Talba għall-ħlas tad-danni mingħand min ikun wettaq ir-reat

il-Kroazja

Il-kontenut ipprovdut minn
il-Kroazja

Kif nista' nressaq talba għal danni jew mezz ta' rimedju/sodisfazzjon ieħor mingħand awtur ta' reat f'kawża (proċedimenti kriminali) u lil min jenħtieġ li nindirizza din it-talba?

Ilment b'kostituzzjoni bħala parti ċivili dwar talba għal danni fi proċedimenti fuq reat kriminali jinstema' fil-qafas tal-proċedimenti kriminali fuq proposta tal-parti li sofriet id-danni jekk dan ma jdewwimx il-proċedimenti b'mod sinifikanti. (Artikolu 153(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali (Zakon o kaznenom postupku))

L-ilment b'kostituzzjoni bħala parti ċivili fi proċedimenti jista' jitressaq mill-parti li sofriet id-danni. (Artikolu 154(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali (Zakon o kaznenom postupku))

L-ilment b'kostituzzjoni bħala parti ċivili fi proċedimenti f'reat kriminali jitressaq lill-awtorità fejn jitressqu l-akkużi kriminali jew lill-qorti li quddiemha huma pendenti l-proċedimenti.  (Artikolu 155(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali (Zakon o kaznenom postupku))

F'liema punt tal-proċeduri kriminali jenħtieġ li nressaq it-talba tiegħi?

Ilment b'kostituzzjoni bħala parti ċivili fi proċedimenti jista' jitressaq sa tmiem il-kumpilazzjoni ta' xhieda quddiem il-qorti tal-prim'istanza. (Artikolu 155(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali (Zakon o kaznenom postupku))

X'nista' nitlob fit-talba u kif jenħtieġ li nippreżentaha (bl-indikazzjoni ta' ammont totali u/jew speċifikazzjoni tat-telf individwali, il-profitti mitlufa u l-imgħax)?

Ilment b'kostituzzjoni bħala parti ċivili fi proċedimenti jista' jirreferi għal talba mressqa fil-qafas tal-kawża. (Artikolu 153(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali (Zakon o kaznenom postupku))

Hemm forma speċifika għat-talbiet ta' dan it-tip?

M'hemmx forma speċifika għat-talbiet ta' dan it-tip.

Liema evidenza għandi bżonn nippreżenta biex insostni t-talba tiegħi?

Il-persuna awtorizzata biex tissottometti t-talba jeħtiġilha tindika x'qed titlob u tippreżenta l-evidenza. (Artikolu 155(3) tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali) It-tip u l-ammont ta' evidenza mhuwiex speċifikat bil-liġi.

Hemm spejjeż tal-qorti jew spejjeż oħrajn b'rabta mat-talba tiegħi?

M'hemmx spejjeż tal-qorti jew spejjeż oħrajn b'rabta mat-tressiq ta' lment b'kostituzzjoni bħala parti ċivili fi proċedimenti.

Nista' nikseb għajnuna legali qabel u/jew tul il-proċedimenti? Nista' nikseb għajnuna legali jekk ma nkunx qed ngħix fil-pajjiż fejn jitwettqu l-proċedimenti?

Il-vittmi ta' reat kriminali punibbli b'terminu ta' priġunerija ta' aktar minn ħames snin li jbatu konsegwenzi gravi tar-reat kriminali għandhom dritt għal għajnuna esperta mingħand konsulent/a waqt it-tressiq ta' lment b'kostituzzjoni bħala parti ċivili fi proċedimenti, li trid titħallas mill-baġit tal-istat. (Artikolu 43(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali) Dan id-dritt mhuwiex limitat skont ir-residenza permanenti tal-parti li tkun sofriet id-danni.

F'liema każijiet il-qorti kriminali tiċħad jew tirrifjuta li tiddeċiedi t-talba tiegħi kontra t-trasgressur?

Sentenza li ssib ħati lill-imputat tista' tiddeċiedi favur il-parti li sofriet id-danni, il-kawża ċivili kollha fil-qafas tal-proċedimenti, inkella parti minnha u tagħti struzzjonijiet lill-parti li sofriet id-danni biex tressaq kawża separata. Fil-każijiet fejn l-informazzjoni mill-proċedimenti kriminali ma tipprovdix bażi affidabbli għal deċiżjoni sħiħa jew inkella parzjali, il-qorti għandha tagħti struzzjonijiet lill-parti li sofriet id-danni biex tressaq kawża separata.

Meta l-qorti ssib lill-imputat mhux ħati jew ma jintlaqgħux l-akkużi jew il-proċedimenti kriminali jiġu sospiżi b'deċiżjoni, għandhom jingħataw struzzjonijiet lill-parti li sofriet id-danni biex tressaq kawża għas-sodisfazzjon tal-parti ċivili fil-proċedimenti. Meta l-qorti tiddikjara li hi mhijiex kompetenti, għandhom jingħataw struzzjonijiet lill-parti li sofriet id-danni biex tressaq kawża ċivili fil-qafas tal-proċedimenti kriminali li jinbdew jew jitkomplew mill-qorti li għandha l-ġuriżdizzjoni. (Artikolu 158(2)(3) tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali)

Nista' nappella kontra tali deċiżjoni jew infittex mezzi oħrajn ta' rimedju/sodisfazzjon?

Il-parti li sofriet id-danni tista’ tappella kontra s-sentenza abbażi tad-deċiżjoni tal-qorti rigward l-ispejjeż tal-proċedimenti kriminali jew it-talba għad-danni. Madankollu, jekk l-avukat ġenerali qiegħed imexxi l-prosekuzzjoni flok il-parti li ġarrbet id-danni li kienet qed taġixxi bħala prosekutur privat, din tal-aħħar tista’ tappella abbażi ta’ kwalunkwe raġuni li fuqhom tista’ tiġi appellata sentenza. (Artikolu 464(4) tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali (Zakon o kaznenom postupku))

Jekk ningħata kumpens għad-danni mill-qorti, kif niżgura li s-sentenza tiġi infurzata kontra t-trasgressur u x'għajnuna nista' nikseb biex dan jiġi żgurat?

Fuq proposta tal-persuna awtorizzata, tul il-proċeduri kriminali kkawżati mit-twettiq ta' reat, jistgħu jiġu ordnati miżuri interim provviżorji biex tiġi żgurata l-parti ċivili fil-proċedimenti.

Id-deċiżjoni li għaliha saret referenza fil-paragrafu ta' hawn fuq titwassal mill-qorti istruttorja. Wara l-akkuża, l-awla istruttorja għandha twassal deċiżjoni, u l-qorti li tisma' l-kawża għandha tmexxi d-diskussjoni. L-appell rigward il-miżura interim ma jiddifferixxix l-eżekuzzjoni tagħha. (Artikolu 160 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali).

L-aħħar aġġornament: 02/10/2019

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Feedback

Uża l-formola li ġejja biex taqsam il-kummenti u l-feedback tiegħek fis-sit web ġdid tagħna