmu fl-Estonja u deċiżjonijiet ta' tribunali tal-arbitraġġ oħra li ġew iddikjarati eżegwibbli;
  • deċiżjonijiet ta’ kumitat dwar it-tilwim industrijali (töövaidluskomisjon) jew bord tal-kera (üürikomisjon) li daħħlu fis-seħħ.

Fit-taqsima 2 tal- Kodiċi dwar il-Proċedura ta’ Eżekuzzjoni (Täitemenetluse seadustik (TMS)) hemm lista eżawrjenti ta’ titoli eżekuttivi.

Jekk titolu eżekuttiv ma jiġix eżegwit volontarjament, tista ssir proċedura ta’ eżekuzzjoni permezz ta’ rikors tar-rikorrent.

It-talbiet ġejjin minn titoli eżekuttivi previsti mil-liġi jiġu eżegwiti skont il-Kodiċi għall-Proċedura ta’ Eżekuzzjoni. L-eżekuzzjoni ta' titoli eżekuttivi ssir mill-bailiffs, sakemm ma jkunx provvdut mod ieħor mil-liġi.

  • Bailiff imexxi l-proċedimenti ta' eżekuzzjoni fuq il-bażi ta' rikors minn rikorrent u titolu eżekuttiv. Il-bailiff imexxi l-proċedimenti ta' eżekuzzjoni irrispettivament minn kwalunkwe rikors tar-rikorrent jekk it-titolu eżekuttiv huwa deċiżjoni dwar il-ħlas tat-tariffa tal-bailiff jew dwar l-ordni ta' ħlas tal-ispejjeż ta' eżekuzzjoni, u f'każijiet oħra stipulati mil-liġi.
  • F'materji ta' eżekuzzjoni jinfetaħ fajl apposta fejn jitniżżlu l-miżuri u l-avviżi ta' eżekuzzjoni f'ordni kronoloġiku. Id-dokumenti rċevuti u maħruġa mill-bailiff matul l-eżekuzzjoni jew kopji tagħhom jiġu ppreservati fil-fajl.
  • Jekk jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet biex jinbdew proċedimenti ta' eżekuzzjoni, il-bailiff jibgħat notifika ta' eżekuzzjoni lid-debitur. Mal-wasla ta’ notifika ta’ eżekuzzjoni għand id-debitur, il-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni jitqiesu li bdew.
  • Il-bailiff jinnotifika lid-debitur bl-eżekuzzjoni, u jibgħat dikjarazzjoni lill-parteċipanti fil-proċedimenti ta' eżekuzzjoni dwar il-qbid tal-propjetà, rapport dwar is-subbasta, id-deċiżjoni tiegħu dwar l-ilmenti ppreżentati kontra d-deċiżjoni tiegħu u dokumenti oħra provvduti mil-liġi.
  • Jekk l-ebda terminu ma jiġi stabbilit mil-liġi jew minn deċiżjoni tal-qorti għall-adempjenza volontarja ma' titolu eżekuttiv, it-terminu jiġi ffissat mill-bailiff. It-terminu ma jistax ikun iqsar minn 30 jum, sakemm mhux stipulat mod ieħor mill-Kodiċi għall-Proċedura ta’ Eżekuzzjoni. Bil-kunsens tar-rikorrent, il-bailiff jista' jistabbilixxi terminu ta' aktar minn tletin jum għall-adempjenza volontarja ta’ titolu eżekuttiv.

Bailiff għandu l-obbligu jieħu immedjatament il-miżuri kollha li tipprovdi l-liġi sabiex jeżegwixxi titolu eżekuttiv, jiġbor l-informazzjoni neċessarja għall-proċedimenti ta' eżekuzzjoni u jispjega lill-parteċipanti fil-proċedimenti ta' eżekuzzjoni id-drittijiet u l-obbligi tagħhom.

  • Baliff jista’ jipposponi azzjoni ta' eżekuzzjoni fuq il-bażi ta' rikors mir-rikorrent jew deċiżjoni korrispondenti tal-qorti jew meta tinbidel il-persuna li tkun qiegħda tmexxi l-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni.
  • Fuq il-bażi ta' rikors mid-debitur, il-qorti tista' tissospendi l-proċedimenti ta' eżekuzzjoni jew testendi jew tiddiferixxi l-eżekuzzjoni jekk ma jkunx sew fuq id-debitur li jitkomplew il-proċedimenti. F'dawn il-każijiet, jiġu meqjusa l-interessi tar-rikorrent u ċirkostanzi oħra, inkluż is-sitwazzjoni familjari u ekonomika tad-debitur.

3.2 Il-kundizzjonijiet ewlenin

Il-pre rekwiżiti għall-eżekuzzjoni ta’ titolu eżekuttiv

  1. Deċiżjoni tal-qorti li tkun daħħlet fis-seħħ jew deċiżjoni tal-kumitat dwar it-tilwim industrijali jew bord tal-kera li daħħlet fis-seħħ u li għandha notazzjoni mad-dħul fis-seħħ hija ammissibbli għall-eżekuzzjoni. Notazzjoni mad-dħul fis-seħħ ma tiġix mehmuża ma' deċiżjoni soġġetta għal eżekuzzjoni minnufih.
  2. Fi proċedimenti ta' eżekuzzjoni fir-rigward tal-propjetà ta’ konjuġi, hemm preżunzjoni illi, għall-benefiċċju tar-rikorrent, il-propjetà mobbli fil-pussess tal-konjuġi li huwa debitur jew li qiegħda fil-pussess konġunt tal-konjuġi hija l-propjetà tal-konjuġi debitur. Il-baliff jista' jaqbad u jbiegħ il-propjetà mobbli inkwistjoni. F’każ ta’ oġġett li, minħabba n-natura tiegħu, huwa adattat għall-użu personali ta’ wieħed mill-konjuġi biss, huwa preżunt li dak l-oġġett huwa ta’ propjetà tal-konjuġi li għandu juża l-oġġett skont in-natura tiegħu.
  3. Tista' ssir talba għal ħlas fuq il-propjetà konġunta tal-konjuġi bil-kunsens tal-konjuġi li mhuwiex debitur jew jekk ikun hemm titolu eżekuttiv li jeħtieġ illi ż-żewġ konjuġi jwettqu l-obbligu. Rikorrent jista jitlob li l-propjetà konġunta tinqasam u ssir talba għal ħlas fuq dik il-parti tal-propjetà konġunta li hija tad-debitur. Il-preskrizzjoni għal talba ta’ diviżjoni ta’ propjetà hija ta’ sena mid-data li fiha fallew il-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni għas-sodisfar tat-talba mill-propjetà separata tad-debitur,
  4. Sabiex tkun tista' ssir talba għal ħlas fuq propjetà ta' sħubija, it-titolu eżekuttiv irid japplika għall-isħab kollha.
  5. Jekk id-debitur imut waqt il-proċedimenti ta' eżekuzzjoni, il-proċedimenti jissuktaw fir-rigward tal-patrimonju tad-debitur, sakemm ma jkunx provvdut mod ieħor mil-liġi.
  6. Jekk titolu eżekuttiv japplika wkoll għall-eredi tar-rikorrent jew tad-debitur, il-bailiff jaċċetta t-titolu eżekuttiv għall-eżekuzzjoni jekk is-suċċessjoni legali ġiet ippruvata lill-bailiff permezz ta' deċiżjoni tal-qorti, minn estratt tar-reġistru pubbliku jew minn dokument notarili. L-istess japplika fejn deċiżjoni tal-qorti li ngħatat fir-rigward ta’ possessur ta’ oġġett li fuqu hemm kwistjoni tiġi eżegwita u l-possessur tal-oġġett jinbidel wara li tkun ingħatat id-deċiżjoni.
  7. Jekk irid jiskadi terminu sabiex il-pagament kontenut f’titolu eżekuttiv isir dovut, jew trid tiġi sodisfatta kundizzjoni jew tiġi stabbilita skadenza ġdida, l-atti ta' eżekuzzjoni jistgħu jinbdew wara l-iskadenza tat-terminu, il-kisba tal-kundizzjoni jew l-iskadenza.
  8. Jekk il-proċedimenti ta' eżekuzzjoni jiddependu fuq il-garanzija min-naħa tar-rikorrent, il-proċedimenti jibdew biss jekk ikun ġie ċċertifikat f'dokument bil-miktub illi ngħatat din il-garanzija u kopja tiegħu intbagħtet lid-debitur jew intbagħtet lid-debitur flimkien mal-avviż ta' eżekuzzjoni.
  9. Jekk l-eżekuzzjoni ta' titolu eżekuttiv tiddependi fuq it-twettiq ta' obbligu mir-rikorrent lid-debitur fl-istess ħin, il-bailiff ma' jistax jibda proċedimenti ta' eżekuzzjoni sakemm l-obbligu tar-rikorrent jkun twettaq, jew, jekk ir-rikorrent jew il-bailiff għamlu offertà lid-debitur sabiex ir-rikorrent iwettaq l-obbligu, sakemm id-debitur ma jkunx irrifjuta b'mod mhux raġonevoli li jaċċetta t-twettiq jew qed jipposponi l-aċċettazzjoni tat-twettiq għal raġunijiet oħra.
  10. Jekk ir-rikorrent għandu bżonn ċertifikat ta' dritt għas-suċċessjoni jew dokument ieħor għall-eżekuzzjoni mandatorja, ir-rikorrent, minflok id-debitur, jista' jitlob illi dan jinħareġ minn nutar jew aġenzija amministrattiva. Waqt li jagħmel dan irid jippreżenta t-titolu eżekuttiv.

4 L-għan u n-natura ta’ miżuri eżekuttivi

4.1 Liema tipi ta’ assi jistgħu jkunu suġġetti għall-eżekuzzjoni?

Talba għal ħlas tista' ssir fuq propjetà mobbli u immobbli u fuq drittijiet ta' propjetà tad-debitur. Jekk id-dejn ikun seħħ minħabba n-nuqqas ta’ ħlas tal-manteniment tat-tfal, il-qorti tista, matul il-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni, tissospendi ċerti drittijiet tad-debitur u permessi maħruġa jew tipprojbixxi l-ħruġ tagħhom.

4.2 X’inhuma l-effetti tal-miżuri eżekuttivi?

Meta ssir talba għal ħlas fir-rigward ta’ propjetà mobbli:

Jekk issir talba għal ħlas kontra propjetà mobbli, din il-propjetà tinqabad u tinbiegħ. Kif tkun hekk maqbuda, id-debitur ma jistax jiddisponi mill-propjetà maqbuda. It-talba tar-rikorrent flimkien mal-penali għal ħlas tardiv u talbiet kollaterali oħra li l-firxa tagħhom hija indikata fit-titolu eżekuttiv tiġi sodisfata mill-fondi rċevuti mill-bejgħ tal-propjetà. Il-propjetà mobbli ma tiġix maqbuda jekk jista’ jiġi preżunt li l-fondi li jaslu mill-bejgħ tal-propjetà li se tinqabad ikunu biżżejjed biss biex jiġu koperti l-ispejjeż tal-eżekuzzjoni. Bailiff jittrasferixxi l-fondi lill-kont bankarju uffiċjali tal-bailiff b’riżultat tal-eżekuzzjoni obbligatorja mill-assi tad-debitur (minn hawn il-quddiem imsejjaħ bħala dħul mill-eżekuzzjoni) lir-rikorrent fi żmien 10 ijiem ta’ xogħol mill-wasla tal-fondi.

Meta ssir talba finanzjarja kontra l-Istat jew gvern lokali, issir talba għal ħlas fi flus. Jekk it-talba għal ħlas fi flus ma tirnexxix wara perjodu raġonevoli, it-talba għal ħlas tista' ssir fir-rigward ta' affarijiet oħra.

Mal-mument tal-qbid tal-oġġett, ir-rikorrent għandu ipoteka fuqu. Ipoteka fuq assi maqbuda tagħti lir-rikorrent l-istess drittijiet bħal ipoteka iskritta permezz ta’ kuntratt jew ipoteka legali oħra, sakemm mhux stipulat mod ieħor mil-liġi.

Bailiff ibiegħ il-propjetà mobbli maqbuda f’subbasta pubblika onlajn jew orali li fuqha ma jistax jiġi eżerċitat id-dritt ta’ prelazzjoni. Fuq rikors tar-rikorrent jew tad-debitur, bailiff jista’ jbiegħ l-oġġetti maqbuda b’mod differenti mis-subbasta pubblika onlajn jew orali jekk din tkun falliet jew jista’ jiġi preżunt li l-oġġett ma jistax jinbiegħ b’subbasta jew li d-dħul mistenni mill-eżekuzzjoni li jasal mis-subbasta tal-oġġett huwa inqas b'mod sinifikanti meta mqabbel mad-dħul mill-eżekuzzjoni bil-bejgħ tal-oġġett mod ieħor.

Bailiff iqassam id-dħul mill-eżekuzzjoni mill-bejgħ tal-oġġetti bejn ir-rikorrenti u persuni oħra li għandhom dritt għal dan id-dħul fl-ordni li fih ġew stipulati l-ipoteki jew skont ftehim li jkun sar bejn ir-rikorrenti. L-ammont li jifdal wara li jkunu ġew koperti l-ispejjeż tal-eżekuzzjoni u s-sodisfar tat-talba jingħata lura lid-debitur. Jekk id-dħul mill-eżekuzzjoni ma jkunx biżżejjed biex jissodisfa t-talbiet kollha u r-rikorrenti ma jistgħux jaslu għal ftehim dwar it-tqassim tal-fondi, il-bailiff iqassam id-dħul mill-eżekuzzjoni bejn ir-rikorrenti fil-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni skont pjan ta’ distribuzzjoni. L-ispejjeż tal-eżekuzzjoni jitnaqqsu mid-dħul li għandu jitqassam skont il-pjan ta’ distribuzzjoni.

Meta ssir talba għal ħlas fir-rigward ta’ propjetà immobbli:

Jekk issir talba għal ħlas fuq propjetà immobbli, din il-propjetà jew tiġi maqbuda u tinbiegħ jew tiġi soġġetta għal proċedura ta’ amministrazzjoni ġudizzjarja fejn it-talba tar-rikorrent tiġi sodisfatta mir-rikavat tal-amministrazzjoni ġudizzjarja. Tista' ssir talba għal ħlas fir-rigward ta' propjetà immobbli jekk id-debitur huwa mniżżel fir-reġistru tal-artijiet bħala s-sid tal-propjetà immobbli jew jekk id-debitur huwa l-eredi universali tas-sid li huwa mniżżel fir-reġistru tal-artijiet. Talba għal ħlas fuq propjetà immobbli tista' ssir ukoll fuq oġġetti koperti minn self.

Sabiex ikun jista’ jaqbad il-propjetà immobbli, il-bailiff iwettaq rekord tal-propjetà immobbli, tal-partijiet fissi tagħha u kull oġġett ieħor kopert minn self, jipprojbixxi d-disponiment tagħhom u jagħmel nota ta’ din il-projbizzjoni fir-reġistru tal-artijiet. Il-propjetà immobbli maqbuda tibqa' fil-pussess tad-debitur u d-debitur jista' jamministra u jużaha fil-limiti tal-amministrazzjoni ordinarja, sakemm il-propjetà immobbli ma titqiegħedx taħt amministrazzjoni ġudizzjarja. Kif tkun hekk maqbuda, id-debitur ma jistax jiddisponi mill-propjetà maqbuda. Jekk il-qbid ikopri wkoll il-propjetà mobbli, din tista' titneħħa fil-limiti tal-amministrazzjoni ordinarja. Il-propjetà immobbli tinbiegħ jew f’subbasta obbligatorja jew mid-debitur taħt is-superviżjoni ta’ bailiff li għaliha jkun meħtieġ il-kunsens bil-quddiem tar-rikorrent.

Il-propjetà immobbli hija soġġetta għal amministrazzjoni ġudizzjarja abbażi ta’ rikors mill-bailiff, mir-rikorrent jew mid-debitur. Amministratur ġudizzjarju għandu dritt jieħu l-pussess tal-propjetà immobbli fuq il-bażi tad-deċiżjoni li ħatritu bħala amministratur tal-propjetà immobbli. Amministratur għandu d-dritt u l-obbligu li jwettaq it-tranżazzjonijiet u l-atti kollha li huma meħtieġa għall-preservazzjoni tal-kundizzjoni u għall-ġestjoni regolari tal-propjetà immobbli. L-amministrazzjoni ġudizzjarja tasal fi tmiemha b’deċiżjoni tal-bailiff wara li tkun ġiet sodisfatta t-talba tar-rikorrent.

Il-bailiff iqassam id-dħul mill-eżekuzzjoni mill-bejgħ u l-amministrazzjoni ġudizzjarja tal-propjetà immobbli bejn ir-rikorrenti u persuni oħra li għandhom dritt għal dan id-dħul abbażi tal-klassifikazzjoni tagħhom indikata fuq ir-reġistru tal-artijiet u fl-ordni li bih sar il-qbid jew abbażi ta’ ftehim magħmul bejn ir-rikorrenti. L-ispejjeż tal-eżekuzzjoni jitnaqqsu mid-dħul li għandu jitqassam skont il-pjan ta’ distribuzzjoni.

Meta ssir talba għal ħlas fir-rigward ta’ drittijiet ta’ propjetà:

Talba għal ħlas tista’ ssir fuq il-kont tad-debitur. Istituzzjoni ta' kreditu tagħti informazzjoni lill-bailiff dwar l-eżistenza jew in-nuqqas ta' kont. Il-kont jiġi sekwestrat permezz ta' mandat ta' sekwestru fil-limiti indikati mill-istrument. Skont l-ammont maqbud bil-mandat ta’ sekwestru, il-fondi fil-kont jiġu trasferiti fil-kont bankarju uffiċjali ta’ bailiff sakemm it-titolu eżekuttiv mhux sentenza dwar garanzija fuq azzjoni u mhux sentenza dwar il-garanzija ta’ azzjoni rigward talba għal manteniment tat-tfal magħmula l-qorti. Jekk fil-mument ta’ qbid, il-kont tad-debitur ma jkollux fondi biżżejjed skont l-ammont indikat fil-mandat ta’ qbid, il-fondi mħallsa fil-kont wara l-mument ta’ qbid wkoll jitqiesu maqbuda skont l-ammont li għadu pendenti. Il-fondi mħallsa fil-kont wara l-mument ta’ qbid jiġu trasferiti lill-kont bankarju uffiċjali ta’ bailiff sakemm jiġi eżegwit il-mandat ta’ qbid. Jekk il-bailiff ikun bagħat mandat ta' qbid fir-rigward tal-kont tad-debitur lil istituzzjoni ta' kreditur għall-eżekuzzjoni, il-mandat ukoll jitqies fis-seħħ fir-rigward ta' kontijiet miftuħa mid-debitur aktar ’il quddiem.

Talba għal ħlas tista’ ssir fuq titoli. Sabiex jaqbad it-titoli mniżżla fit-taqsima 2 tal-Att Estonjan dwar iż-Żamma ta’ Reġistru għat-Titoli (väärtpaberite keskregistri seadus), bailiff jagħti struzzjonijiet lir-reġistru biex idaħħal nota ta’ projbizzjoni fuq id-disponiment ta’ drittijiet u obbligi. Titolu jiġi maqbud bl-iffriżar tiegħu fir-reġistru. Bailiff ibigħ titoli skont id-dispożizzjonijiet rigward it-talbiet għal ħlas fuq propjetà mobbli. Bailiff għandu dritt jirreġistra titolu reġistrat f'isem l-akkwirenti u jissottometti l-applikazzjonijiet neċessarji minflok id-debitur. Il-bailiff irid jippreżenta kambjala, ċekk jew bond għall-pagament jekk possibbli skont it-titolu.

Talba għal ħlas tista’ ssir fuq sehem f’kumpanija privata b’responsabbiltà limitata. Jekk sehem f’kumpanija privata b’responsabbiltà limitata ma jkunx imdaħħal fir-reġistru miżmum fid-depożitarju ċentrali tat-titoli (väärtpaberite keskregister), is-sehem jitqies maqbud skont il-proċedura stipulata għall-qbid ta’ assi mobbli. Il-bailiff javża lill-bord ta' ġestjoni bil-qbid tas-sehem tal-kumpannija privata b’responsabbiltà limitata. Bailiff ibigħ sehem ta’ kumpannija privata b’responsabbiltà limitata skont id-dispożizzjonijiet rigward it-talbiet għal ħlas fuq propjetà mobbli. Il-bailiff li jbigħ is-sehem irid jibgħat avviż dwar it-trasferiment tas-sehem bil-formola stabbilita mill-Ministru responsabbli għal dan il-qasam lir-reġistratur tar-reġistru kummerċjali (äriregister) fi żmien jumejn mis-subbasta.

Minbarra dak li ntqal hawn fuq, talba għall-ħlas tista' ssir ukoll għal obbligi finanzjarji imwettqa għal terzi, sħubija f’assoċjazzjoni tal-bini, parti ta’ sieħeb fi propjetà ta’ sħubija, dritt inaljenabbli u drittijiet ta’ propjetà oħra.

Restrizzjoni tad-drittijiet f’każ li huwa dovut manteniment tat-tfal:

Jekk id-debitur jonqos milli jħallas il-manteniment tat-tfal fi żmien tliet xhur matul il-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni mibdija għall-ħlas ta’ dan il-manteniment u l-bailiff ma jkunx ġabar il-manteniment mill-assi tad-debitur, il-qorti tista, bil-kunsens tar-rikorrent u fuq ir-rikors tal-bailiff u wara li tkun l-ewwel avżat lid-debitur, tagħti sentenza fejn tissospendilu d-drittijiet u l-permessi għal żmien indeterminat:

  • permess għall-kaċċa;
  • permess li jsuq karozzi;
  • permessi għal armi u permessi biex jixtri l-armi;
  • id-dritt li jsuq opri tal-baħar għar-rikreazzjoni u opri tal-baħar personali;
  • liċenzja tas-sajd.

Jekk il-qorti tissospendi l-validità ta’ dritt jew permess tad-debitur jew it-tnejn li huma, bl-istess sentenza hija tipprojbixxi wkoll l-għoti tal-istess dritt jew permess jew it-tnejn li huma. Il-qorti tista' tissospendi diversi drittijiet u permessi fl-istess ħin u tipprojbixxi l-għotja tagħhom.

Permezz ta’ sentenza, il-qorti terġa’ tivvalida dritt jew il-validità ta’ permess tad-debitur u tħallih jerġa’ jakkwista dritt jew permess fuq rikors jekk:

  • id-debitur ikun ħallas il-manteniment tat-tfal għal mill-inqas tliet xhur;
  • id-debitur ftiehem mar-rikorrent dwar skeda għall-ħlas u żamm magħha għal mill-inqas tliet xhur konsekuttivi;
  • ir-rifjut li jerġa’ jingħata dritt jew li jerġa’ jakkwista dritt ma jkunx ġust mad-debitur;
  • l-obbligu tal-ħlas tal-manteniment tat-tfal skada.

4.3 X’inhi l-validità ta’ miżuri bħal dawn?

Il-perjodu ta' preskrizzjoni għal talbiet rikonoxxuti minn sentenza tal-qorti li daħħlet fis-seħħ u għal talbiet ġejjin minn ftehim bil-qorti jew titolu eżekuttiv ieħor huwa ta' għaxar snin. Il-perjodu ta’ preskrizzjoni jibda mid-dħul fis-seħħ tas-sentenza jew ħruġ ta’ xi titolu eżekuttiv ieħor iżda mhux qabel issir dovuta t-talba.

Il-perjodu ta’ preskrizzjoni għal talba għat-twettiq ta’ obbligi perjodiċi, bl-eċċezzjoni ta’ talbiet għat-twettiq ta’ obbligi ta’ manteniment tat-tfal, huwa ta’ tliet snin għal kull obbligi separat irrispettivament mill-bażi ġuridika għat-talba. Il-perjodu ta’ preskrizzjoni jibda minn tmiem is-sena kalendarja meta ssir dovuta it-talba li tikkorrespondi għall-obbligu. Il-perjodu ta’ preskrizzjoni għal talba ta’ twettiq ta’ obbligi ta’ manteniment tat-tfal huwa ta’ għaxar snin għal kull obbligu separat.

Jekk id-debitur imut waqt il-proċedimenti ta' eżekuzzjoni, il-proċedimenti jissoktaw fir-rigward tal-patrimonju tad-debitur, sakemm ma jkunx provdut mod ieħor mil-liġi.

Qabel ma jiskadi t-terminu għar-rinunzja jew l-aċċettazzjoni tal-wirt, il-proċedimenti ta' eżekuzzjoni bbażati fuq talba kontra l-wirt jistgħu jitmexxew biss kontra l-wirt. F’dan il-każ, ma tista' ssir l-ebda talba għall-ħlas rigward obbligi personalment dovuti mill-eredi kontra l-wirt.

Jekk titolu eżekuttiv japplika wkoll għall-eredi tar-rikorrent jew tad-debitur, il-bailiff jaċċetta t-titolu eżekuttiv għall-eżekuzzjoni jekk is-suċċessjoni legali ġiet ippruvata lill-bailiff permezz ta' deċiżjoni tal-qorti, minn estratt tar-reġistru pubbliku jew minn dokument notarili. L-istess japplika fejn deċiżjoni tal-qorti li ngħatat fir-rigward ta’ pussessur ta’ oġġett li fuqu hemm kwistjoni tiġi eżegwita u l-pussessur tal-oġġett jinbidel wara li tkun ingħatat id-deċiżjoni.

5 Hemm possibilità li d-deċiżjoni li tawtorizza din il-miżura tiġi appellata?

Parti fi proċedimenti ta' eżekuzzjoni tista' tressaq ilment quddiem il-bailiff kontra deċiżjoni jew miżuri li jkun ħa l-bailiff meta eżegwixxa titolu eżekuttiv jew irrifjuta li jwettaq azzjoni ta' eżekuzzjoni, fi żmien għaxart ijiem minn meta l-ilmentatur sar jaf jew seta' jsir jaf bid-deċiżjoni jew l-azzjoni, sakemm mhux provdut mod ieħor mil-liġi.

Parti fil-proċedimenti tista' tappella minn deċiżjoni tal-bailiff dwar ilment quddiem qorti tal-kontea li għandha ġuriżdizzjoni fuq l-uffiċċju tal-bailiff fi żmien għaxart ijiem mill-għotja tad-deċiżjoni. Ma jistax isir appell il-qorti mid-deċiżjoni jew l-azzjonijiet ta' bailiff sakemm ma jkunx sar ilment minn qabel lill-bailiff.

Jista' jsir appell minn deċiżjoni tal-imħallef fi proċedimenti ta' eżekuzzjoni, sakemm ma jkunx provdut mod ieħor mil-liġi.

Il-partijiet fil-proċedimenti jistgħu jappellaw ukoll kontra d-deċiżjoni ta’ qorti tal-kontea rigward is-sospensjoni ta’ dritt u l-validità ta’ permess maħruġ lil debitur u dwar il-projbizzjoni fuq l-għotja ta’ dritt jew permess skont il-proċedura stipulata fil- Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili (tsiviilkohtumenetluse seadustik). L-appelli jistgħu jiġu ppreżentati kontra sentenza tas-circuit court fuq l-appell kontra sentenza tal-qorti ta’ kontea.

Debitur jista' jiftaħ kawża kontra rikorrent fuq il-bażi ta' titolu eżekuttiv sabiex tiġi dikjarata inammissibbli l-eżekuzzjoni ġudizzjarja, b'mod partikolari għaliex it-talba ġiet sodisfatta, posposta jew paċuta. Il-fatt li l-azzjoni ġiet sodisfatta ma jaffettwax il-validità jew is-saħħa ġuridika tat-titolu eżekuttiv. Dawn l-oġġezzjonijiet huma ammissibbli biss jekk ir-raġunijiet li fuqhom huma bbażati iqumu wara d-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni tal-qorti. Din l-azzjoni tista’ tiġi ppreżentata sat-tmiem tal-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni (Artikolu 221 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili).

Terz li għandu dritt rigward l-oġġett ta' eżekuzzjoni ġudizzjarja li jipprojbixxi l-eżekuzzjoni ġudizzjarja, speċjalment id-dritt ta' sjieda jew ta' dritt reali limitat, jista' jippreżenta talba għar-rilaxx tal-propjetà mill-qbid jew sabiex l-eżekuzzjoni ġudizzjarja tiġi dikjarata inammissibbli għal raġunijiet oħra quddiem il-qorti b'ġuriżdizzjoni li tkopri l-post tal-eżekuzzjoni ġudizzjarja.

Fi żmien 30 jum mill-konsenja ta’ rapport dwar subbasta, parti fil-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni tista’ tiftaħ kawża quddiem il-qorti għal dikjarazzjoni ta’ subbasta invalida jekk il-propjetà tkun inbiegħet lil persuna li ma għandhiex dritt tixtriha jew jekk is-subbasta kienet tmexxiet abbażi ta’ qbid invalidu jew ġew miksura kundizzjonijiet essenzjali oħra tas-subbasta. Jekk subbasta tiġi ddikjarata invalida, id-debitur jista’ jitlob li x-xerrej jirrilaxxa oġġett mibjugħ skont l-Artikolu 80 tal- Att dwar il-Liġi fuq il-Propjetà (asjaõigusseadus) jew, jekk dan ma jkunx possibbli, jippreżenta talba abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-arrikkiment indebitu; parti fi proċedimenti tista’ titlob sabiex bailiff iħallas kumpens għad-danni skont l-Att dwar il-Bailiffs (kohtutäituri seadus).

6 Hemm xi limiti fuq l-eżekuzzjoni, b’mod partikolari relatati ma’ ħarsien tad-debitur jew preskrizzjonijiet?

It-tmexxija ta’ proċedimenti ta’ eżekuzzjoni huma regolati mill-Kodiċi dwar il-Proċedura ta’ Eżekuzzjoni. Ir-restrizzjonijiet fuq il-qbid ta’ propjetà huma stipulati fl-Artikolu 53(1) li jgħid li huwa pprojbit li tinqabad wisq aktar propjetà tad-debitur milli huwa meħtieġ biex tiġi sodisfatta t-talba tar-rikorrent u biex jiġu koperti l-ispejjeż ta’ eżekuzzjoni, sakemm it-talba tar-rikorrent ma tistax tiġi sodisfatta bl-ebda mod ieħor. Il-qbid huwa invalidu u ma jqumu l-ebda konsegwenzi ġuridiċi minnu jekk iseħħ ksur materjali ta’ dispożizzjoni proċedurali dwar il-qbid, partikolarment jekk:
(1) il-propjetà tinqabad mingħajr titolu eżekuttiv validu;

(2) ma ngħatat l-ebda notifika tal-eżekuzzjoni lid-debitur;
(3) il-propjetà tinqabad minn persuna li ma għandhiex awtorizzazzjoni għal dan l-iskop;

(4) sa ċertu punt, id-debitur ma ġiex innotifikat bid-drittijiet tiegħu fil-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni u dan wassal għall-ksur tad-drittijiet tiegħu (l-Artikolu 55 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili).

Il-lista ta’ oġġetti mhux soġġetti għal qbid tinsab fl-Artikolu 66 tal-Kodiċi tal-Proċedura għall-Eżekuzzjoni. L-oġġetti li ġejjin ma jistgħux jinqabdu jew jinbiegħu matul il-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni:
(1) oġġetti personali ta’ debitur u affarijiet tad-dar, affarijiet tal-kċina, mifrex, sodod u affarijiet oħra użati għal skopijiet domestiċi li huma essenzjali għall-bżonnijiet ta’ kuljum, tenut kont tal-ammont ta’ dejn tad-debitur;

(2) tal-inqas apparat tekniku wieħed li jiżgura li d-debitur jista’ jeżerċità d-dritt għall-informazzjoni li huwa stipulat fl-Artikolu 44(1) tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Estonja (Eesti Vabariigi põhiseadus);

(3) prodotti tal-ikel meħtieġa għad-debitur u għal familtu għal xahar u l-materjal għat-tisħin meħtieġ biex għad-dar matul perjodu wieħed fejn hu meħtieġ it-tisħin jew, jekk mhemmx provvista dak iż-żmien tal-eżekuzzjoni u l-akkwist tal-provvista mhix garantita bl-ebda mod ieħor, somma ta’ flus meħtieġa għall-akkwist tal-imsemmija provvista;

(4) tagħmir tal-biedja, bhejjem, fertilizzanti u prodotti agrikoli primarji ta’ persuna impenjata fl-agrikoltura li huma essenzjali għal debitur biex imantni lilu nnifsu u lill-familja tiegħu sal-ħsad li jmiss;

(5) oġġetti essenzjali għall-attivitajiet ekonomiċi jew professonali jew ir-relazzjoni tax-xogħol jew servizz ta’ persuna fiżika;
(6) kotba u oġġetti oħra użati minn debitur jew minn membru tal-familja tiegħu għall-istudju jew attivitajiet reliġjużi;
(7) rekords kontabilistiċi, rekords tal-familja, ċrieket tat-tieġ, ordnijiet u dekorazzjonijiet tad-debitur;
(8) idejn jew saqajn artifiċjali, nuċċalijiet u tagħmir mediku ieħor meħtieġ minħabba diżabilità fiżika, li jintużaw mid-debitur jew minn membru tal-familja tiegħu;

(9) oġġetti meħtieġa għal funeral fil-familja tad-debitur;

(10) il-kollezzjonijiet fil-mużewijiet tal-istat, il-mużewijiet muniċipali u l-mużewijiet ta’ persuni ġuridiċi fil-liġi pubblika u oġġetti appartenenti għal dawn il-kollezzjonijiet, u l-kollezzjonijiet tal-mużewijiet tal-Istat jew oġġetti li l-użu tagħhom ingħata lil fondazzjoni;

(11) dokumenti arkivjali;

(12) oġġetti oħra fejn il-qbid tagħhom huwa f’kunflitt mal-liġi jew mal-morali tajba;

(13) assi tal-Istat b’kummerċ ristrett u oġġetti li għandu bżonnhom l-Istat jew gvern lokali bħala debitur għat-twettiq ta’ obbligi pubbliċi u li t-trasferiment tagħhom huwa kuntrarju għall-interessi pubbliċi. Qabel issir deċiżjoni korrispondenti, trid tinstema l-opinjoni ta’ rappreżentant ta’ ministru b’kompetenza fil-qasam jew ta’ aġenzija.

L-oġġetti speċifikati fil-klawżoli (1), (2), (4) u (5) hawn fuq jistgħu jinqabdu jekk l-eżekuzzjoni ġudizzjarja tintalab minn bejjiegħ abbażi ta’ talba finanzjarja garantita minn riserva ta’ sjieda minħabba l-bejgħ ta’ dawn l-oġġetti. L-oġġetti meħtieġa għall-attivitajiet reliġjużi (6) jistgħu jinqabdu jekk dawn l-oġġetti jintużaw b’mod li jmur kontra l-morali tajba jew huma punibbli mil-liġi.

Skont l-Artikolu 67 tal-Kodiċi għall-Proċedura ta’ Eżekuzzjoni, l-annimali miżmuma d-dar għal skopijiet mhux kummerċjali ma jistgħux jinqabdu. Abbażi tal-applikazzjoni ta’ rikorrent, qorti tista’ tawtorizza l-qbid ta’ annimal ta’ valur għoli jekk il-projbizzjoni fuq il-qbid tikser b’mod sinifikanti l-interessi tar-rikorrent li jieħdu preċedenza fuq l-interessi tal-protezzjoni tal-annimali jew l-interess leġittimu ta’ debitur.

Restrizzjonijiet rigward qbid ta’ dħul huma stipulati l-Artikoli 131 u 132 tal-Kodiċi għall-Proċedura ta’ Eżekuzzjoni. Talba għal ħlas ma tistax issir fuq id-dħul li ġej:

(1) benefiċċji tal-familja mill-gvern;

(2) benefiċċji soċjali għal persuni b'diżabilità;

(3) benefiċċji soċjali fi ħdan it-tifsira tal-Att dwar il-Benefiċċji Soċjali (sotsiaalhoolekande seadus);

(4) kumpens imħallas abbażi tal-Artikolu 351(3) tal- Att dwar l-Inseminazzjoni Artifiċjali u l-Protezzjoni tal-Embrijun (kunstliku viljastamise ja embrüokaitse seadus);

(5) benefiċċji għall-qgħad, għotjiet, benefiċċji għat-trasport u l-akkomodazzjoni u s-sussidji għall-bidu ta’ negozju mħallsa mill-Fond Estonjan għall-Assigurazzjoni tal-Qgħad (Eesti Töötukassa);

(6) kumpens imħallas minħabba korriment personali jew mard, ħlief il-kumpens għad-dħul mitluf u l-kumpens għad-dannu mhux patrimonjali;

(7) benefiċċju għall-kapaċità għax-xogħol;

(8) manteniment statutorju;

(9) benefiċċju tal-ġenituri;

(10) benefiċċju tal-assigurazzjoni tas-saħħa fi ħdan it-tifsira tal- Att dwar l-Assigurazzjoni tas-Saħħa (ravikindlustuse seadus), ħlief benefiċċji għal inkapaċità għax-xogħol temporanja;

(11) pensjoni mill-Istat sa fejn hu previst mil-liġi;

(12) għajnuna wara ħruġ mill-ħabs.

Jekk talba għall-ħlas li tkun saret fuq assi oħra ta’ debitur ma tkunx waslet għal jew x’aktarx mhix se twassal għas-sodisfazzjoni sħiħa tat-talba tar-rikorrent u jekk il-qbid huwa ġust minħabba t-tip ta’ talba u l-ammont tad-dħul, tista’ ssir talba għall-ħlas fuq id-dħul speċifikat fil-klawżoli (6)-(9) msemmija hawn qabel fuq rikors tar-rikorrent. Jekk ikun possibbli, bailiff jisma lid-debitur qabel jieħu deċiżjoni.

Id-dħul ma jiġix maqbud jekk ma jaqbiżx l-ammont tal-paga minima stabbilit għal xahar jew proporzjon korrispondenti ta’ dħul għal ġimgħa jew ġurnata.[2] Jekk id-debitur imantni persuna oħra jew iħallas il-manteniment għaliha skont il-liġi, l-ammont mhux soġġett għal qbid jiżdied b’terz tal-paga minima fix-xahar għal kull persuna dipendenti (sakemm talba għall-manteniment tat-tfal mhix soġġetta għal eżekuzzjoni ġudizzjarja). Mid-dħul li jaqbeż l-ammont mhux soġġett għall-qbid, sa żewġ terzi ta’ ammont ekwivalenti għal ħames darbiet il-paga minima u d-dħul kollu li jaqbeż ammont ekwivalenti għal ħames darbiet il-paga minima jistgħu jinqabdu, sakemm dak l-ammont soġġett għall-qbid ma jaqbiżx żewġ terzi tad-dħul kollu (dan ma japplikax jekk talba għall-manteniment hija soġġetta għal eżekuzzjoni ġudizzjarja.

Skont l-Artikolu 133 tal-Kodiċi għall-Proċedura ta’ Eżekuzzjoni, fuq rikors tad-debitur, il-bailiff iħassar il-qbid minn fuq il-kont tad-debitur fi żmien tliet ijiem tax-xogħol sal-ammont li jiggarantixxi d-dħul tad-debitur mhux soġġett għal qbid (restrizzjonijiet stipulati mill-Artikoli 131 u 132 tal-Kodiċi għall-Proċedura ta’ Eżekuzzjoni). Jekk fil-kont tad-debitur jiġi trasferit iktar minn xahar dħul, fi żmien tliet ijiem tax-xogħol u fuq rikors tad-debitur, il-bailiff iħassar il-qbid minn fuq il-kont sal-ammont li jiggarantixxi d-dħul tad-debitur mhux soġġett għall-qbid għal kull xahar imħallas bil-quddiem skont ir-restrizzjonijiet previsti fl-Artikoli 131 u 132 tal-Kodiċi għall-Proċedura ta’ Eżekuzzjoni. Jekk il-perjodu għall-użu tad-dħul trasferit fil-kont tad-debitur ma jistax jiġi determinat, il-bailiff jiggarantixxi d-dħul tad-debitur mhux soġġett għall-qbid għal xahar. Sakemm iseħħ ir-riżoluzzjoni tar-rikors, il-bailiff jista’ jissospendi t-trasferiment tal-fondi lir-rikorrenti minn kont maqbud u jirrilaxxa l-kont mill-qbid sal-ammont meħtieġ għall-għajxien tad-debitur u tal-membri tal-familja tiegħu.

[2] Skont l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru. 139 tal-Gvern tar-Repubblika tat-18 ta’ Diċembru 2015 l-ammont tal-paga minima fix-xahar għal impjieg full time huwa ta’ 430 euros mill-1 ta’ Jannar 2016, u skont l-Artikolu 1(2) tal-istess Regolament, il-paga minima fix-xahar gġal impjieg full time hija ta’ 470 euro mill- 1 ta’ Jannar 2017.

 

Din il-paġna web hija parti minn L-Ewropa Tiegħek.

Nilqgħu l-feedback tiegħek dwar l-utilità tal-informazzjoni pprovduta.

Your-Europe

L-aħħar aġġornament: 21/12/2020

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Feedback

Uża l-formola li ġejja biex taqsam il-kummenti u l-feedback tiegħek fis-sit web ġdid tagħna