Talba għall-ħlas tad-danni mingħand min ikun wettaq ir-reat

Slovakkja

Il-kontenut ipprovdut minn
Slovakkja

Kif nista’ nagħmel talba għall-ħlas tad-danni jew mezzi oħra ta’ rimedju/sodisfazzjon minn awtur ta’ reat fi proċess (proċedimenti kriminali), u lil min għandi nindirizza din it-talba?

Id-dritt għal kumpens kontra trasgressur jista’ jintalab fil-proċedimenti kriminali b’mod orali fil-minuti tas-seduta jew b’petizzjoni miktuba speċifika. Vittma li hi intitolata skont il-liġi li titlob kumpens kontra l-imputat għad-danni kkawżati minn reat kriminali tkun intitolata wkoll li tippreżenta petizzjoni quddiem il-qorti biex din tordna lill-imputat iħallas kumpens għad-danni meta taqta’ s-sentenza; il-vittma trid tagħmel din il-petizzjoni sa mhux aktar tard minn tmiem l-investigazzjoni jew l-investigazzjoni sommarja. Il-petizzjoni trid tagħmel ċari r-raġunijiet għat-talba u l-ammont tal-kumpens imfittex. Il-vittma tiġi avżata dwar id-dritt għal kumpens u l-proċedura biex teżerċita dan id-dritt matul is-seduta.

Jekk ikun hemm tħassib raġonevoli li s-sodisfazzjon tat-talba tal-vittma għall-kumpens tad-danni kkawżati mir-reat ser tkun imxekkla jew impedita, it-talba sal-ammont probabbli tad-danni tista’ tiġi garantita fuq il-proprjetà jew fuq drittijiet oħra tal-proprjetà tal-imputat. Il-qorti tiddeċiedi dwar is-sekwestru fuq il-bażi ta’ petizzjoni mill-prosekutur jew mill-vittma; fil-fażi ta’ qabel il-proċess, il-prosekutur jiddeċiedi fuq il-bażi ta’ petizzjoni mill-vittma; fil-fażi ta’ qabel il-proċess, il-prosekutur jista’ jiggarantixxi t-talba anki mingħajr petizzjoni mill-vittma jekk il-protezzjoni tal-interessi tal-vittma tkun tesiġi hekk, speċjalment jekk ikun hemm riskju ta’ dewmien.

F’liema punt fil-proċedimenti kriminali għandi nippreżenta talba?

Biex it-talba għal kumpens tad-danni tintlaqa’ fi proċedimenti kriminali, it-talba trid tiġi ppreżentata mill-vittma sa tmiem l-investigazzjoni jew l-investigazzjoni sommarja.

X’nista’ nitlob fit-talba u kif għandi nippreżentaha (nindika ammont totali u/jew nispeċifika t-telf individwali, il-profitti u l-imgħaxijiet mitlufa)?

Sabiex qorti tikkunsidra talba għad-danni fi proċedimenti kriminali, il-vittma trid tippreżenta t-talba b’mod xieraq u fil-ħin. Talba għad-danni ppreżentata sa mhux aktar tard minn tmiem l-investigazzjoni titqies li hi talba fil-ħin, u dan ifisser li, fil-prinċipju, ikun hemm bżonn li l-preżentazzjoni ssir qabel l-eżaminazzjoni finali tal-fajl tal-investigazzjoni. It-talba asserita għall-kumpens trid tagħmel ċari r-raġunijiet għat-talba u l-ammont tal-kumpens li tkun qed titlob il-vittma. Imbagħad il-qorti tkun marbuta bl-ammont tad-danni mitlub mill-vittma matul il-proċedimenti kriminali.

Hemm formola speċifika għal talbiet bħal dawn?

Le.

X’evidenza rrid nippreżenta biex insostni t-talba tiegħi?

Matul l-investigazzjoni, ikun hemm bżonn li tiġi ppreżentata evidenza li turi r-raġonevolezza tat-talba għad-danni u li minnha jkun possibbli li jiġi dedott b’mod affidabbli l-ammont tad-dannu mġarrab. Fil-każ ta’ offiża fuq il-persuna, matul l-investigazzjoni jista’ jiġi assenjat espert biex jivvaluta l-ammont ta’ offiża fuq il-persuna.

Hemm xi tariffi tal-qorti jew spejjeż oħra marbuta mat-talba tiegħi?

Ma hemm ebda tariffa marbuta mat-talba tad-danni fi proċedimenti kriminali.

Nista’ nikseb għajnuna legali qabel u/jew waqt il-proċedimenti? Nista’ nirċiviha anke jekk ma nkunx qed ngħix fil-pajjiż fejn iseħħu l-proċedimenti?

Meta vittma tagħmel talba għal kumpens u ma jkollhiex biżżejjed riżorsi biex tħallas l-ispejjeż assoċjati, fil-fażi ta’ qabel il-proċess il-prosekutur, jew inkella l-imħallef li jippresjedi fi proċess, jista’ jaħtar solicitor bħala r-rappreżentant tagħha, wara li titressaq l-akkuża, anki mingħajr petizzjoni jekk dan jitqies neċessarju biex jipproteġi l-interessi tal-vittma. Il-vittma trid turi bil-provi li hi m’għandhiex biżżejjed riżorsi.

Fl-ewwel kuntatt mal-vittma, awtorità tal-prosekuzzjoni kriminali tkun meħtieġa tipprovdilha informazzjoni f’forma bil-miktub dwar drittijietha fil-prosekuzzjoni kriminali u dwar l-organizzazzjonijiet ta’ appoġġ għall-vittmi, inklużi s-servizzi pprovduti minnhom. Anki l-pariri legali huma parti minn dawn is-servizzi.

Meta tista’ l-qorti kriminali tiċħad jew tirrifjuta li tiddeċiedi dwar it-talba tiegħi kontra min wettaq ir-reat?

Jekk l-eżitu tal-evidenza ma jkunx bażi għad-dikjarazzjoni tal-obbligu għal kumpens jew jekk tkun neċessarja evidenza addizzjonali li tmur lil hinn mill-ħtiġijiet tal-prosekuzzjoni biex tittieħed deċiżjoni dwar l-obbligu għal kumpens.

Nista’ nappella kontra din id-deċiżjoni jew infittex mezzi oħra ta’ rimedju/sodisfazzjon?

Iva, il-vittma tista’ tappella kontra deċiżjoni bħal din b’rabta mat-talba għad-danni.

Jekk l-appell tal-vittma ma jintlaqax, imbagħad il-vittma tkun tista’ tippreżenta t-talba tagħha għad-danni direttament kontra l-konvenut fi proċedimenti ċivili. Fil-każ ta’ reati vjolenti, il-vittma tista’ titlob lill-Ministeru tal-Ġustizzja biex jikkumpensa għall-offiża fuq il-persuna u għad-dannu morali fil-każ ta’ ċerti reati kontra l-libertà u d-dinjità umana.

Jekk ningħata kumpens għad-danni mill-qorti, kif nista’ nkun żgur li s-sentenza tiġi eżegwita kontra min wettaq ir-reat u x’għajnuna nista’ nikseb biex niżgura dan?

F'każ li t-trasgressur jonqos minn jeddu milli jissodisfa l-obbligi tiegħu, kif ordnati mill-qorti fi proċedimenti kriminali, il-vittma tikseb ordni ta’ infurzar meta t-tali deċiżjoni tal-qorti ssir eżegwibbli, li hi tkun tista’ tapplika kontra t-trasgressur fl-ambitu tal-infurzar obbligatorju tad-deċiżjoni fi proċedimenti ta’ infurzar. F’każijiet bħal dawn, il-vittma tista’ tfittex għajnuna legali mingħand solicitor.

L-aħħar aġġornament: 06/05/2019

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Feedback

Uża l-formola li ġejja biex taqsam il-kummenti u l-feedback tiegħek fis-sit web ġdid tagħna