Talba għall-ħlas tad-danni mingħand min ikun wettaq ir-reat

Greċja

Il-kontenut ipprovdut minn
Greċja

Kif nista’ nressaq talba għall-ħlas tad-danni jew għal mezzi oħra ta’ rimedju/sodisfazzjon minn trasgressur fi proċess (proċedimenti kriminali), u lil min għandi nindirizza din it-talba?

Fl-istadju ta’ qabel il-proċess tal-proċedimenti kriminali, għandek tiddikjara li tixtieq tkun parti mill-proċedimenti kriminali bħala parti ċivili (politikós enágon) meta tagħmel kwerela lill-prosekutur pubbliku jew lill-awtoritajiet tal-pulizija xierqa, u f’dan il-każ għandek tagħmel dikjarazzjoni fil-kwerela stess. Tista’ wkoll tagħmel tali dikjarazzjoni waqt l-investigazzjoni tar-reat, f’dokument separat (dikógrafo) li jinnotifika lill-pulizija, lill-prosekutur pubbliku jew lill-awtoritajiet investigattivi, u tista’ wkoll tagħmel dikjarazzjoni direttament lill-qorti sakemm il-kumpilazzjoni tax-xhieda ma tkunx bdiet (l-Artikoli 63, 82 u 83 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali).

F’liema punt tal-proċedimenti kriminali għandi nressaq talba?

A) Fl-istadju ta’ qabel il-proċess, kif spjegat hawn fuq (l-Artikolu 83 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali)

B) Fil-qorti, b’dikjarazzjoni orali sempliċi qabel il-bidu tal-kumpilazzjoni tax-xhieda, mingħajr il-ħtieġa ta’ proċedura bil-miktub qabel il-proċess, jekk tkun qed titlob kumpens għal uġigħ u tbatija u danni morali mġarrba kaġun tar-reat imwettaq kontrik, jew b’notifika lill-persuna akkużata mill-inqas ħamest ijiem qabel id-data tas-smigħ, jekk qed titlob kumpens għal danni materjali (l-Artikoli 66, 67 u 83 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali).

X’nista’ nitlob fit-talba u kif għandi nippreżentaha (nindika l-ammont totali u/jew nispeċifika t-telf individwali, il-profitti u l-interessi mitlufa)?

B’mod ġenerali, id-dikjarazzjoni li tixtieq tkun parti mill-proċedimenti kriminali bħala parti ċivili trid tinkludi sommarju tal-kawża, ir-raġunijiet għaliex temmen li għandek dritt tkun parti mill-proċedimenti, u l-ħatra ta’ rappreżentant ad litem fil-post fejn il-qorti għandha s-sede tagħha, jekk ma tkunx residenti b’mod permanenti hemmhekk.

Jekk id-dikjarazzjoni li tixtieq tkun parti mill-proċedimenti kriminali bħala parti ċivili tikkonċerna talba għal kumpens għal uġigħ u tbatija u danni morali, ma hijiex meħtieġa proċedura bil-miktub. F’dawn il-każijiet, il-parti ċivili normalment titlob somma simbolika u mhux l-ammont kollu tat-talba. Jekk il-qorti tiddikjara lill-akkużat ħati, din tordna li inti titħallas din is-somma simbolika bħala kumpens. Għall-bqija tas-somma, ikollok tressaq kawża separata quddiem il-qrati ċivili. Jekk it-talba tiegħek tirrigwarda l-irkupru ta’ danni materjali kkawżati lilek mir-reat, trid tinnotifika lill-intimat mill-inqas ħamest ijiem qabel il-proċess, fejn tagħti rendikont tal-elementi individwali.

Hemm xi formola speċifika għal talbiet bħal dawn?

Ma hemm l-ebda formola speċifika. Id-dikjarazzjoni tiegħek trid tinkludi dak kollu msemmi hawn fuq. Kif indikat hawn fuq, proċedura speċifika ta’ qabel il-proċess tkun meħtieġa biss meta l-qorti kriminali tintalab tagħti rimedju għad-danni materjali, u f’dan il-każ l-avviż għandu jiġi nnotifikat lill-akkużat ħamest ijiem qabel is-smigħ.

Xi provi rrid inressaq biex nappoġġa t-talba tiegħi?

Qabel is-smigħ tal-kawża, għandek tipproduċi kwalunkwe dokument li jissostanzja bil-provi t-talba tiegħek, jiġifieri ċertifikati mediċi, dikjarazzjonijiet, xhieda u kwalunkwe prova oħra.

Hemm tariffi tal-qrati jew spejjeż oħra marbuta mat-talba tiegħi?

Trid tħallas tariffa tal-azzjoni ċivili ta’ EUR 40 (l-Artikolu 63 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, kif fis-seħħ).

Nista’ nikseb għajnuna legali qabel u/jew waqt il-proċedimenti? Nista’ nikseb l-għajnuna jekk ma nkunx residenti fil-pajjiż fejn isiru l-proċedimenti?

Il-liġi (l-Artikolu 41 et seq. tal-Liġi 4689/2020) tipprevedi għajnuna legali lil ċittadini ta’ Stat Membru tal-UE b’introjtu baxx, ċittadini ta’ pajjiżi terzi u persuni mingħajr Stat jekk dawn ikunu residenti legalment jew ikollhom ir-residenza abitwali tagħhom fl-Unjoni Ewropea. F’kawżi ċivili u kummerċjali, iċ-ċittadini b’introjtu baxx huma dawk li l-introjtu annwali tal-familja tagħhom ma jaqbiżx iż-żewġ terzi tal-introjtu personali annwali minimu stabbilit fil-leġiżlazzjoni fis-seħħ. Fil-każ ta’ tilwima domestika, l-introjtu tal-parti l-oħra fit-tilwima ma jiġix ikkunsidrat. Il-vittmi tar-reati msemmija fl-Artikolu 41(3) tal-Liġi 4689/2020 huma wkoll intitolati għall-għajnuna legali, u dan fir-rigward ta’ kwalunkwe talba kriminali jew ċivili.

Meta tista’ l-qorti kriminali tiċħad jew tirrifjuta li tiddeċiedi dwar it-talba tiegħi kontra t-trasgressur?

Jekk il-qorti kriminali tiddeċiedi li l-prosekuzzjoni kriminali ma għandhiex tkompli jew għandha tiġi miċħuda għal kwalunkwe raġuni, ma tistax tikkunsidra l-azzjoni ċivili. Din tiċħad ukoll azzjoni ċivili jekk din ma tkunx ġiet ippreżentata legalment kif deskritt hawn fuq, jew jekk tkun infondata fid-dritt, jew jekk it-talba ma tkunx fondata fuq il-merti, pereżempju għaliex ma tkunx sofrejt direttament b’riżultat tar-reat jew ma tkunx id-detentur tal-interess legali kkonċernat.

Nista’ nappella kontra deċiżjoni bħal din jew infittex mezzi oħra ta’ rimedju/sodisfazzjon?

Tista’ tressaq appell ordinarju (éfesi) kontra liberazzjoni mill-qorti kriminali distrettwali, mill-qorti tal-prim’istanza b’membru wieħed jew bi tliet membri jew mill-qorti tal-appell għal reat ta’ gravità intermedja (plimmélima) jekk tiġi ordnat tħallas kumpens u spejjeż, u sa dak il-punt biss (l-Artikolu 486(1b) tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali). Tista’ wkoll tressaq appell ordinarju kontra sentenza li tikkundanna lill-akkużat jekk u sakemm din tkun ċaħdet it-talba tiegħek għar-raġuni li ma tkunx fondata fid-dritt jew tkun tatek kumpens finanzjarju jew materjali, sakemm l-ammont totali mitlub ikun qabeż il-EUR 100 jekk l-appell isir kontra sentenza tal-qorti kriminali distrettwali, EUR 250 jekk isir kontra sentenza tal-qorti tal-prim’istanza b’membru wieħed jew tal-qorti tal-minorenni b’membru wieħed, jew EUR 500 jekk isir kontra sentenza tal-qorti tal-prim’istanza bi tliet membri jew tal-qorti tal-minorenni bi tliet membri. Tista’ tressaq appell fuq punt tad-dritt (anaíresi) kontra sentenza li tikkundanna lill-akkużat sakemm din tkun ċaħdet it-talba tiegħek għar-raġuni li ma tkunx fondata fid-dritt (l-Artikolu 505 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali) jew kontra liberazzjoni jekk tkun ġejt ordnat tħallas kumpens u spejjeż (l-Artikolu 506 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali).

Jekk ningħata kumpens għad-danni mill-qorti, kif nista’ niżgura li s-sentenza tiġi eżegwita kontra t-trasgressur u x’għajnuna nista’ ningħata biex dan niżgurah?

Il-kumpens mogħti mill-qorti kriminali huwa essenzjalment deċiżjoni li tilqa’ talba ċivili. Għalhekk din tiġi eżegwita bil-proċess tal-eżekuzzjoni għal sentenzi ċivili (anankastikí ektélesi).

L-aħħar aġġornament: 25/04/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.