Kif tinforza deċiżjoni ta’ qorti

Belġju
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Xi tfisser eżekuzzjoni fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali?

Jekk debitur jonqos milli jikkonforma b'mod volontarju ma' sentenza, ir-rikorrent jista' jinforza l-konformità permezz tal-qrati; dan huwa magħruf bħala eżekuzzjoni obbligatorja. Dan jeħtieġ titolu li jkun eżekwibbli (l-Artikolu 1386 tal-Kodiċi Ġudizzjarju), għaliex jinvolvi l-intrużjoni fl-isfera legali personali tad-debitur. Dan it-titolu normalment ikun sentenza jew att notarili. B'rispett għall-privatezza tad-debitur, it-titolu jista' ma jkunx eżekwibbli f'ċerti żminijiet (l-Artikolu 1387 tal-Kodiċi Ġudizzjarju). It-titolu jiġi eżegwit minn uffiċjal ġudizzjarju.

L-eżekuzzjoni obbligatorja normalment tintuża biex jiġu rkuprati l-flus, iżda tista' tiġi applikata biex jiġi infurzat it-twettiq ta' att, jew jibqa' lura milli jitwettaq.

Aspett importanti ieħor huwa l-ħlas tal-penali (l-Artikolu 1385a tal-Kodiċi Ġudizzjarju). Dan huwa mezz kif issir pressjoni fuq il-persuna misjuba ħatja sabiex tiġi mħeġġa l-konformità ma' sentenza. Il-ħlas ta' penali ma jistax, madankollu, jiġi impost f'ċerti każijiet: meta l-persuna tkun ġiet ordnata tħallas somma flus jew tikkonforma ma' kuntratt ta' impjieg u meta jkun inkompatibbli mad-dinjità tal-bniedem. Il-ħlas ta' penali huwa infurzat fuq il-bażi tat-titolu li jipprovdi għalih u għalhekk mhuwa meħtieġ l-ebda titolu ulterjuri.

Fil-każ ta' persuna ordnata tħallas somma flus, it-talba hija infurzata kontra l-assi tad-debitur u hija magħrufa bħala ordni ta' sekwestru. Issir distinzjoni bejn it-tip ta' beni sekwestrati (mobbli jew immobbli) u n-natura tas-sekwestru (sekwestru kawtelatorju u sekwestru bħala eżekuzzjoni ta' sentenza). Is-sekwestru kawtelatorju jintuża f'każijiet ta' emerġenza biex il-beni jitqiegħdu taħt il-protezzjoni tal-qorti: is-sitwazzjoni tiġi ffriżata sabiex tissalvagwardja kwalunkwe eżekuzzjoni sussegwenti. Is-sekwestrat ma jkollux aktar kontroll fuq il-beni u ma jistax ibigħhom jew jagħtihom lil ħaddieħor. Meta l-beni tad-debitur jiġu sekwestrati f'eżekuzzjoni ta' sentenza, dawn jinbiegħu u r-rikavat jingħata lir-rikorrent. Ir-rikorrent m'għandu l-ebda dritt għall-beni sekwestrati nfushom, iżda biss għar-rikavat mill-bejgħ tagħhom.

Barra minn hekk, mal-applikazzjoni tal-Artikolu 1445 et seq. tal-Kodiċi Ġudizzjarju, hemm ukoll l-ordni ta' sekwestru (ara hawn taħt).

Minbarra s-sekwestru kawtelatorju normali u s-sekwestru f'eżekuzzjoni ta' proprjetà mobbli u immobbli, hemm ukoll regoli speċjali għal sekwestru ta' vapuri (l-Artikoli 1467 sa 1480 u l-Artikoli 1545 sa 1559 tal-Kodiċi Ġudizzjarju), żgombru (l-Artikolu 1461 tal-Kodiċi Ġudizzjarju), rkupru (l-Artikoli 1462 sa 1466 tal-Kodiċi Ġudizzjarju) u s-sekwestru ta' frott u għelejjel mhux maħsuda (l-Artikoli 1529 sa 1538 tal-Kodiċi Ġudizzjarju). Fil-kumplament ta' dan id-dokument, sejrin nikkonċentraw biss fuq sekwestru normali.

2 Liema awtorità jew awtoritajiet huma kompetenti għall-eżekuzzjoni?

Uffiċjali ġudizzjarji u mħallfin ta' ordnijiet ta' sekwestru. Dawn tal-aħħar huma kompetenti biex jiddeċiedu f'tilwim relatat mal-eżekuzzjoni.

3 Liema huma l-kundizzjonijiet biex jingħataw titoli jew deċiżjonijiet li jkunu eżekuttivi?

3.1 Il-proċedura

2.1.1. Sekwestru kawtelatorju

Għal sekwestru kawtelatorju, fil-prinċipju huwa meħtieġ il-permess tal-imħallef tas sekwestri kawtelatorji u jrid ikun hemm raġunijiet ta' urġenza (l-Artikolu 1413 tal-Kodiċi Ġudizzjarju). L-awtorizzazzjoni għandha tintalab permezz ta' rikors ex parte (l-Artikolu 1417 tal-Kodiċi Ġudizzjarju). L-istess rikors ma jistax jintuża simultanjament għal sekwestru kawtelatorju ta' proprjetà mobbli u immobbli. Għal sekwestru ta' proprjetà immobbli, fi kwalunkwe każ dejjem hija meħtieġa talba separata.

L-imħallef ta' sekwestru għandu jieħu deċiżjoni mhux aktar tard minn tmint ijiem mit-tressiq tar-rikors (l-Artikolu 1418 tal-Kodiċi Ġudizzjarju). L-imħallef jista' jiddeċiedi li jirrifjuta l-permess jew li jagħtih b'mod sħiħ jew parzjalment lir-rikorrent. Id-deċiżjoni tal-imħallef ta' sekwestru trid tiġi nnotifikata lid-debitur. Id-deċiżjoni tinħareġ lill-uffiċjal ġudizzjarju, li mbagħad jieħu l-passi meħtieġa biex jinnotifikaha.

Hemm eċċezzjoni importanti waħda għal din ir-regola, fejn il-permess tal-imħallef ta' sekwestru mhux meħtieġ: kull sentenza tikkostitwixxi awtorizzazzjoni biex jiġi impost sekwestru kawtelatorju fir-rigward tas-sentenzi mogħtija (l-Artikolu 1414 tal-Kodiċi Ġudizzjarju). Hawnhekk, ukoll, trid tkun kwistjoni ta' urġenza. Is-sentenza sempliċiment trid tiġi mgħoddija lill-uffiċjal ġudizzjarju, li jieħu l-passi meħtieġa biex jissekwestra l-beni.

Is-sekwestru kawtelatorju jista' jinbidel f'sekwestru fl-eżekuzzjoni (l-Artikoli 1489 sa 1493 tal-Kodiċi Ġudizzjarju).

2.1.2. Ordni ta' sekwestru fl-eżekuzzjoni ta' sentenza

A. Ġenerali

L-ordni ta' sekwestru fl-eżekuzzjoni ta' sentenza tista' titwettaq biss taħt titolu li jkun infurzabbli (l-Artikolu 1494 tal-Kodiċi Ġudizzjarju). Is-sentenzi u l-atti jistgħu jkunu infurzabbli biss bil-preżentazzjoni ta' kopja attestata jew l-oriġinali, akkompanjata mill-formola normattiva stabbilita b'Digriet Irjali.

Is-sentenza tal-qorti tiġi nnotifikata lill-imputat minn qabel (l-Artikolu 1495 tal-Kodiċi Ġudizzjarju). Jekk it-titolu li jkun infurzabbli huwa sentenza, in-notifika minn qabel hija obbligatorja f'kwalunkwe każ, li jiġi nnotifikat id-debitur. Jekk it-titolu li jkun infurzabbli huwa att, madankollu, mhuwiex meħtieġ, għaliex id-debitur diġà jkun jaf bit-titolu. Il-perjodi permessi għar-reviżjoni jew għall-bidu tal-appell meta s-sentenza tiġi nnotifikata. Il-perjodi tal-appell għandhom l-effett li jissospendu l-ordni ta' sekwestru fl-eżekuzzjoni ta' sentenza (imma mhux sekwestru kawtelatorju) f'każijiet fejn il-parti tkun ġiet ordnata tħallas somma flus. L-eżekuzzjoni provviżorja (sentenza li tkun provviżorjament infurzabbli) tikkostitwixxi eċċezzjoni għall-effett sospensiv tal-proċeduri tar-reviżjoni jew tal-appell ordinarji.

It-tieni stadju fl-isforzi tar-rikorrent li jinforza l-bejgħ tal-proprjetà huwa l-ordni ta' ħlas (l-Artikolu 1499 tal-Kodiċi Ġudizzjarju). Dan huwa l-ewwel att ta' eżekuzzjoni u l-aħħar twissija għad-debitur, li jkun għadu jista' jevita l-ordni ta' sekwestru f'dan l-istadju. Hemm perjodu ta' stennija wara li tkun inħarġet l-ordni ta' ħlas ta' ġurnata għal ordni ta' sekwestru ta' proprjetà mobbli (l-Artikolu 1499 tal-Kodiċi Ġudizzjarju) u ta' 15-il jum għal proprjetà immobbli (l-Artikolu 1566 tal-Kodiċi Ġudizzjarju). L-ordni trid tiġi nnotifikata lid-debitur u tikkostitwixxi avviż ta' ksur u talba għall-ħlas. L-eżekuzzjoni obbligatorja tista' sservi biss biex tirkupra l-ammonti ddikjarati fl-ordni ta' ħlas.

Fl-aħħar tal-perjodu ta' stennija, il-beni jistgħu jiġu ssekwestrati. Dan isir permezz ta' taħrika tal-uffiċjal ġudizzjarju. L-eżekuzzjoni għalhekk issir permezz tal-intermedjarju ta' uffiċjal kompetenti. Dan l-uffiċjal huwa meqjus bħala l-aġent tar-rikorrent; il-funzjoni tiegħu hija stabbilita bil-liġi u huwa jopera taħt superviżjoni ġudizzjarja. Huwa għandu responsabbiltà kuntrattwali lejn ir-rikorrent u responsabbiltà mhux kuntrattwali lejn partijiet terzi (taħt il-liġi u għal raġunijiet ta' ksur tal-obbligu ġenerali ta' diliġenza).

Fi żmien tliet ijiem ta' xogħol, l-uffiċjal ġudizzjarju jibgħat avviż tal-ordni ta' sekwestru lir-Reġistru Ċentrali tal-avviżi tal-ordnijiet ta' sekwestru, delegazzjoni, ċessjoni, ħlas kollettiv ta' dejn u oġġezzjonijiet (Centraal Bestand van berichten van beslag, delegatie, overdracht en collectieve schuldenregeling en van protest) (l-Artikolu 1390, l-§1, tal-Kodiċi Ġudizzjarju). L-avviż huwa obbligatorju għal ordni ta' sekwestru kemm ta' beni mobbli kif ukoll ta' dawk immobbli. Mhux possibbli li titwettaq kwalunkwe ordni ta' sekwestru fl-eżekuzzjoni ta' sentenza jew proċedura għall-qsim tar-rikavat mingħajr l-ewwel ma jiġu kkonsultati l-avviżi ta' ordni ta' sekwestru fir-Reġistru Ċentrali tal-Avviżi (l-Artikolu 1391, l-§2, tal-Kodiċi Ġudizzjarju). Din ir-regola ġiet introdotta biex jiġu evitati ordnijiet ta' sekwestru bla bżonn u biex tiġi rinfurzata d-dimensjoni kollettiva tal-ordni ta' sekwestru.

B. Sekwestru fl-eżekuzzjoni ta' sentenza: beni mobbli

L-ordni ta' sekwestru fl-eżekuzzjoni ta' sentenza fuq beni mobbli teħtieġ ordni ta' ħlas, li d-debitur għandu d-dritt li jopponi. Is-sekwestru jitwettaq permezz ta' taħrika tal-uffiċjal ġudizzjarju u fl-ewwel istanza hija miżura ta’ prekawzjoni: il-beni ma jitteħdux u ma jkunx hemm tibdil fis-sjieda u l-użu tagħhom. Huwa possibbli wkoll li jiġu ssekwestrati beni f'post li mhuwiex id-dar tad-debitur u fuq il-post ta' parti terza.

Fil-każ ta' beni mobbli, l-ordni ta' sekwestru mhix limitata għal proċedura unika biss, imma virtwalment huwa inutli li titqiegħed it-tieni ordni ta' sekwestru fuq l-istess beni, meta jitqiesu l-ispejjeż involuti. Rigward id-diviżjoni proporzjonali tar-rikavat mill-bejgħ tal-beni tad-debitur, ir-rikorrenti barra minn dak li jkun wettaq l-ordni ta' sekwestru jkunu involuti (l-Artikolu 1627 et seq. tal-Kodiċi Ġudizzjarju).

Se jitfassal rapport uffiċjali tal-ordni ta' sekwestru. Il-beni ssekwestrati jinbiegħu l-aktar kmieni xahar wara li tiġi nnotifikata l-kopja tar-rapport uffiċjali tal-ordni ta' sekwestru. Dan id-dewmien huwa maħsub biex jagħti lid-debitur opportunità finali biex jevita l-bejgħ. Il-bejgħ irid jiġi reklamat lill-pubbliku permezz ta' posters u avviżi fil-gazzetti. Dan isir f'kamra tal-irkant jew f'suq pubbliku, sakemm ma ssirx talba għal post ieħor aktar xieraq. Jitwettaq minn uffiċjal ġudizzjarju, li jikteb rapport uffiċjali u jiġbor ir-rikavat mill-bejgħ. Fi żmien 15-il jum, l-uffiċjal ġudizzjarju jaqsam ir-rikavat proporzjonalment (l-Artikolu 1627 et seq. tal-Kodiċi Ġudizzjarju). Din il-proċedura normalment issir bonarjament, iżda fin-nuqqas ta' dan, il-kwistjoni titressaq quddiem l-imħallef tal-ordnijiet ta' sekwestru.

C. L-ordni ta' sekwestru fl-eżekuzzjoni ta' sentenza: beni immobbli (l-Artikoli 1560 sa 1626 tal-Kodiċi Ġudizzjarju)

L-eżekuzzjoni tibda bin-notifika tal-ordni ta' ħlas.

L-ordni ta' sekwestru mbagħad titwettaq l-aktar kmieni 15-il jum u mhux aktar tard minn sitt xhur wara, u fin-nuqqas ta' dan l-ordni ma tibqax legalment valida. It-taħrika tal-ordni ta' sekwestru trid imbagħad tiġi traskritta fir-rekords tar-reġistru ipotekarju fi żmien 15-il jum u tiġi nnotifikata fi żmien sitt xhur. L-att tat-traskrizzjoni tat-taħrika jagħmel il-proprjetà mhux disponibbli u jkun validu għal massimu ta' sitt xhur. In-nuqqas li tiġi traskritta t-taħrika jagħmel l-ordni ta' sekwestru invalida. Fil-każ tal-proprjetà immobbli, b'differenza għall-proprjetà mobbli, japplika l-prinċipju ta' ordni ta' sekwestru unika biss (il-proprjetà li tkun ġiet sekwestrata darba ma tistax tiġi sekwestrata għat-tieni darba).

L-aħħar pass ikun rikors lill-imħallef ta' sekwestru biex jaħtar nutar biex jieħu ħsieb il-bejgħ tal-beni u t-tlaqqigħ tal-kredituri. Id-debitur jista' jippreżenta dikjarazzjoni ta' oppożizzjoni lill-imħallef ta' sekwestru kontra l-azzjonijiet tan-nutar maħtur. Ir-regoli dettaljati dwar il-bejgħ tal-beni huma stabbiliti b'mod ċar bil-liġi (ara l-Artikoli 1582 et seq. tal-Kodiċi Ġudizzjarju). Il-bejgħ huwa normalment pubbliku, iżda fuq l-inizjattiva tal-imħallef jew fuq talba tar-rikorrent li jsir is-sekwestru huwa possibbli li jsir bejgħ privat. Ir-rikavat mill-bejgħ imbagħad jinqasam bejn il-kredituri differenti skont l-ordni ta' prijorità maqbula (tlaqqigħ) (ara l-Artikoli 1639 sa 1654 tal-Kodiċi Ġudizzjarju). It-tilwim dwar it-tlaqqigħ tal-kredituri jiġi mgħoddi lill-imħallef tas-sekwestru.

2.1.3. Sekwestru (Garnishment)

Garnishment huwa s-sekwestru ta' pretensjonijiet li d-debitur għandu mingħand parti terza (eż. għal qligħ mingħand l-impjegatur tiegħu). Din il-parti terza hija għalhekk id-debitur sekondarju tar-rikorrent li qed jagħmel is-sekwestru. Garnishment (beslag onder derden) mhuwiex l-istess bħal sekwestru ta' beni li jappartjenu għad-debitur iżda li jinsabu fuq il-post ta' parti terza (beslag bij derden).

It-talba li tikkostitwixxi r-raġunijiet għal sekwestru hija t-talba tal-kreditur tal-ordni ta' sekwestru fuq id-debitur sekwestrat. It-talba li hija ssekwestrata hija t-talba li s-sekwestrat għandu fuq parti terza / debitur sekondarju.

Ir-regoli dettaljati dwar il-garnishment jinsabu fl-Artikoli 1445 sa 1460 tal-Kodiċi Ġudizzjarju (sekwestru kawtelatorju) u fl-Artikoli 1539 sa 1544 tal-Kodiċi Ġudizzjarju (sekwestru fl-eżekuzzjoni ta' sentenza).

2.1.4. Spejjeż

Minbarra l-ispejjeż legali, ikun hemm l-ispejjeż tal-uffiċjal ġudizzjarju biex jitqiesu f'każijiet ta' ordni ta' sekwestru. It-tariffi għas-servizzi uffiċjali tal-uffiċjal ġudizzjarju huma stabbiliti fid-Digriet Irjali tat-30 ta' Novembru 1976 li jistabbilixxi r-rati għal atti ta' uffiċjali ġudizzjarji u kwistjonijiet kummerċjali u r-rata għal ċerti ħlasijiet addizzjonali (Koninklijk Besluit van 30 november 1976 tot vaststelling van het tarief voor akten van gerechtsdeurwaarders in burgerlijke en handelszaken en van het tarief van sommige toelagen) (ara l-Ġustizzja Federali għas-Servizz Pubbliku (Service public fédérale Justice/Federale Overheidsdienst Justitie)).

3.2 Il-kundizzjonijiet ewlenin

A. Sekwestru kawtelatorju

Kwalunkwe rikorrent b'talba li turi ċerti karatteristiċi jista' jeżerċita sekwestru kawtelatorju, irrispettivament mill-valur tal-beni ssekwestrati u l-ammont tat-talba (ara l-Artikolu 1413 tal-Kodiċi Ġudizzjarju).

L-ewwel prekundizzjoni għal din it-tip ta' ordni ta' sekwestru hija l-urġenza: is-solvenza tad-debitur trid tkun fil-periklu, bir-riżultat li l-bejgħ sussegwenti tal-assi jkun ipperikolat. Id-deċiżjoni dwar jekk din il-kundizzjoni hijiex issodisfata tittieħed mill-qorti fuq il-bażi tal-kriterji oġġettivi. Irid ikun hemm urġenza, mhux biss fil-ħin li ssir l-ordni ta' sekwestru, iżda wkoll meta ssir valutazzjoni tal-ħtieġa li titkompla l-ordni ta' sekwestru. Hemm ftit eċċezzjonijiet għal din il-kundizzjoni: ordni ta' sekwestru fil-każ ta' falsifikazzjoni, ordni ta' sekwestru għal dejn fuq kambjali u l-eżekuzzjoni ta' sentenza ta' qorti barranija.

It-tieni kundizzjoni għal sekwestru kawtelatorju hija li r-rikorrent irid ikollu talba. Jekk tkun meħtieġa talba, din trid tissodisfa ċerti kundizzjonijiet (l-Artikolu 1415 tal-Kodiċi Ġudizzjarju): trid tkun definittiva (mhux kundizzjonali), pagabbli (tapplika wkoll għal garanziji għal talbiet futuri) u fissa (l-ammont ikun ġie ddeterminat jew jista' jiġi ddeterminat). In-natura u l-ammont tat-talba, min-naħa l-oħra, huma immaterjali. L-imħallef ta' sekwestru jiddeċiedi jekk dawn il-kundizzjonijiet ġewx issodisfati, iżda l-qorti li sussegwentement tkun qed tisma' l-każ ma tkunx marbuta b'din id-deċiżjoni.

It-tielet, ir-rikorrent li qed jitlob sekwestru kawtelatorju jrid ikun kompetenti biex jagħmel dan. Dan huwa att ta' kontroll (mhux użu) li jista', jekk meħtieġ, jitwettaq minn rappreżentant legali.

Il-permess tal-imħallef tas-sekwestru huwa meħtieġ sakemm ir-rikorrent ma jkunx diġà kiseb sentenza (ara hawn fuq). Madankollu, dan mhuwiex meħtieġ għal garnishment jew sekwestru kawtelatorju jew għal rikorrenti li jkunu diġà kisbu sentenza (l-Artikolu 1414 tal-Kodiċi Ġudizzjarju: kwalunkwe sentenza tikkostitwixxi titolu li jkun infurzabbli). L-atti notarili jipprovdu wkoll titolu li jkun infurzabbli.

B. Sekwestru fl-eżekuzzjoni ta' sentenza

Anke għal ordni ta' sekwestru fl-eżekuzzjoni ta' sentenza huwa meħtieġ titolu li jkun infurzabbli (l-Artikolu 1494 tal-Kodiċi Ġudizzjarju). Din tista' tkun deċiżjoni ġudizzjarja, strument awtentiku, mandat ta' eżekuzzjoni mill-awtoritajiet tat-taxxa, sentenza ta' qorti barranija bl-exequatur, eċċ.

It-talba trid tkun stabbilita f'att li jissodisfa ċerti kriterji. Bħal fis-sekwestru kawtelatorju, it-talba trid tkun ċerta, fissa u pagabbli. It-tieni paragrafu tal-Artikolu 1494 tal-Kodiċi Ġudizzjarju jgħid li l-ordni ta' sekwestru li tkun saret sabiex jinkiseb il-ħlas ta' introjtu dovut f'pagamenti akkont tapplika wkoll għal pagamenti akkont futuri, meta dawn isiru dovuti.

It-titolu jrid ikun attwali wkoll. L-imħallef tas-sekwestri ma jikkunsidrax it-titolu bħala attwali jekk il-kreditur li jkun għamel is-sekwestru ma jkunx aktar rikorrent jew jekk it-talba kollha jew parti minnha ma tkunx baqgħet attiva (għaliex hija preskritta jew tkun tħallset jew inkella ġiet issodisfata).

4 L-għan u n-natura ta’ miżuri eżekuttivi

4.1 Liema tipi ta’ assi jistgħu jkunu suġġetti għall-eżekuzzjoni?

A. Ġenerali

Il-beni mobbli u immobbli biss li huma proprjetà tad-debitur jistgħu jiġu ssekwestrati. Il-beni li jappartjenu għal parti terza ma jistgħux jiġu ssekwestrati għalkemm huwa irrilevanti fil-pussess ta' min ikunu f'dak iż-żmien il-beni tad-debitur. Għalhekk huwa possibbli li jiġu ssekwestrati beni fuq il-post ta' parti terza, soġġett għall-awtorizzazzjoni tal-qorti (l-Artikolu 1503 tal-Kodiċi Ġudizzjarju).

Ir-rikorrent jista' fil-prinċipju jirkupra d-dejn biss mill-assi attwali tad-debitur. Huwa biss jekk id-debitur b'mod diżonest irendi lilu nnifsu insolventi jkun possibbli wkoll li jiġu ssekwestrati l-assi ta' qabel tiegħu. Is-sekwestru ta' assi futuri huwa wkoll normalment eskluż, bl-eċċezzjoni ta' talbiet futuri.

Id-dħul mill-beni ssekwestrati fil-prinċipju jibqa' mas-sekwestrat fil-każ ta’ sekwestru kawtelatorju. Fil-każ ta' ordni ta' sekwestru fl-eżekuzzjoni ta' sentenza, madankollu, id-dħul huwa wkoll soġġett għal ordni ta' sekwestru u għalhekk imur għand il-kreditur tal-ordni ta' sekwestru.

Huwa possibbli li jiġi ssekwestrat il-patrimonju indiviż, imma l-bejgħ furzat tal-proprjetà jiġi mbagħad sospiż sakemm il-patrimonju jkun ġie diviż (ara, pereżempju, l-Artikolu 1561 tal-Kodiċi Ġudizzjarju). Regoli speċjali japplikaw għall-konjuġi.

B. Beni eliġibbli għal ordni ta' sekwestru

Il-beni jridu jkunu eliġibbli għal ordni ta' sekwestru. Ċerti beni ma jistgħux jiġu ssekwestrati. L-eżenzjoni tagħhom mill-ordni ta' sekwestru trid tkun minħabba dispożizzjoni statutorja, jew minħabba n-natura tal-beni jew il-fatt li għandhom assoċjazzjoni personali stretta mad-debitur. Mhuwiex possibbli, pereżempju, li jiġu eżentati beni mill-ordni ta' sekwestru fuq il-bażi tal-iskop tagħhom. Il-beni li ġejjin għalhekk mhumiex eliġibbli għal ordni ta' sekwestru:

  • Il-beni elenkati fl-Artikolu 1408 tal-Kodiċi Ġudizzjarju. Din ir-restrizzjoni ġiet introdotta sabiex tiggarantixxi kundizzjonijiet tal-għajxien raġjonevoli għad-debitur u għall-familja tiegħu.
  • Il-beni li m'għandhomx valur tal-bejgħ u għalhekk mhuma tal-ebda użu għar-rikorrent.
  • Il-beni li huma inaljenabbli għaliex huma tant assoċjati mill-qrib mad-debitur personalment.
  • Il-beni esklużi mis-sekwestru permezz ta' leġiżlazzjoni speċifika (pereż. id-dħul u l-pagi ta' minorenni, kotba u mużika mhux ippubblikati, l-introjtu tal-priġunieri mix-xogħlijiet fil-ħabs).
  • Il-pagi (ordni ta' sekwestru tal-qligħ) u talbiet simili huma normalment eliġibbli għal ordni ta' sekwestru sa ċertu punt biss (ara l-Artikoli 1409, 1409a u 1410, l-§ 1 tal-Kodiċi Ġudizzjarju). Dan jinkludi, pereżempju, pagamenti ta' manteniment mogħtija mill-qorti lill-konjuġi mhux ħatja. Ċerti pagamenti, bħad-dħul minimu għall-għajxien, madankollu, huma kompletament esklużi mill-ordni ta' sekwestru (ara l-Artikolu 1410, l-§ 2 tal-Kodiċi Ġudizzjarju). Madankollu, ir-restrizzjonijiet dwar l-eliġibbiltà għal sekwestru ma japplikawx għar-rikorrenti li jkunu qed ifittxu li jirkupraw il-manteniment dovut, liema talbiet jieħdu preċedenza (ara l-Artikolu 1412 tal-Kodiċi Ġudizzjarju).

Fil-passat il-gvern kien igawdi mill-immunità minn azzjonijiet infurzabbli, bir-riżultat li ma kienx possibbli li tiġi ssekwestrata proprjetà tal-gvern. Dan issa ġie mmodifikat xi ftit bl-Artikolu 1412a tal-Kodiċi Ġudizzjarju.

Hemm regoli speċjali li jirregolaw is-sekwestru ta' vapuri u inġenji tal-ajru (għal sekwestru kawtelatorju: ara l-Artikoli 1467 sa 1480 tal-Kodiċi Ġudizzjarju u għal sekwestru fl-eżekuzzjoni ta' sentenza: ara l-Artikoli 1545 sa 1559 tal-Kodiċi Ġudizzjarju).

C. Kantonnement

Meta oġġett huwa ssekwestrat, is-sekwestru normalment japplika għall-oġġett fl-intier tiegħu, anke jekk il-valur tiegħu jaqbeż l-ammont tat-talba. Dan huwa ta' żvantaġġ kbir għad-debitur, għaliex l-oġġett isir kompletament mhux disponibbli għalih. Il-leġiżlatur Belġjan għalhekk ipprovda għal arranġament ta' depożitu ġudizzjarju (kantonnement): Id-debitur jiddepożita ċertu somma u jkun jista' jerġa' jikseb l-użu tal-proprjetà tiegħu (ara l-Artikoli 1403 sa 1407a tal-Kodiċi Ġudizzjarju).

4.2 X’inhuma l-effetti tal-miżuri eżekuttivi?

A. Ordni ta' sekwestru

Mill-mument li l-beni jiġu ssekwestrati, id-debitur jitlef id-dritt li jiddisponi minnhom. L-ordni ta' sekwestru, madankollu, ma tagħtix pretensjoni preferenzjali lill-kreditur tal-ordni ta' sekwestru. L-iskwalifika tfisser li d-debitur ma jkollux aktar permess jaljenahom jew jipotekahom. Madankollu, il-beni jibqgħu fil-pussess tad-debitur. F'termini prattiċi, m'hemmx tibdil fis-sitwazzjoni; is-sitwazzjoni legali hija, madankollu, differenti.

Il-penali għall-kontravvenzjoni ta' din l-iskwalifika hija li l-azzjonijiet meħuda mis-sekwestrat ma jkunux vinkolanti fuq il-kreditur tal-ordni ta' sekwestru.

Din l-iskwalifika hija, madankollu, relattiva biss, fis-sens li tapplika biss għall-vantaġġ tal-kreditur li għamel is-sekwestru. Rikorrenti oħra xorta jkollhom jittolleraw il-fluttwazzjonijiet fl-assi tad-debitur. Madankollu, din hija kwistjoni sempliċi għalihom li jassoċjaw ruħhom mal-ordni ta' sekwestru li tkun diġà ngħatat.

L-iskwalifika hija l-ewwel stadju fil-proċess tal-bejgħ tal-assi. Il-beni jaqgħu taħt il-kontroll tal-qorti. L-ordni ta' sekwestru fl-eżekuzzjoni ta' sentenza għalhekk ukoll għandha funzjoni ta' prekawzjoni fl-ewwel istanza.

B. Garnishment

Din il-forma ta' ordni ta' sekwestru tneħħi l-kontroll minn fuq it-talba ssekwestrata kollha, irrispettivament mill-valur tat-talba li kienet il-bażi tar-raġunijiet għall-ordni ta' sekwestru. Il-garnishee jista' jagħmel pagament parzjali (kantonneren). L-azzjonijiet li jimminaw it-talba ma jkunux infurzabbli kontra l-kreditur tal-ordni ta' sekwestru. Meta l-garnishment ikun ġie nnotifikat, ma jistax ikun hemm aktar ħlasijiet bejn is-sekwestrat u l-garnishee.

4.3 X’inhi l-validità ta’ miżuri bħal dawn?

A. Sekwestru kawtelatorju

Is-sekwestru kawtelatorju huwa validu sa tliet snin. Fil-każ ta' ordni ta' sekwestru ta' proprjetà mobbli u ta' garnishment, il-perjodu ta' tliet snin jibda mid-data tal-ordni jew tal-mandat (l-Artikoli 1425 u 1458 tal-Kodiċi Ġudizzjarju). Fil-każ ta' ordni ta' sekwestru ta' proprjetà immobbli, id-data tat-transkrizzjoni fir-rekords tar-reġistru ipotekarju timmarka l-bidu tal-perjodu ta' tliet snin (l-Artikolu 1436 tal-Kodiċi Ġudizzjarju).

Il-perjodu jista' jiġi estiż jekk ikun hemm raġunijiet fuq bażi soda biex dan isir (l-Artikoli 1426,1459 u 1437 tal-Kodiċi Ġudizzjarju).

B. Ordni ta' sekwestru fl-eżekuzzjoni ta' sentenza

Fil-każ ta' ordni ta' sekwestru fl-eżekuzzjoni ta' sentenza, l-ordni biss li tippreċedi l-ordni ta' sekwestru hija soġġetta għal perjodu massimu ta' validità. Għal din it-tip ta' ordni ta' sekwestru, il-perjodu huwa għaxar snin fil-każ ta' proprjetà mobbli (il-limitu ta' żmien normali, għaliex ma tapplika l-ebda dispożizzjoni speċjali) u sitt xhur fil-każ ta' proprjetà immobbli (l-Artikolu 1567 tal-Kodiċi Ġudizzjarju). Fil-każ ta' ordni ta' sekwestru ta' vapuri, il-perjodu huwa ta' sena (l-Artikolu 1549 tal-Kodiċi Ġudizzjarju).

5 Hemm possibilità li d-deċiżjoni li tawtorizza din il-miżura tiġi appellata?

A. Sekwestru kawtelatorju

Jekk l-imħallef ta' sekwestri jirrifjuta permess għal sekwestru kawtelatorju, il-kwerelant (jiġifieri r-rikorrent) jista' jippreżenta appell kontra d-deċiżjoni lill-Qorti tal-Appell fi żmien xahar. Din hija proċedura ex parte. Jekk l-ordni ta' sekwestru titħalla mal-appell, id-debitur ikollu d-dritt li jistitwixxi proċeduri ta' parti terza kontra d-deċiżjoni (ara l-Artikolu 1419 tal-Kodiċi Ġudizzjarju).

Jekk l-imħallef tas-sekwestru jawtorizza ordni ta' sekwestru kawtelatorju, id-debitur jew kwalunkwe parti interessata oħra jista' jibda proċedimenti ta' parti terza kontra d-deċiżjoni. L-iskadenza biex isir dan hija ta' xahar u l-proċedimenti jinbdew fil-qorti li tat id-deċiżjoni. Il-qorti mbagħad tiddeċiedi fi proċedura kontenzjuża. Il-proċeduri ta' parti terza normalment ma jkollhomx effett sospensiv (ara l-Artikoli 1419 u 1033 tal-Kodiċi Ġudizzjarju).

Meta s-sekwestru kawtelatorju jkun jista' jiġi impost mingħajr awtorizzazzjoni ġudizzjarja, id-debitur jista' jappella kontrih billi jitlob lill-imħallef tas-sekwestru biex jitneħħa s-sekwestru (l-Artikolu 1420 tal-Kodiċi Ġudizzjarju). Din hija l-proċedura li topponi s-sekwestru u tiġi trattata bħal fi proċedimenti proviżorji, jekk meħtieġ flimkien mal-impożizzjoni tal-pagament ta' penali. Ir-raġunijiet għat-talba jistgħu jkunu n-nuqqas ta' urġenza (Cass. 14 ta' Settembru 1984, Arr. Cass. 1984-85, 87).

Jekk ikun hemm tibdil fiċ-ċirkostanzi, is-sekwestrat (billi jħarrek il-partijiet kollha biex jidhru quddiem l-imħallef ta' sekwestru) jew il-kreditur tal-ordni ta' sekwestru jew intermedjarju (permezz ta' rikors) jista' japplika mal-imħallef ta' sekwestru biex jemenda jew jirtira l-ordni ta' sekwestru.

B. Ordni ta' sekwestru fl-eżekuzzjoni ta' sentenza

Id-debitur jista' jippreżenta dikjarazzjoni ta' oppożizzjoni għall-ordni ta' ħlas, biex b'hekk jikkontesta l-validità legali tagħha. M'hemmx limitu ta' żmien statutorju għal dan, u l-oppożizzjoni m'għandhiex effett sospensiv. Ir-raġunijiet għall-oppożizzjoni jinkludu difetti proċedurali u talba għal perjodu ta' grazzja (jekk it-titolu infurzabbli huwa att notarili).

Id-debituri jistgħu jippreżentaw dikjarazzjoni ta' oppożizzjoni mal-imħallef ta' sekwestru kontra l-bejgħ tal-beni tagħhom, iżda din l-oppożizzjoni lanqas m'għandha effett sospensiv.

Ir-rikorrenti barra mill-kreditur li għamel is-sekwestru jistgħu jopponu l-prezz tal-bejgħ, iżda mhux il-bejgħ innifsu.

Parti terza li ssostni li hija s-sid tal-beni ssekwestrati tista' wkoll tippreżenta dikjarazzjoni ta' oppożizzjoni mal-imħallef ta' sekwestru (l-Artikolu 1514 tal-Kodiċi Ġudizzjarju). Din hija proċedura ta' rkupru u għandha effett sospensiv.

Il-parti li tixtieq tinforza s-sentenza tirċievi biss kopja attestata waħda. Din tinħareġ mir-reġistru bi ħlas ta' miżata (miżata tal-ħruġ).

Forma infurzabbli:

"Aħna, Filip, Re tal-Belġjani,

Lil dawk kollha preżenti u li ġejjin, ikun magħruf li:

  • Aħna nordnaw u nikkmandaw li l-uffiċjali ġudizzjarji kollha għandhom jeżegwixxu din is-sentenza, deċiżjoni, ordni jew att;
  • Li l-Prokuraturi Ġenerali u l-Prosekuturi Ġenerali tagħna fil-qrati tal-ewwel istanza għandhom jinfurzawha u li l-kmandanti u l-uffiċjali kollha tal-awtoritajiet pubbliċi għandhom jagħtu l-assistenza tagħhom jekk meħtieġ bil-liġi biex jagħmlu dan;
  • B'xhieda ta' dan, din is-sentenza, deċiżjoni, ordni jew att ġiet iffirmata u ssiġillata bis-siġill tal-qorti jew tan-nutar."

Għal azzjonijiet relatati mal-eżekuzzjoni tas-sentenza jew tal-att, l-uffiċjal ġudizzjarju għandu jwieġeb lill-imħallef tal-ordnijiet ta' sekwestru. Fi kwistjonijiet ta' etika, huwa għandu jwieġeb lis-servizz tal-prosekuzzjonijiet pubbliċi u lill-fergħa reġjonali tal-kamra tal-uffiċjali ġudizzjarji.

Ir-reġistru fil-post fejn jinsabu l-beni (l-Artikolu 1565 tal-Kodiċi Ġudizzjarju). Ir-reġistru jipprovdi informazzjoni dwar il-proprjetà immobbli, eż. id-drittijiet tal-proprjetà, ipoteki maħruġa kontra l-proprjetà.

jiġifieri l-partijiet kollha jidhru fil-każ.

6 Hemm xi limiti fuq l-eżekuzzjoni, b’mod partikolari relatati ma’ ħarsien tad-debitur jew preskrizzjonijiet?

Il-Kodiċi Ġudizzjarju fih diversi regoli rigward il-beni li mhumiex eliġibbli għal ordni ta' sekwestru (l-Artikoli 1408 sa 1412c tal-Kodiċi Ġudizzjarju).

Il-kredituri ma jistgħux isegwu talbiet kontra ċerti beni mobbli tanġibbli: li huma meħtieġa għall-ħajja ta' kuljum tas-sekwestrati u tal-familji tagħhom; għas-segwitu tal-professjoni tagħhom; jew għall-kontinwazzjoni tat-taħriġ jew tal-istudji tas-sekwestrati jew tat-tfal dipendenti tagħhom li jgħixu fl-istess indirizz (ara l-Artikolu 1408 tal-Kodiċi Ġudizzjarju). L-eżenzjoni parzjali mill-ordni ta' sekwestru u miċ-ċessjoni tapplika għad-dħul mix-xogħol u minn attivitajiet oħra, kif ukoll għal benefiċċji, pensjonijiet u dħul ieħor.

Il-livelli limitu li fuqhom hija bbażata l-eżenzjoni sħiħa jew parzjali mill-ordni ta' sekwestru huma stabbiliti fl-Artikolu 1409, l-§ 1 tal-Kodiċi Ġudizzjarju u jiġu indiċjati kull sena. L-ammonti progressivi tas-segmenti ta' ammonti eliġibbli għal ordni ta' sekwestru jew ċessjoni jiżdiedu jekk id-debitur ikollu tfal dipendenti.

It-talba legali bil-għan ta' eżekuzzjoni tas-sentenza tal-qorti hija fil-prinċipju suġġett għall-perjodu ġenerali ta' limitazzjoni, jiġifieri 10 snin.

L-aħħar aġġornament: 03/08/2017

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Feedback

Uża l-formola li ġejja biex taqsam il-kummenti u l-feedback tiegħek fis-sit web ġdid tagħna