Talba għall-ħlas tad-danni mingħand min ikun wettaq ir-reat

Italja

Il-kontenut ipprovdut minn
Italja

Kif nista’ nagħmel pretensjoni għall-ħlas tad-danni jew mezzi oħra ta’ rimedju/sodisfazzjon minn awtur tar-reat fi proċess (proċedimenti kriminali), u lil min għandi nindirizza din il-pretensjoni?

L-awtur tar-reat huwa obbligat li jagħmel tajjeb għall-ħsara kkawżata lill-vittma. L-Artikolu 185 tal-Kodiċi Kriminali jiddikjara li għandha ssir restituzzjoni għar-reati kollha, skont ir-regoli tad-dritt ċivili. Kull meta reat kriminali jkun ikkawża dannu materjali jew mhux materjali, għandu jitħallas kumpens mill-awtur tar-reat u kwalunkwe persuna oħra li, skont d-dritt ċivili, ikunu responsabbli għall-azzjonijiet tal-awtur tar-reat. Fid-dritt ċivili, il-ħsara kkawżata minn reat kriminali hija waħda miċ-ċirkostanzi li fihom jaf ikollu jiġi kkumpensat dannu mhux materjali (l-Artikolu 2059 tal-Kodiċi Ċivili).

Il-vittma għandha għażla bejn żewġ toroq differenti biex tikseb reparazzjoni tad-dannu li tkun sofriet.

Din tista’ tingħaqad fil-proċedimenti kriminali bħala parti ċivili, li jfisser li twassal l-azzjoni ċivili tagħha bħala parti mill-proċedimenti kriminali (costituzione di parte civile): fl-aħħar tal-proċedimenti kriminali, il-qorti kriminali tivvaluta d-dannu u tordna l-ħlas tad-danni, jew sempliċiment tagħmel kostatazzjoni li hemm dritt għal ħlas għad-danni u tirreferi l-partijiet lill-qrati ċivili sabiex tiddermina l-ammont li għandu jitħallas. L-Artikolu 74 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali jipprevedi li waqt il-proċedimenti kriminali, tista’ titressaq azzjoni ċivili għad-danni skont l-Artikolu 185 tal-Kodiċi Kriminali minn kwalunkwe persuna li tkun sofriet dannu b'riżultat tar-reat, jew mill-werrieta tagħha, kontra l-imputat jew kwalunkwe persuna responsabbli skont id-dritt ċivili.

Min-naħa l-oħra, il-vittma tista’ wkoll tressaq proċedimenti ċivili diretti, billi tippreżenta pretensjoni għal ħlas għal danni fil-qrati ċivili ordinarji.

Ir-relazzjonijiet bejn l-azzjonijiet ċivili u l-azzjonijiet kriminali huma rregolati mill-Artikolu 75 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali. Azzjoni ċivili li titressaq f’qorti ċivili tista’ tiġi ttrasferita għall-proċedimenti kriminali fi kwalunkwe ħin sakemm il-qorti ċivili tagħti sentenza dwar is-sustanza, anki jekk din is-sentenza tkun għadha miftuħa għal appell. F’dan il-każ, l-azzjoni ċivili titwaqqaf, u l-qorti kriminali tagħti sentenza wkoll dwar l-ispejjeż tal-proċedimenti ċivili. Azzjoni ċivili tkompli fil-qrati ċivili jekk ma tiġix trasferita għall-proċedimenti kriminali, jew jekk twasslet fi stadju fejn ma kienx għadu possibbli li tingħaqad ma’ azzjoni ċivili għall-proċedimenti kriminali. Jekk azzjoni ċivili kontra parti li tkun imputata fil-proċedimenti kriminali titressaq fil-qrati ċivili wara li azzjoni ċivili tkun ingħaqdet mal-proċedimenti kriminali, jew wara sentenza kriminali fil-prim'istanza, il-proċedimenti kriminali jiġu sospiżi sakemm ikun hemm sentenza kriminali finali, minbarra fl-eċċezzjonijiet previsti mil-liġi.

F’liema punt fil-proċedimenti kriminali għandi nippreżenta pretensjoni?

Azzjoni ċivili tista’ tingħaqad mal-proċedimenti kriminali sa meta sseħħ is-seduta preliminari, jew anki wara din, sakemm jitlestew l-istadji preliminari li għandhom jittieħdu skont l-Artikolu 484 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali qabel il-bidu tal-proċess proprju. Ladarba jkun intlaħaq dan l-istadju, azzjoni ċivili ma tistax tibqa’ tingħaqad mal-proċedimenti kriminali. Jekk parti ċivili tingħaqad mal-proċedimenti kriminali wara li tkun għaddiet l-iskadenza għat-taħrika tax-xhieda, tal-esperti u tal-konsulenti stipulata fl-Artikolu 468(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, il-parti ċivili ma tistax teżerċita d-dritt li tippreżenta listi ta’ xhieda, esperti jew konsulenti tekniċi. Ladarba l-parti ċivili tkun ingħaqdet mal-proċedimenti kriminali, dawn ikunu parti fil-proċess fil-prim'istanza u kwalunkwe appell, sakemm ma jiġux esklużi jew jirtiraw volontarjament. Azzjoni ċivili magħquda mal-proċedimenti kriminali tiġi esegwita f’żewġ każijiet: 1) talba biex parti ċivili tiġi eskluża tista’ tiġi ppreżentata mill-prosekutur pubbliku, mill-imputat jew minn parti responsabbli skont id-dritt ċivili (l-Artikolu 80 tal-Qorti tal-Proċedura Kriminali), jew il-qorti tista’, ex officio, tordna li parti ċivili tiġi eskluża fi kwalunkwe ħin sakemm jinfetaħ il-proċess fil-prim'istanza (l-Artikolu 81 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali); 2) l-azzjoni ċivili tista’ tiġi rtirata espressament, fi kwalunkwe stadju tal-proċedimenti, permezz ta’ dikjarazzjoni verbali jew bil-miktub li ssir mill-parti ċivili jew mir-rappreżentant speċjali tagħha (procuratore speciale); l-azzjoni ċivili titqies li tkun ġiet irtirata b'mod taċitu jekk ma tiġi ppreżentata l-ebda sottomissjoni, jew jekk titressaq xi azzjoni fil-qrati ċivili (l-Artikolu 82 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali).

X’nista’ nitlob fil-pretensjoni u kif għandi nippreżentaha (nindika ammont totali u/jew nispeċifika t-telf individwali, il-profitti mitlufa u l-imgħaxijiet)?

Azzjoni ċivili magħquda mal-proċedimenti kriminali tista’ tfittex kumpens għal kwalunkwe dannu, materjali jew mhux materjali, spiża medika, assistenza legali, parir tekniku u spejjeż oħra mġarrba u ddokumentati, diment li dawn jirriżultaw mir-reat imwettaq.

Hemm formola speċifika għal pretensjonijiet bħal dawn?

M’hemm l-ebda formola speċjali fil-proċedimenti kriminali Taljani, iżda r-rekwiżiti li ġejjin għandhom jiġu ssodisfati.

Il-parti ċivili għandu jkollha kapaċità li tħarrek (capacità processuale). Id-dikjarazzjoni li l-parti tixtieq li tingħaqad mal-proċedimenti kriminali bħala parti ċivili għandha tiġi ppreżentata għand ir-reġistru tal-qorti rilevanti jew għandha tiġi ppreżentata fis-seduta; sabiex tkun ammissibbli għandha tinkludi: a) tagħrif dwar il-persuna ġuridika jew l-isem tal-assoċjazzjoni jew korp li qed jitlob biex jingħaqad fil-proċedimenti bħala parti ċivili u tagħrif tar-rappreżentant legali tagħhom; b) tagħrif tal-imputat li qiegħda titressaq l-azzjoni ċivili kontrih, jew informazzjoni personali oħra li sservi biex tidentifikah; c) l-isem sħiħ tal-avukat li jkun qiegħed jirrappreżenta lill-parti ċivili u dettalji tal-awtorizzazzjoni tiegħu biex jaġixxi; d) dikjarazzjoni tar-raġunijiet għall-pretensjoni; e) il-firma tal-avukat. Jekk tiġi ppreżentata b’mod ieħor mhux fis-seduta, id-dikjarazzjoni għandha tiġi nnotifikata mill-parti ċivili lill-partijiet l-oħrajn, u tieħu effett fir-rigward ta’ kull parti mill-jum li fih tiġi ppreżentata n-notifika. Jekk l-awtorizzazzjoni tal-avukat biex jaġixxi ma tiġix mehmuża fl-aħħar jew fil-marġni tad-dikjarazzjoni li l-parti ċivili tixtieq tingħaqad fil-proċedimenti, u minflok tingħata f’waħda mill-formoli l-oħra previsti mill-Artikolu 100(1) u (2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, din għandha tiġi ppreżentata mar-reġistru jew tiġi ppreżentata fis-seduta flimkien mad-dikjarazzjoni.

Liema evidenza rrid nippreżenta biex insostni l-pretensjoni tiegħi?

Fil-proċedimenti kriminali, l-azzjoni ċivili hija anċillari għall-proċedimenti biex tiġi ddeterminata l-innoċenza jew il-ħtija tal-imputat. Huwa l-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku li għandu l-kompitu li juri li l-imputat huwa ħati. Madankollu, il-parti ċivili tista’ taqdi rwol fil-proċess tal-evidenza, speċjalment fir-rigward ta’ evidenza tat-tip ta’ dannu mġarrab, id-daqs tad-dannu, eċċ. Min-naħa l-oħra, fil-proċedimenti ċivili, hija l-vittma li ġeneralment iġġarrab l-oneru tal-prova fir-rigward tal-evidenza (eż. ċertifikati mediċi) li turi d-daqs tad-dannu mġarrab għalkemm l-oneru tal-prova jista’ jiġi rilaxxat billi jintwera li hemm preżunzjoni legali favur il-vittma.

Nista’ nikseb għajnuna legali qabel u/jew waqt il-proċeduri? Nista’ nirċiviha anke jekk ma nkunx qed ngħix fil-pajjiż fejn iseħħu l-proċedimenti?

Għajnuna legali ffinanzjata mill-Istat hija disponibbli għal persuni li l-introjtu annwali tagħhom ma jaqbiżx ċertu limitu massimu: din tingħata diment li l-proċedimenti jsiru fl-Italja, u hija miftuħa kemm għal ċittadini Taljani kif ukoll għal dawk mhux Taljani. Din il-ħarġa hija regolata mid-Digriet Presidenzjali Nru 115/2002.

Meta tista’ l-qorti kriminali tiċħad jew tirrifjuta li tiddeċiedi dwar il-pretensjoni tiegħi kontra l-awtur tar-reat?

Fil-proċedimenti kriminali, jekk l-imputat jiġi lliberat, il-pretensjoni ċivili ma tintlaqax. Meta waqt l-investigazzjonijiet preliminari ssir talba għall-applikazzjoni ta’ piena maqbula (richiesta di applicazione di pena), talba biex tingħaqad fil-proċedimenti kriminali bħala parti ċivili ma tkunx tista' tiġi aċċettata fis-seduta ta' wara. Lanqas ma tista’ ssir talba bħal din biex tingħaqad fil-proċedimenti fis-seduta wara talba għall-applikazzjoni ta’ piena maqbula fil-proċedimenti dwar oġġezzjoni għal sentenza imposta mingħajr ma jkun hemm tentattiv biex jinstema’ l-imputat (opposizione a decreto penale) jew dwar oġġezzjoni għal digriet għal sentenza immedjata (opposizione a decreto di giudizio immediato). Il-liġi tipprekludi wkoll espressament li tingħaqad fil-proċedimenti kriminali bħala parti ċivili f’ċerti każijiet oħrajn, bħal proċessi ta’ minorenni.

Nista’ nappella kontra deċiżjoni bħal din jew infittex mezzi oħra ta’ rimedju/sodisfazzjon?

Fl-aħħar tal-proċess, wara s-sentenza fil-prim'istanza jew fuq appell, il-parti ċivili tista’ tieħu l-opinjoni li d-deċiżjoni finali ma tindirizzax kif xieraq id-dannu li ġarrbet, u jekk dan ikun il-każ il-parti ċivili tista’ tikkontesta s-sentenza – għal darb’oħra permezz tal-avukat tagħha – iżda biss fir-rigward tat-taqsimiet jew id-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-pretensjoni ċivili għall-ħlas tad-danni. Imbagħad sentenza sussegwenti tista’ tvarja s-sentenza fl-ewwel istanza fir-rigward tal-aspetti ċivili (u b’hekk fir-rigward tad-danni). Sentenza bħal din tista’ treġġa’ l-effetti detrimentali tas-sentenza fir-rigward tar-reparazzjoni tad-dannu, iżda m’għandha l-ebda impatt fuq is-sejbiet li jikkonċernaw ir-responsabbiltà kriminali tal-imputat: imputat li nstab mhux ħati għall-finijiet tad-dritt kriminali jibqa’ mhux ħati anki wara li s-sentenza tkun ġiet varjata favur il-parti ċivili. Għalhekk, id-deċiżjoni tal-qorti kriminali fir-rigward tar-responsabbiltà kriminali tal-imputat tibqa’ intatta jekk sentenza li teħles lill-imputat tiġi kkontestata mill-parti ċivili biss. Għalhekk, jista’ jkun hemm kunflitt oġġettiv u tanġibbli bejn is-sejbiet ta’ sentenza fil-prim'istanza li teħles lill-imputat għall-finijiet tad-dritt kriminali u l-kostatazzjonijiet ta’ sentenza fl-appell, wara r-rikors imressaq mill-parti ċivili, li tqis l-istess fatti abbażi ta’ deċiżjoni dwar ir-reparazzjoni ta’ dannu. Dan jidher bħala suġġett delikat u tekniku immens.

Jekk il-qorti tordna li nitħallas għad-danni, kif nista’ niżgura li s-sentenza tiġi eżegwita kontra l-awtur tar-reat u x’għajnuna nista’ nikseb biex niżgura dan?

Fuq talba tal-parti ċivili, u diment li jkun hemm raġunijiet xierqa, il-qorti tiddikjara l-ordni tagħha li ssir restituzzjoni u kumpens għad-dannu bħala provviżorjament eżekuttiva. Ordni biex isir l-ewwel pagament proviżorju (provvisionale) dejjem tkun immedjatament eżekuttiva. Ladarba s-sentenza tkun eżekuttiva, il-parti tista’ teżegwiha skont ir-regoli ordinarji tal-proċedura ċivili.

L-aħħar aġġornament: 16/09/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.