Kif tinforza deċiżjoni ta’ qorti

il-Kroazja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Xi tfisser eżekuzzjoni fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali?

Fir-Repubblika tal-Kroazja, il-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni huma regolati mid-dispożizzjonijiet tal-Att dwar l-Eżekuzzjoni (Ovršni zakon) (Narodne Novine (NN; Il-Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika tal-Kroazja), Nru 112/12, 25/13, 93/14, 55/16 u 73/17; minn hawn ’il quddiem: OZ). Dan l-Att jirregola l-proċedura li biha l-qrati u n-nutara pubbliċi jmexxu il-ġbir b’mod involontarju ta' pretensjonijiet abbażi ta’ dokumenti ta’ titoli eżekuttivi u dokumenti awtentiċi (proċedura ta’ eżekuzzjoni), sakemm ma jkunx iddeterminat mod ieħor minn liġi speċjali.

2 Liema awtorità jew awtoritajiet huma kompetenti għall-eżekuzzjoni?

Il-proċedimenti ta' eżekuzzjoni jitmexxew mill-qrati abbażi ta’ dokumenti ta’ titoli eżekuttivi, filwaqt li n-nutara pubbliċi jmexxu l-proċedimenti ta' eżekuzzjoni abbażi ta’ dokumenti awtentiċi.

X'jikkostitwixxi dokument ta’ titolu ta’ eżekutiv huwa stipulat fl-Artikolu 23 tal-OZ, filwaqt li d-dokumenti awtentiċi huma deskritti fl-Artikolu 31 tal-OZ.

L-Aġenzija Finanzjarja (Financijska agencija) hija wkoll parti mill-proċedura ta’ eżekuzzjoni (minn hawn ’il quddiem: l-Aġenzija) - entità ġuridika li tmexxi l-eżekuzzjoni skont id-dispożizzjonijiet tal-OZ u l-liġi li tirregola l-eżekuzzjoni fuq il-fondi, kif ukoll l-impjegaturi, l-Istitut Kroat għall-Assigurazzjoni tal-Pensjonijiet (Hrvatski zavod za mirovinsko osiguranje) u awtoritajiet oħrajn previsti mil-liġi.

3 Liema huma l-kundizzjonijiet biex jingħataw titoli jew deċiżjonijiet li jkunu eżekuttivi?

Il-qrati jmexxu l-proċedimenti ta' eżekuzzjoni abbażi ta’ dokumenti ta’ titoli eżegwibbli li, skont l-OZ, huma dawn li ġejjin:

1. Deċiżjonijiet tal-qorti u soluzzjonijiet bil-qorti eżegwibbli,

2. Soluzzjonijiet eżegwibbli msemmija fl-Artikolu 186.a tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili

3. Deċiżjonijiet eżegwibbli ta’ qorti tal-arbitraġġ,

4. Deċiżjonijiet eżegwibbli maħruġa fi proċediment amministrattiv u soluzzjonijiet eżegwibbli milħuqa fi proċediment amministrattiv jekk dan ikun jinvolvi l-eżekuzzjoni ta’ obbligu pekunarju, sakemm ma jiġix previst mod ieħor mil-liġi,

5. Deċiżjonieżegwibbli notarili u klawżola eżegwibbli notarili,

6. Soluzzjonijiet milħuqa b'riżultat ta’ proċeduri quddiem "qrati tal-unur" (sudovi časti) f’awli fir-Repubblika tal-Kroazja u soluzzjonijiet milħuqa fi proċeduri ta’ medjazzjoni f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-liġi li jirregolaw il-proċeduri ta’ medjazzjoni,

7. Dokumenti oħrajn iddeterminati mil-liġi bħala eżegwibbli.

Id-dokumenti eżegwibbli huma addattati għall-eżekuzzjoni jekk jispeċifikaw il-kreditur u d-debitur, is-suġġett, it-tip, il-kamp ta’ applikazzjoni u ż-żmien għall-eżekuzzjoni tal-obbligu pekunarju.

Jekk id-dokument eżegwibbli jkun deċiżjoni li titlob għall-irkupru tad-dejn permezz ta’ ħlas jew it-twettiq ta’ azzjoni, huwa jrid jinkludi wkoll skadenza għal eżekuzzjoni volontarja, u jekk l-iskadenza għal eżekuzzjoni volontarja ma ġietx speċifikata, mela t-terminu jiġi stabbilit mill-qorti fil-mandat ta’ eżekuzzjoni.

3.1 Il-proċedura

Kreditur jibda proċedimenti ta’ eżekuzzjoni abbażi ta’ dokument eżegwibbli billi jippreżenta rikors għal eżekuzzjoni lill-qorti. Ir-rikorsi għal eżekuzzjoni jistgħu jiġu ppreżentati mill-kreditur personalment bħala parti fil-proċedimenti, jew permezz ta’ rappreżentant. Il-proċedimenti ta' eżekuzzjoni jistgħu jiġu istitwiti ex officio, meta jkunu speċifikament previsti mil-liġi.

Il-qrati muniċipali għandhom ġuriżdizzjoni ratione materiae fil-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni, sakemm ma jkunx previst mod ieħor mil-liġi. L-eżekuzzjoni ssir fil-limiti definiti mill-mandat ta’ eżekuzzjoni.

Il-mandat ta’ eżekuzzjoni jrid jispeċifika d-dokument eżekutorju, jiġifieri awtentiku, li abbażi tiegħu ssir l-eżekuzzjoni, il-kreditur u l-parti li tkun qed tintalab l-eżekuzzjoni kontriha (id-debitur), il-pretensjoni li tkun qed tiġi eżegwita, il-mezzi u s-suġġett tal-eżekuzzjoni, kif ukoll kwalunkwe informazzjoni oħra meħtieġa biex issir l-eżekuzzjoni.

3.2 Il-kundizzjonijiet ewlenin

Ir-rikors għal eżekuzzjoni irid ikun fih t-talba għall-eżekuzzjoni, li tispeċifika d-dokument eżegwibbli jew awtentiku li abbażi tiegħu tkun qed tintalab l-eżekuzzjoni, il-kreditur u d-debitur, in-numri tal-identifikazzjoni personali tal-kreditur u tad-debitur, il-pretensjoni li tintalab ir-realizzazzjoni tagħha, il-mezzi meħtieġa sabiex titwettaq l-eżekuzzjoni u (jekk ikun meħtieġ) is-suġġett tal-eżekuzzjoni. Ir-rikors irid ikun fih informazzjoni preskritta oħra meħtieġa sabiex titwettaq l-eżekuzzjoni.

Ir-rikors għal eżekuzzjoni fuq il-bażi ta’ dokument awtentiku jrid ikun fih:

1. talba lill-qorti sabiex tordna lid-debitur isalda l-pretensjoni bi kwalunkwe spejjeż pertinenti fi żmien tmint ijiem u, fil-każ ta’ tilwimiet li jinvolvu kambjala u ċekkijiet, fi żmien tlett ijiem,

2. ir-rikors eżegwibbli.

Għalhekk, il-kundizzjonijiet ewlenin li jridu jiġu ssodisfati għal titolu eżekutorju huma: dokument eżegwibbli jew awtentiku li l-eżekuzzjoni tiġi ordnata abbażi tiegħu u applikazzjoni eżegwibbli.

4 L-għan u n-natura ta’ miżuri eżekuttivi

Is-suġġett tal-eżekuzzjoni huwa oġġetti u drittijiet li, skont il-liġi, jistgħu jkunu soġġetti għal eżekuzzjoni biex tinġabar pretensjoni. L-eżekuzzjoni ssir biex tissodisfa l-pretensjoni ta’ kreditur fuq oġġetti ta’ eżekuzzjoni li jikkostitwixxu parti integrali mill-proprjetà tad-debitur.

4.1 Liema tipi ta’ assi jistgħu jkunu suġġetti għall-eżekuzzjoni?

L-assi tad-debitur (flus, proprjetà immobbli, proprjetà mobbli, titoli u parteċipazzjonijiet) jew ċerti drittijiet nonproprjetarji tar-rikorrent (it-trasferiment u l-konsenja ta’ proprjetà mobbli, it-tbattil u t-trasferiment ta’ proprjetà immobbli, ir-ritorn għax-xogħol, eċċ.) jistgħu jkunu soġġetti għal eżekuzzjoni. Matul il-proċedimenti, ir-rikorrent jista’ jagħżel liema suġġetti jrid eżegwit.

L-oġġetti li ma jiġux innegozjati ma jistgħux ikunu soġġetti għal eżekuzzjoni, u l-istess japplika għal oġġetti oħrajn, fejn dan ikun ipprojbit minn leġiżlazzjoni speċjali. Lanqas il-pretensjonijiet ibbażati fuq it-taxxa u tariffi oħrajn ma jistgħu jkunu soġġetti għal eżekuzzjoni.

Oġġetti, armi u tagħmir intenzjonat għad-difiża u oġġetti u faċilitajiet intenzjonati għax-xogħol tal-gvernijiet lokali u reġjonali u tal-awtoritajiet ġudizzjarji wkoll jistgħu ma jkunux soġġetti għal eżekuzzjoni.

Jekk oġġett jew dritt partikolari jistax ikun soġġett għal eżekuzzjoni, jiġifieri jekk l-eżekuzzjoni ta’ oġġett jew dritt kienx limitat, jiġi evalwat fir-rigward taċ-ċirkostanzi li kienu jeżistu fil-ħin li ġie ppreżentat ir-rikors għall-eżekuzzjoni, sakemm ma jiġix espliċitament previst mod ieħor mill-OZ.

4.2 X’inhuma l-effetti tal-miżuri eżekuttivi?

L-effetti bażiċi tal-miżuri ta’ eżekuzzjoni huma li d-drittijiet tad-debitur li jiddisponi mill-assi tiegħu huma ristretti.

Il-proċeduri ta’ eżekuzzjoni għall-proprjetà immobbli u l-proprjetà mobbli jirriżultaw fil-bejgħ ta’ proprjetà immobbli jew proprjetà mobbli sabiex tiġi ssodisfata l-pretensjoni tal-kreditur mill-ammont miksub mill-bejgħ.

Il-proċeduri ta’ eżekuzzjoni fuq pretensjonijiet finanzjarji jirriżultaw fil-konfiska u t-trasferiment lill-kreditur tal-pretensjoni pekunarja, sal-ammont meħtieġ sabiex tiġi ssodisfata l-pretensjoni.

4.3 X’inhi l-validità ta’ miżuri bħal dawn?

Il-miżuri ta’ eżekuzzjoni jibqgħu validi sat-terminazzjoni tal-proċedimenti ta' eżekuzzjoni, li sseħħ ladarba l-pretensjoni tal-kreditur tkun ġiet issodisfata għalkollox jew wara li jirtira r-rikors għall-eżekuzzjoni.

5 Hemm possibilità li d-deċiżjoni li tawtorizza din il-miżura tiġi appellata?

Id-debitur għandu d-dritt li:

• jippreżenta appell kontra mandat ta’ eżekuzzjoni maħruġ, jew

• iressaq ilment kontra deċiżjoni ta’ nutar pubbliku maħruġa fuq il-bażi ta’ dokument awtentiku.

Appell ammissibbli u f’waqtu kontra mandat ta’ eżekuzzjoni maħruġ fuq il-bażi ta’ dokument eżegwibbli ma jissospendix il-proċedimenti tal-eżekuzzjoni.

Ilment ammissibbli u f’waqtu kontra deċiżjoni ta’ nutar pubbliku maħruġa fuq il-bażi ta’ dokument awtentiku (ippreżentat lin-nutar pubbliku, iżda deċiż mill-qorti) jirridirezzjona l-proċedimenti għal kawża standard (klasična parnica) li tkompli tinstema’ quddiem il-qorti u li fiha l-partijiet, issa r-rikorrent (li qabel kien il-kreditur) u l-intimat (li qabel kien id-debitur), iridu jissostanzjaw l-argumenti tagħhom sabiex jiksbu suċċess fil-proċedimenti. Jekk il-prekundizzjonijiet preskritti mill-OZ ikunu ġew issodisfati, id-debitur għandu d-dritt li jissospendi l-proċedimenti ta' eżekuzzjoni.

6 Hemm xi limiti fuq l-eżekuzzjoni, b’mod partikolari relatati ma’ ħarsien tad-debitur jew preskrizzjonijiet?

Il-qorti tiddefinixxi l-eżekuzzjoni bil-mezzi u fuq l-oġġetti speċifikati fir-rikors għall-eżekuzzjoni. Jekk jiġu ssuġġeriti diversi mezzi u oġġetti, il-qorti, fuq suġġeriment tad-debitur, tillimita l-eżekuzzjoni għall-mezzi jew l-oġġetti magħżula, jekk dawn jitqiesu bħala suffiċjenti għall-issodisfar tal-pretensjoni.

Wieħed mill-prinċipji bażiċi tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni huwa li, meta jitwettqu l-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni u sigurtà, il-qorti tkun obbligata tirrispetta d-dinjità tad-debitur billi tiżgura li l-eżekuzzjoni tkun kemm jista’ jkun favorevoli.

Il-protezzjoni tad-debitur tiġi żgurata permezz tal-esklużjoni u l-limitazzjoni tal-oġġetti u l-mezzi li fuqhom, jew li bl-użu tagħhom, il-pretensjoni tal-kreditur tkun tista’ tiġi ssodisfata bil-forza matul il-proċedimenti ta' eżekuzzjoni, billi d-debitur jingħata ċerti garanziji proċedurali u materjali matul l-eżekuzzjoni u b’konnessjoni magħha. Din il-protezzjoni tintwera fl-aċċettazzjoni tal-prinċipju tal-legalità fid-determinazzjoni ta’ jekk l-eżekuzzjoni tkunx permessa, fid-determinazzjoni tal-oġġetti u l-mezzi ta' eżekuzzjoni u fil-proċedura użata sabiex il-pretensjoni tal-kreditur tiġi ssodisfata bil-forza.

Hemm limitazzjonijiet fuq l-eżekuzzjoni ta’ proprjetà immobbli relatata ma’ oġġetti li jistgħu ma jkunux soġġetti għal eżekuzzjoni, kif deskritt fl-Artikolu 91 tal-OZ.

Hemm limitazzjonijiet fuq l-eżekuzzjoni ta’ beni mobbli relatati ma’ oġġetti li jistgħu ma jkunux soġġetti għal eżekuzzjoni, kif deskritt fl-Artikolu 135 tal-OZ.

Hemm limitazzjonijiet fuq l-eżekuzzjoni ta’ pretensjonijiet pekunarji li huma deskritti fl-Artikolu 173 tal-OZ, filwaqt li l-Artikolu 172 tal-OZ jispeċifika liema mill-introjtu tad-debitur huwa eżentat mill-eżekuzzjoni.

L-Artikolu 212 tal-OZ jippreskrivi regoli speċjali dwar l-eżekuzzjoni ta’ mezzi finanzjarji li huma eżentati mill-eżekuzzjoni jew li l-eżekuzzjoni għalihom hija ristretta, filwaqt li l-Artikoli 241 u 242 tal-OZ jippreskrivu regoli speċjali dwar l-eżenzjoni u r-restrizzjoni tal-eżekuzzjoni għal entitajiet ġuridiċi.

Il-protezzjoni tad-debituri li huma persuni fiżiċi fi proċeduri ta’ eżekuzzjoni ta’ pretensjonijiet pekunarji hija prevista fl-Artikolu 75 tal-OZ, filwaqt li l-protezzjoni tal-entitajiet ġuridiċi hija prevista fl-Artikolu 76 tal-OZ.

Id-dispożizzjonijiet tal-OZ li jiddeskrivu r-restrizzjonijiet tal-eżekuzzjoni, jiġifieri li jeskludu ċerti oġġetti mill-eżekuzzjoni, jipprovdu protezzjoni għad-debitur matul il-proċedimenti ta' eżekuzzjoni.

 

Din il-paġna web hija parti minn L-Ewropa Tiegħek.

Nilqgħu l-feedback tiegħek dwar l-utilità tal-informazzjoni pprovduta.

Your-Europe

L-aħħar aġġornament: 06/02/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.