Talba għall-ħlas tad-danni mingħand min ikun wettaq ir-reat

Lussemburgu

Il-kontenut ipprovdut minn
Lussemburgu

Kif nista’ nagħmel pretensjoni għall-ħlas tad-danni jew mezzi oħra ta’ rimedju/sodisfazzjon minn awtur ta’ reat fi proċess (proċedimenti kriminali), u lil min għandi nindirizza din il-pretensjoni?

Hemm diversi modi kif jintalbu danni mingħand l-awtur tar-reat.

Sabiex il-qorti kriminali jkollha raġuni biex tiddeċiedi dwar il-kumpens, il-vittma għandha tfittex lill-awtur tar-reat għad-danni fil-proċedimenti kriminali bħala parti ċivili u titlob kumpens ġust mingħandu, meta dan jinstab ħati. Il-vittma m’għandhiex għalfejn tidher waqt is-seduta. Hija tista' tkun rappreżentata minn avukat u tissottometti t-talbiet tagħha bil-miktub qabel is-seduta.

Barra minn hekk, il-Liġi emendata tat-12 ta’ Marzu 1984 dwar il-kumpens għal ċerti vittmi ta' ħsara fuq il-persuna li tirriżulta minn reat tintitola lil ċerti vittmi ta’ reat jitolbu kumpens mill-baġit tal-Istat. Din hija miżura importanti għall-vittmi f'każijiet fejn: l-awtur tar-reat ma ġiex identifikat; jew fejn għalkemm identifikat, l-awtur tar-reat ma jistax jinstab; jew l-awtur tar-reat ikun insolventi. F’każijiet bħal dawn, il-vittma għandha tressaq pretensjoni għal kumpens lill-Ministru tal-Ġustizzja, li jiddeċiedi dwarha fi żmien sitt xhur.

Il-kumpens jitħallas mill-Istat biss jekk il-vittma ma tkun tista' tikseb kumpens effettiv u adegwat bl-ebda mod ieħor (eż. mill-awtur tar-reat, mis-sigurtà soċjali jew mill-assigurazzjoni personali).

Meta l-Istat jikkumpensa lill-vittma, din tal-aħħar xorta tista' tfittex għad-danni fil-proċedimenti kriminali bħala parti ċivili u titlob somom addizzjonali mill-awtur tar-reat jekk il-vittma temmen li dak il-kumpens ma jkunx biżżejjed. F’dan il-każ, il-vittma għandha tinforma lill-qorti li pretensjoni għal kumpens tressqet lill-Istat jew li kumpens inkiseb mill-Istat.

F’liema punt fil-proċedimenti kriminali għandi nippreżenta pretensjoni?

Il-vittma hija intitolata li titlob id-danni fil-proċedimenti kriminali billi tibgħat lill-imħallef inkwirenti ittra li tinforma lil din tal-aħħar li l-vittma qed tfittex għad-danni bħala parti ċivili sabiex titlob kumpens għad-danni li allegatament ġarrbet. Din il-pretensjoni tista’ ssir fi kwalunkwe stadju tal-proċedimenti. Il-vittma tista’ tippreżenta din il-pretensjoni wkoll waqt li jkun għaddej il-proċess kriminali.

Madankollu, wieħed għandu jżomm f’moħħu li, jekk il-vittma tiddeċiedi li tfittex għad-danni bħala parti ċivili qabel is-seduta, ma tkunx tista' tinstema' bħala xhud.

Jekk il-vittma ma tfittixx għal danni waqt il-proċedimenti kriminali jew ma tressaq l-ebda pretensjoni, il-qorti kriminali ma tistax awtomatikament tagħti kumpens lill-vittma.

Madankollu, il-vittma li ma tfittixx għad-danni bħala parti ċivili fiż-żmien tas-smigħ kriminali ma titlifx id-dritt għal kumpens. Il-vittma xorta tista’ tressaq azzjoni legali kontra l-awtur tar-reat quddiem il-qrati ċivili, sakemm din l-azzjoni tittieħed fil-perjodu ta’ limitazzjoni ċivili applikabbli u jkun ippruvat li l-atti inkwistjoni jikkostitwixxu tort ċivili.

Il-pretensjoni għal kumpens imressqa lill-Ministru tal-Ġustizzja tista’ ssir qabel ma jiġu deċiżi l-proċeduri kriminali. Barra minn hekk, il-pretensjoni għandha tiġi sottomessa fi żmien sentejn mid-data tal-atti. Jekk l-awtur tar-reat jiġi pproċessat u l-vittma titlob danni fil-proċedimenti kriminali bħala parti ċivili, il-limitu ta’ żmien biex titressaq din il-pretensjoni jiġi estiż u jiskadi sentejn wara d-deċiżjoni finali tal-qorti li tkun semgħet il-kawża kriminali. Jekk il-vittma ma tfittixx għad-danni quddiem il-qorti kriminali u d-deċiżjoni li tittieħed f'dawn il-proċedimenti ssir finali, il-vittma tista’ tressaq azzjoni legali quddiem il-qrati ċivili biex tikseb deċiżjoni dwar danni. F’dan il-każ, it-terminu huwa estiż u jiskadi sentejn wara li d-deċiżjoni tal-qorti dwar il-kumpens issir finali. Madankollu, jekk il-vittma hija minuri, il-perjodu ta’ limitazzjoni ma jibdiex jgħodd qabel id-data li fiha l-vittma tasal għall-età maġġuri jekk l-atti jkunu punibbli b’pieni kriminali jew ikunu previsti mill-Artikoli 372, 373, 375 u punibbli skonthom(attentat għall-pudur u stupru), 382-1 u 382-2 (traffikar ta' bnedmin), 400, 401bis, 402, 403 jew 405 (omiċidju kolpevoli mhux klassifikat bħala omiċidju volontarju u feriment fiżiku intenzjonali) tal-Kodiċi Kriminali tal-Lussemburgu.

X’nista’ nitlob fil-pretensjoni u kif għandi nippreżentaha (nindika ammont totali u/jew nispeċifika t-telf individwali, il-profitti u l-imgħaxijiet mitlufa)?

Fil-proċeduri kriminali, il-vittma għandha tressaq il-pretensjoni bit-talbiet preċiżi tagħha jew bil-miktub jew b’mod verbali matul is-seduta, għalkemm din tista’ tiġi sottomessa bil-miktub qabel is-seduta. Fi kwalunkwe każ, il-vittma għandha tagħti prova tal-ħsara fuq il-persuna mġarrba permezz ta’ evidenza (ċertifikati mediċi, fatturi, eċċ.). Fil-prattika, waqt is-smigħ, il-qorti l-ewwel tisma’ x-xhieda u l-allegat awtur tar-reat qabel ma xi ħadd ifittex għad-danni bħala parti ċivili. F’dak il-punt, il-vittma, jew l-avukat li jaġixxi f'isem il-vittma, jiddikjara li qed ifittex għad-danni bħala parti ċivili u iressaq id-dokument li fih it-talbiet preċiżi lill-qorti, lill-prosekutur u lill-partijiet fil-proċedimenti. Il-vittma m’għandhiex għalfejn tidher waqt is-seduta u tista’ tkun rappreżentata minn avukat.

Il-pretensjoni tista’ ssir fuq karta vojta u jkun fiha lista tad-diversi danni mġarrba (ħsara fuq il-persuna/telf ekonomiku u/jew dannu morali) b’ammonti preċiżi. Jekk dannu ma jistax jiġi kkwantifikat jew l-ammont għadu mhux magħruf, l-ammont imbagħad jiġi indikat bħala "pro memoria".

Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, hija l-qorti responsabbli li tiġġudika l-awtur tar-reat li tistabbilixxi l-ammont ta’ danni mogħtija lill-vittma bħala kumpens għad-danni, jekk issib lill-akkużat ħati.

It-telf u l-ispejjeż koperti mill-kumpens huma għall-vittma tar-reat:

dannu fuq il-persuna (mhux psikoloġiku):

  • spejjeż mediċi li jirriżultaw mill-korriment (kura medika - kura in-patient u out-patient, irkupru);
  • ħtiġijiet jew spejjeż addizzjonali b'riżultat ta' korriment (jiġifieri kura u assistenza, kura temporanja u permanenti, fiżjoterapija fit-tul, aġġustamenti fid-dar, tagħmir speċjali, eċċ.);
  • dannu permanenti (eż. diżabilità u diżabilitajiet permanenti oħra);
  • telf ta’ qligħ matul u wara t-trattament mediku (inkluż telf ta’ qligħ u telf ta’ kapaċità ta’ qligħ jew tnaqqis ta’ benefiċċji, eċċ.);
  • telf ta’ opportunitajiet professjonali;
  • spejjeż li jirriżultaw minn proċedimenti legali konnessi mal-avveniment li kkawża d-dannu, bħal spejjeż legali u spejjeż oħra;
  • kumpens għal proprjetà personali misruqa jew li tkun ġarrbet ħsara;

dannu psikoloġiku (morali):

  • uġigħ u tbatija tal-vittma;
  • telf ta’ tgawdija tal-ħajja (fejn il-vittma ma tistax tibqa’ tgħix l-istess tip ta’ ħajja li kienet tgawdi qabel ir-reat);
  • sfigurament (ċikatriċi, telf ta’ dirgħajn jew riġlejn jew xi parti oħra);
  • dannu sesswali.

Il-qorti tista’ tordna lil espert biex jikkalkula ċ-ċifra eżatta tad-danni sofferti. Dan spiss jiġri, partikolarment f’każijiet ta’ korrimenti gravi tal-ġisem.

F’dan il-każ, il-qorti tista’ tagħti pagament bil-quddiem.

Wara li tingħata l-opinjoni esperta, tingħata sentenza dwar id-danni, li tistabbilixxi l-ammont li għandu jitħallas.

L-ammont massimu ta’ kumpens li jista’ jingħata mill-Ministru tal-Ġustizzja ma jistax jaqbeż il-limitu ffissat kull sena mir-Regolament tal-Gran Dukat. Dan il-limitu ġie stabbilit għal EUR 63 000 għall-2017. Il-Ministru jista’ jagħti wkoll pagament bil-quddiem.

Hemm formola speċifika għal talbiet bħal dawn?

M’hemm ebda formola speċifika li jenħtieġ li timtela għal pretensjoni ta’ kumpens fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu.

Il-pretensjonijiet jinkitbu fuq karta vojta.

Talbiet għall-pretensjonijiet iridu jinkitbu bil-Franċiż, bil-Ġermaniż jew bil-Lussemburgiż u jridu jindikaw id-data, il-post u n-natura eżatta tal-atti.

Liema evidenza rrid nippreżenta biex insostni l-pretensjoni tiegħi?

Għal pretensjoni mressqa quddiem il-qorti li qed tiddeċiedi l-każ, trid tiġi ppreżentata l-pretensjoni għad-danni u kwalunkwe evidenza li tipprova d-dannu (ara hawn taħt għal eżempji speċifiċi).

Għal pretensjoni ta’ kumpens imressqa lill-Ministru tal-Ġustizzja, kull dokument ġustifikattiv għall-atti u d-dannu li ġarrbet il-vittma għandu jkun mehmuż ma’ din l-ittra, biex issostni l-pretensjoni.

Lista mhux eżawrjenti:

  • kopja tad-denunzja (rapport tal-pulizija) jew evidenza tal-pretensjoni għad-danni fil-proċedimenti kriminali;
  • kopja tas-sentenza li tiddeċiedi l-proċedimenti kriminali u dwar il-pretensjoni ċivili għad-danni bħala parti ċivili (jekk din tressqet);
  • deċiżjoni dwar il-pretensjoni għad-danni (pereżempju, wara li tingħata opinjoni esperta);
  • evidenza tal-korriment: ċertifikati mediċi li jindikaw in-natura tal-korriment imġarrab, it-tul tal-inkapaċità għax-xogħol u, fejn applikabbli, in-natura tal-effetti sekondarji u d-diżabilità permanenti;
  • evidenza tal-ispejjeż mediċi li jirriżultaw mill-korriment (kura medika, kura in-patient u out-patient, eċċ.);
  • evidenza ta’ sħubija f’organizzazzjoni tas-sigurtà soċjali;
  • evidenza tal-ammont ta’ kwalunkwe kumpens riċevut permezz tas-sigurtà soċjali;
  • kopja tal-polza tal-assigurazzjoni;
  • evidenza tal-ammont ta’ kwalunkwe kumpens riċevut mill-kumpanija tal-assigurazzjoni;
  • evidenza ta’ telf ta' qligħ matul u wara t-trattament mediku.

Hemm xi tariffi tal-qrati jew spejjeż oħra marbuta mal-pretensjoni tiegħi?

Fi proċedimenti kriminali, kull parti trid tħallas it-tariffi legali tagħha stess, irrispettivament mir-riżultat tal-proċess. Madankollu, parti fil-bżonn tista’ tapplika għall-għajnuna legali. F’dan il-każ, l-Istat ikopri l-ispejjeż kollha.

Il-vittma tista’ wkoll titlob kumpens proċedurali. L-ispejjeż tal-esperti normalment ikunu koperti mill-akkużat.

M’hemm l-ebda spiża tal-qorti għal pretensjoni ta’ kumpens mressqa lill-Ministru tal-Ġustizzja.

Nista’ nikseb għajnuna legali qabel u/jew waqt il-proċeduri? Nista’ nirċiviha anke jekk ma nkunx qed ngħix fil-pajjiż fejn iseħħu l-proċedimenti?

Vittma tista’ tikseb għajnuna legali qabel u/jew waqt il-proċedimenti, kif stabbilit mil-liġi tal-Lussemburgu, billi timla formola nazzjonali li tista’ titniżżel mis-sit web tal-Kamra tal-Avukati tal-Lussemburgu (Barreau de Luxembourg): https://www.barreau.lu/le-barreau/assistance-judiciaire/formulaire-d-assistance-judiciaire. Din il-formola għandha tkun akkumpanjata minn dokumenti ta’ sostenn li juru li l-vittma m’għandhiex biżżejjed fondi biex tassumi l-ispejjeż tad-difiża tagħha. It-talba għandha tintbagħat lill-president tal-kamra tal-avukati fid-distrett ġudizzjarju fejn jirresjedi min jagħmel it-talba. Imbagħad il-president tal-kamra tal-avukati jiddeċiedi jekk l-għajnuna legali għandhiex tingħata jew le.

Kulħadd jista’ jikkonsulta lill-korpi li joffru informazzjoni legali u pariri jew medjazzjoni. Tista’ taċċessa s-Ċentru Legali u s-Servizz ta’ Informazzjoni (Service d’Accueil et d’Information juridique) biex tikseb kwalunkwe informazzjoni legali mingħajr ħlas. https://justice.public.lu/fr/aides-informations/accueil-info-juridique.html

Meta tista’ l-qorti kriminali tiċħad jew tirrifjuta li tiddeċiedi dwar il-pretensjoni tiegħi kontra l-awtur ta’ reat?

Meta l-vittma tkun ippreżentat pretensjoni għal kumpens u l-awtur tar-reat jiġi liberat fil-proċeduri kriminali minħabba li l-atti ma jikkostitwux reat, il-qorti xorta tiddeċiedi jekk l-għemil ħażin tal-akkużat huwiex l-għerq tal-ħsara mġarrba mill-vittma. Jekk ikun hekk, l-akkużat ikun ordnat iħallas id-danni. Jekk, madankollu, il-vittma naqset milli tagħti prova tar-rabta kawżali bejn l-imġiba tal-akkużat u l-ħsara mġarrba, il-qorti tiċħad il-pretensjoni tal-vittma.

Nista’ nappella kontra din id-deċiżjoni jew infittex mezzi oħra ta’ rimedju/sodisfazzjon?

Il-vittma tista’ tappella kontra d-deċiżjoni tal-qorti kriminali.

Barra minn hekk, il-vittma tista’ tissottometti pretensjoni għal kumpens lill-Ministru tal-Ġustizzja u hija intitolata għal kumpens jekk l-awtur tar-reat ma jkunx ġie kkundannat, sakemm il-vittma tkun vittma ta’ reat, u jekk l-awtur tar-reat ma jkunx ġie identifikat jew, għalkemm identifikat, ma jkunx jista' jinstab jew ikun insolventi.

Jekk ma jkunx hemm proċess, abbażi tal-kumpens stabbilit mill-qorti, il-Ministru tal-Ġustizzja jista’ jagħti ammont fiss u/jew jordna opinjoni esperta, bi spejjeż għall-Ministeru, sabiex ikun stabbilit l-ammont ta’ kumpens li għandu jingħata lill-vittma.

Jekk ningħata kumpens għad-danni mill-qorti, kif nista’ nkun żgur li s-sentenza tiġi eżegwita kontra l-awtur ta’ reat u x’għajnuna nista’ nikseb biex niżgura dan?

Ir-rwol tal-qorti kriminali huwa li tikkwantifika d-dannu mġarrab mill-vittma, iżda li ma tinvolvix ruħha biex tiżgura li jkun hemm ħlas tad-danni mogħtija u kwalunkwe mgħax.

Ladarba tkun ittieħdet id-deċiżjoni finali, hija l-vittma li għandha tieħu passi biex tassigura l-ħlas ta’ dawn id-danni u kwalunkwe mgħax mill-awtur tar-reat.

Iktar iva milli le, l-avukat tal-vittma jieħu l-inkarigu li jissorvelja l-irkupru tad-danni, inizjalment permezz ta’ mezzi amikevoli, billi jikkuntattja l-avukat tal-awtur tar-reat li jkun ġie kkundannat, iżda sussegwentement bl-eżekuzzjoni tas-sentenza permezz ta’ bailiff.

Meta l-qorti tikkundanna lill-awtur tar-reat u toħroġ sentenza sospiża bil-probation inkluż l-obbligu li jitħallas kumpens, il-Prosekutur Pubbliku Ewlieni inkarigat mill-eżekuzzjoni tas-sentenzi jivverifika jekk l-awtur tar-reat li jkun ġie kkundannat ikunx qed jikkonforma ma’ dak l-obbligu.

L-aħħar aġġornament: 19/03/2019

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Feedback

Uża l-formola li ġejja biex taqsam il-kummenti u l-feedback tiegħek fis-sit web ġdid tagħna