Talba għall-ħlas tad-danni mingħand min ikun wettaq ir-reat

Ċipru

Il-kontenut ipprovdut minn
Ċipru

Kif nista’ nagħmel pretensjoni għall-ħlas tad-danni jew mezzi oħrajn ta’ rimedju/sodisfazzjon minn awtur ta’ reat fi proċess (proċedimenti kriminali), u lil min għandi nindirizza din il-pretensjoni?

Il-qorti kriminali għandha ġurisdizzjoni inerenti biex tagħti ammont limitat ta’ kumpens lill-vittma ta’ reat fi proċedimenti kriminali, diment li l-akkużat jinstab ħati. Madankollu, dik il-ġurisdizzjoni bilkemm intużat u f’dawn l-aħħar deċennji ma ntużat xejn.

Minkejja dan, f’dawn il-każijiet, il-vittma hija intitolata tfittex kumpens billi tressaq lill-awtur tar-reat fi proċeduri quddiem qorti ċivili.

F’liema punt fil-proċedimenti kriminali għandi nqajjem il-pretensjoni tiegħi?

Il-pretensjoni għandha tiġi ppreżentata wara li jitlestew il-proċedimenti kriminali fil-forma ta’ azzjoni ċivili. Għandu jiġi nnotat li din hija indipendenti mill-proċediment kriminali, u separata minnhom.

X’nista’ nitlob fil-pretensjoni u kif għandi nippreżentaha (nindika ammont totali u/jew nispeċifika t-telf individwali, il-profitti u l-imgħaxijiet mitlufa)?

Tista’ titlob kumpens għal kwalunkwe telf jew ħsara li ġarrabt billi tidentifika t-tipi ta’ ħsara individwali, bħal korrimenti fiżiċi, uġigħ u tbatija, telf ta’ profitti u mgħax statutorju.

Hemm formola speċifika għal talbiet bħal dawn?

Iva, ir-rikors ġuramentat. Din il-formola għandha titressaq quddiem is-Segretarjat - ir-Reġistru tal-Qorti. Din tista’ tinkludi kemm il-pretensjoni sħiħa tar-rikorrent jew deskrizzjoni qasira tal-pretensjoni, li mbagħad tiġi segwita b’rapport aktar estensiv tal-pretensjoni.

X’evidenza rrid nippreżenta biex insostni l-pretensjoni tiegħi?

L-evidenza li ssostni l-pretensjoni hija evidenza li tagħti prova tal-ħsara li ġġarrbet.

Hemm xi spejjeż tal-qorti jew spejjeż oħra relatati mal-pretensjoni tiegħi?

Iva, hemm xi spejjeż u ħlasijiet għal servizzi marbuta mal-pretensjoni, skont il-livell ta’ kumpens mitlub.

Nista’ nikseb għajnuna legali qabel u/jew waqt il-proċeduri? Nista’ nirċiviha anke jekk ma nkunx qed ngħix fil-pajjiż fejn iseħħu l-proċedimenti?

Tista’ tikseb għajnuna legali fi kwalunkwe stadju tal-proċedimenti, dment li tkun eliġibbli għaliha, jiġifieri, meta tkun tissodisfa l-kriterji stabbiliti mil-liġi. Fil-kawżi ċivili, l-għajnuna legali hija assoċjata ma’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem taħt il-Konvenzjonijiet speċifikati mil-liġi. L-għajnuna legali tinkludi konsultazzjoni, assistenza u rappreżentazzjoni mingħajr ħlas, u tapplika bl-istess mod għall-persuni li jgħixu f’pajjiż ieħor.

Meta tista’ l-qorti kriminali tiċħad jew tirrifjuta li tiddeċiedi dwar il-pretensjoni tiegħi kontra min wettaq ir-reat?

Mhux applikabbli - ara hawn fuq.

Nista’ nappella kontra din id-deċiżjoni jew infittex mezzi oħrajn ta’ rimedju/sodisfazzjon?

Mhux applikabbli - ara hawn fuq.

Jekk ningħata kumpens għad-danni mill-qorti, kif nista’ nkun żgur(a) li s-sentenza tiġi eżegwita kontra min wettaq ir-reat u x’għajnuna nista’ nikseb biex niżgura dan?

Sabiex tiġi żgurata l-eżekuzzjoni tas-sentenza għal kumpens, is-sentenza tiġi nnotifikata lill-konvenut (l-awtur tar-reat) li jrid jikkonforma magħha. Fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità, ir-rikorrent (il-vittma) jista’ jiftaħ proċeduri ta’ eżekuzzjoni sabiex jobbliga lill-konvenut jikkonforma.

L-aħħar aġġornament: 11/03/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.